Skont l-inkjesta mill-ġurnalist ta’ Rai Tre Silvio Schembri, l-ħjiel ġodda jinkludu xhieda minn kollaboratur tal-ġustizzja u xhieda ta’ residenti li jgħidu li raw lil Riina diversi snin ilu. Resident Għawdxi qal li Riina kien jidher qisu turist normali, edukat u kwiet.
Waħda mill-vilel illum hija proprjetà tal-Ministru tal-Agrikoltura Anton Refalo. Refalo xtara l-propjetà bosta snin wara li allegatament intużat minn Riina. Refalo qal lill-ġurnalist tar-Rai li xtara l-proprjetà madwar 25 sena ilu, qabel iżżewweġ. Riina kien maħrub mill-ġustizzja Taljana għal 24 għoxrin sena, minn Lulju tal-1969 sa Jannar tal-1993.
L-inkjesta bdiet minn ittra anonima mibgħuta lill-ġurnalist Pino Maniaci, li kienet tiddeskrivi dar f’Għawdex, b’veduta ta’ Malta u li kienet intużat minn Riina f’diversi okkażjonijiet. Wara investigazzjoni fuq il-post, il-ġurnalisti rnexxielhom jidentifikaw żewġ siti li jaqblu mad-deskrizzjoni.
L-aktar xhieda kruċjali ġiet minn Gaetano Grado, eks-membru prominenti tal-mafja ta’ Sqallija. Fuq il-programm ta’ Giletti sostna li kien jakkumpanja lil Riina f’dawn il-postijiet u li saħansitra kien jorqod hemm ukoll. Skontu, Riina kien iqatta’ żmien f’Malta meta s-sitwazzjoni f’Palermo kienet issir perikoluża wisq.
Skont is-sit tal-aħbarijiet infosannio.com iqumu wkoll mistoqsijiet dwar possibbli investimenti u moviment ta’ flus relatati mal-mafja ta’ Sqallija l-Cosa Nostra fil-gżejjer Maltin li jmorru lura sa mill-anqas it-tmeninijiet u d-disgħinijiet. Grado, il-factotum ta’ Riina, ta x’jifhem li Riina għamel diversi investimenti fil-gżira, fosthom ta’ flus li kellhom jiġu riċiklati, u ġid ieħor li kellu jinħeba. F’kelma waħda, ħasil tal-flus tal-mafja.
Il-konnessjoni ma’ Malta mid-dehra kompliet sal-lum. Fl-2024 l-awtoritajiet Maltin arrestaw lil Antonino Ciavarello li nstab f'residenza fil-Mosta. Ciavarello kien imfittex mill-forzi tal-ordni Taljani fuq rati ta' frodi. Ciavarello huwa ħaten Totò Riina.
Riina miet il-ħabs wara li l-awtoritajiet Taljani rnexxielhom jaqbduh fl-1993. Huwa miet fl-2017 fl-età ta’ 87 sena. Riina kien kkundannat 26 sentenza ta’ għomor il-ħabs, magħruf bħala ‘ergastolo’ għal diversi reati u għall-qtil ta’ 150 persuna fosthom tal-imħallfin Falcone u Borsellino. Riina kien magħruf bħala ‘La Belva’, il-bhima jew il-bestja.