7% VAT għar-ristoranti: ‘Tnaqqis fil-VAT ipatti għal spejjeż għoljin,’ tgħid l-ACE
Il-President tal-Malta Hotel and Restaurants Association iqajjem dubju fuq il-fattibiltà ta’ din il-miżura
minn Ilenia Debono
Fid-diskussjoni fuq jekk għandhiex titnaqqas ir-rata tal-VAT li jħallsu r-ristoranti u stabbilimineti oħra tal-ikel, imken ma jissemma li l-konsumatur igawdi.
Skont l-Association of Catering Establishments (ACE), jekk ir-rata tal-VAT għal ristoranti, kjosks u stabbilimenti oħra tal-ikel titnaqqas għal sebgħa fil-mija, tgħin biex jonqos ftit mit-toqol tal-ispejjeż tal-istabbilimenti.
Kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg li dil-ġimgħa reġa’ sostna li jekk il-PN jitla’ fil-gvern, inaqqas il-VAT għal ristoranti għal 7%. L-ACE qalet li ilha tagħfas għal din il-miżura għall-aħħar ħames snin.
Kelliem għall-ACE qal lil din il-gazzetta li tnaqqis fil-VAT jgħin biex jittaffew ftit mill-ispejjeż li ġew imposti fuq l-istabbilimenti matul is-snin inkluż dawk tal-BCRS, separazzjoni tal-iskart u l-compliance.
Il-kelliem qal li minħabba dawn l-ispejjeż ġodda, ċerti stabbilimenti kellhom jgħollu l-prezzijiet li wasslu għal instabbiltà fis-suq tal-istabbilimenti tal-ikel kif ukoll stabbilimenti li ma baqgħux kompetittivi bi prezzijiet għoljin.
“It-talba li għamilna mal-Gvern saret wara li rajna x’ġara fil-Ġermanja u l-Irlanda,” qal il-kelliem għall-ACE, b’referenza għall-fatt li l-Ġermanja introduċiet rata ta’ taxxa tal-VAT ta’ 7% fuq stabbilimenti tal-ikel u l-Irlanda se ddaħħal rata ta’ 9% għal dawn l-istabbilimenti.
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li l-ispiża biex il-VAT għall-istabbilimenti tal-catering titnaqqas għal 7% tkun ta’ madwar €140 miljun, u nnota li dan huwa eżattament l-istess ammont tat-tnaqqis tat-taxxa tal-gvern fil-baġit tal-2024.
Huwa kkritika l-fatt li nefqa bħal din tibbenefika biss madwar 3,000 stabbiliment tal-catering, filwaqt li t-tnaqqis tat-taxxa tal-2024 ibbenefika sezzjonijiet kbar tal-popolazzjoni.
Il-ministru qal ukoll li t-tnaqqis propost tal-VAT mhux neċessarjament iwassal għal prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi, u rrefera għal stqarrija mil-lobby tal-catering li tikkonferma dan.
Il-kelliem tal-ACE saħaq fuq id-diskussjonijiet għaddejja mal-gvern minħabba l-fatt li miżura bħal din għandha bżonn kordinazzjoni minn diversi dipartimenti differenti minħabba tibdil strutturali, bħal pereżempju jekk din ir-riduzzjoni fit-taxxa hux se tgħodd għall-istabbilimenti tal-ikel kollha jew ftit niċeċ speċifiċi.
Huwa kkonferma wkoll l-istedina li għamlu lill-Oppożizzjoni sabiex jiddiskutu l-proposta li għamel li qal se sseħħ fl-ewwel 100 jum tal-PN fil-gvern. Hu qajjem mistoqsijiet fuq kif din tista’ tiġi implementata f’100 jum meta huma raw l-ostakli ta’ loġistika warajha li titlob ħafna ħin, allura tixtieq tkun taf kif se taħdem din.
Tony Zahra, il-President tal-Malta Hotel and Restaurants Association, ukoll qajjem dubju fuq il-fattibiltà ta’ din il-miżura. Hu għamel referenza għal dak li qal il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana fejn qal li d-differenza fit-tnaqqis tat-taxxa kieku tkun ta’ €140 miljun.
Zahra qal li din il-figura hija l-istess bħall-baġit tal-Awtorita tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA). “Filwaqt li jkun sabiħ li titnaqqas kwalunkwe taxxa, dan m’għandux jiġi minn tnaqqis fil-baġit tal-MTA għax ikun serjament kontroproduttiv,” spjega Zahra.
F’Malta, ir-rata tat-taxxa tal-VAT fuq stabbilimenti tal-ikel hija r-rata standard ta’ 18%. Din hi waħda mill-ogħla fl-Ewropa hekk kif fl-Italja u fi Franza, stabbilimenti tal-ikel iħallsu rata ta’ 10%, filwaqt li l-Greċja hemm rata ta’ 13% VAT u fir-Renju Unit għandhom rata ogħla ta’ 20%.
L-ACE qalet li taqbel mal-kumment li għamel il-Ministru għat-Turiżmu Ian Borg li kwalunkwe riforma f’dan is-settur tirrikjedi approċċ ħolistiku b’kordinazzjonijiet ma’ awtoritajiet fiskali rigward problemi ta’ liċenzjar, compliance u strutturi operazzjonali.
L-Assoċjazzjoni tenfasizza li l-konsumatur se jibbenefika b’mod indirett b’din il-miżura. “ACE ittenni għall-bżonn tas-sens komun fuq il-biċċa sabiex din ma ssirx aġenda politika ta’ partit,” qalet Muscat fuq din il-biċċa li għandha bżonn diskussjoni kostruttiva ma’ kull partijiet ikkonċernati.
