Xhur wara li l-Malta Polo Club kien ressaq protesta ġudizzjarja fi Frar dwar dewmien serju fil-proġett tal-Marsa, il-polo pitch għadu fi stat li ma jistax jintuża — sitwazzjoni li qed tkomplitqajjem tħassib serju fost dawk involuti fl-isport.
Il-protesta kienet saret wara li l-klabb, imwaqqaf fl-1868 u wieħed mill-eqdem fid-dinja, wissa li d-dewmien kien qed jhedded l-istess eżistenza tiegħu. Dak iż-żmien, il-klabb allega li minkejja skadenza ta’ Ottubru 2025, ftit li xejn kien sar xogħol fuq il-polo pitch, u saħansitra l-uniku pitch li seta’ jintuża kien spiċċa jintuża bħala miżbla.
Illum, skont informazzjoni li għandna, is-sitwazzjoni ftit li xejn inbidlet.
Fil-protesta, il-klabb talab garanziji ċari dwar diversi aspetti fundamentali tal-proġett, inkluż li l-pitch il-ġdid jinbena skont standards internazzjonali kif irrakkomandat minn esperti barranin, sistema adegwata ta’ irrigazzjoni u provista tal-ilma, kif ukoll pjan konkret għad-dawl u l-faċilitajiet infrastrutturali. Barra minn hekk, il-klabb esprima tħassib dwar in-nuqqas ta’ data ċaragħall-konsenja tal-club house u n-nuqqas ta’ ftehim formali mal-konċessjonarji dwar kif se jimxi l-operat.
Sorsi qrib il-post iddeskrivew il-polo pitch bħala wieħed li “qas biss jista’ jintuża,” u wissew li kull attività fuq dan il-wiċċ qed tkompli tagħmel il-ħsara, inkluż lill-korsa tat-tiġrijietinnifisha.
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali: Saru rakkomandazzjonijiet, iżda hemm aktar xi jsir.
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Fleur Abela, ikkonfermat li saru diversi rapporti minn nies li jużaw il-faċilitajiet tal-Marsa, u li hi stess għamlet diversi rakkomandazzjonijietwara spezzjoni.
Hija spjegat li ġew identifikati wires elettriċi esposti, li issa ddaħħlu u saru aktar siguri, qed jiġu diskussi soluzzjonijiet għal żona qrib il-club house fejn hemm bolards tal-ġebla tal-franka li jistgħu joħolqu periklu serju fej spjegat li f’każ li jaħrab żiemel, hemm riskju reali li jispiċċa f’nofs ta’ triq.
Il-Kummissarju żiedet li l-Gvern qed jaħdem biex jirranġa l-club house u jneħħi dawn ir-riskji, iżda enfasizzat li l-proġett jeħtieġ iż-żmien.
“Mhux skuża li nsemmu t-temp, iżda jekk ix-xogħol isir malajr wisq, fit-tul nerġgħu nispiċċaw fl-istess sitwazzjoni,” qalet, filwaqt li saħqet fuq il-bżonn ta’ soluzzjonijiet sostenibbli.
Il-Polo Club: Xogħlijiet għaddejjin iżda t-temp ħoloq dewmien
Min-naħa tiegħu, il-Malta Polo Club qal li x-xogħlijiet għaddejjin, iżda ammetta li kien hemm xi waqfien minħabba x-xita.
“Qed naħdmu id f’id mal-konċessjonarji biex niżguraw li x-xogħol isir skont il-linji gwida tal-esperti,” qal il-klabb.
Il-korsa tat-tiġrijiet ukoll f’kundizzjoni ħażina
Minbarra l-polo pitch, tħassib qed jiżdied ukoll dwar il-kundizzjoni tal-korsa tat-tiġrijiet fil-Marsa.
Skont is-sors li tkellem ma’ din il-gazzetta, partijiet mill-korsa qed “jisfrondaw” u qed turi sinjali ta’ deterjorazzjoni.
It-temp ħażin ġie msemmi bħala fattur li affettwa s-sit, iżda sorsi insistew li dan ma jistax jispjega kollox.
B’xhur jgħaddu mill-protesta ġudizzjarja u l-problemi għadhom preżenti, il-pressjoni qed tikber biex jittieħdu passi konkreti u effettivi sabiex il-faċilitajiet tal-Marsa jerġgħu jsiru siguri u funzjonabbli — kemm għall-annimali kif ukoll għall-isport.