Il-ħidma biex jiġi rkuprat it-tanker Arctic Metagaz falliet minħabba kundizzjonijiet estremi tat-temp, skont ċirkolari maħruġa mill-Awtorità tal-Portijiet u t-Trasport Marittimu tal-Libja permezz tal-Libyan Search and Rescue Coordination Center.
Skont rapport ippubblikat mill-gazzetta Libjana Alsabaah, l-operazzjoni ta’ towing ġiet sospiża għall-ħabta tal-4am tat-2 ta’ April wara li sistema qawwija ta’ pressjoni baxxa ġabet magħha riħ li laħaq madwar 40 knot u mewġ sa 5 metri. Dawn il-kundizzjonijiet għamluha impossibbli għat-tugboat li jerġa’ jikkonnettja jew jikkontrolla t-tanker, li kien diġà waqaf jitkaxkar il-ġurnata ta’ qabel u kien qed josserva biss is-sitwazzjoni.
L-awtoritajiet Libjani wissew li l-vapur jinsab kompletament barra minn kontroll fil-baħar miftuħ.
L-Arctic Metagaz, tanker LNG taħt bandiera Russa u meqjus bħala parti mill-hekk imsejjaħ “shadow fleet” Russu, kien ġarrab ħsarat serji aktar kmieni f’Marzu meta ntlaqat minn drones marittimi, li kkawżaw splużjoni u nirien abbord. Dan wassal biex l-ekwipaġġ jabbanduna l-vapur. Ir-Russja akkużat lill-Ukrajna bl-attakk, iżda dawn ma ħadux responsabbiltà.
L-Awtorità tal-Portijiet appellat lill-vapuri kollha biex iżommu distanza minima ta’ 10 mili nawtiċi mit-tanker u juru kawtela estrema. Barra minn hekk, ġie mitlub li kull osservazzjoni dwar il-kundizzjoni tal-vapur, bħal tnixxijiet jew emissjonijiet, tiġi rrappurtata immedjatament lill-Libyan Search and Rescue Center.
Ġie kkonfermat ukoll li ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tat-Tfittxija u s-Salvataġġ Libjan qed jaħdem kontinwament biex jimmonitorja s-sitwazzjoni u jindirizza kwalunkwe emerġenza, sabiex jitnaqqsu r-riskji għan-navigazzjoni u għall-ambjent marittimu.
Intant, rapporti riċenti indikaw li d-dejta minn sorsi miftuħa tissuġġerixxi li l-vapur jinsab qrib iż-żona ta’ Search and Rescue ta’ Malta, fatt li qajjem spekulazzjoni li l-awtoritajiet Libjani setgħu abbandunaw il-pjan oriġinali ta’ salvataġġ.
Madankollu, kelliem għall-Forzi Armati ta’ Malta ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, u ppreżenta ritratt ajru mhux datat li juri t-tanker b’tugboat Libjan fil-viċin fuq standby. Il-Forzi Armati saħqu li l-każ mhuwiex wieħed ta’ salvataġġ ta’ emerġenza, iżda operazzjoni ta’ salvage f’ilmijiet internazzjonali.
“Il-Forzi Armati ta’ Malta, f’kooperazzjoni ma’ aġenziji oħra tal-UE, qed ikomplu jissorveljaw il-vapur u jirċievu aġġornamenti regolari,” qal il-kelliem, mingħajr ma żvela l-pożizzjoni eżatta tal-vapur.