Ħa nkunu ċari. Hija ħaġa tajba ferm li tinstab u tingħata għajnuna finanzjarja għall-isports tat-tfal. Anzi ta’ min jinkoraġġiha. Iżda dil-ġimgħa kellna eżempju ċar ta’ kif din m’għandhiex issir.
L-Assoċjazzjoni għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) iffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-Malta Football Association (MFA) bil-għan li tgħin tfal minn familji b’diffikultajiet finanzjarji jattendu nurseries tal-futbol.
Skont il-ftehim, madwar 160 tifel u tifla minn familji li qed jaffaċċjaw sfidi soċjali u ekonomiċi se jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja biex jattendu nurseries tal-futbol madwar Malta. L-iskema tkopri sa €250 għal kull tifel jew tifla, b’75% tal-ispiża titħallas mill-ARUC u l-bqija mill-MFA.
Din l-inizjattiva mill-ewwel ġiet ikkritikata pubblikament, mill-Ministru għall-Isport Clifton Grima, mill-Partit Nazzjonalista, minn numru ta’ għaqdiet, u mill-pubbliku.
Ovvjament, l-ARUC qed tiddefendi l-ftehim: qed tinsisti li baqgħet konsistenti mal-prinċipji tagħha ta’ prevenzjoni u edukazzjoni kontra l-użu tal-kannabis. Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg ukoll qed tiddefendi l-ftehim.
Dan il-ftehim juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ fehim ta’ xi tfisser verament il-Harm Reduction.
Ma tfissirx li ninnormalizzaw l-użu ta’ dawn is-sustanzi. Harm Reduction tinkludi impenn sħiħ lejn l-evidenza xjentifika u l-ġbir tad-data fuq l-użu tal-kannabis, kif ukoll tipprovdi għarfien estensiv dwar ir-riskji kollha.
B’dan il-ftehim, l-MFA qed taċċetta fondi miksuba mill-użu tas-sustanzi u minn persuni li qed jonfqu l-flus fuq il-kannabis. Dan mhux Harm Reduction.
L-ARUC setgħet, kieku għażlet, provdiet il-finanzjament b’mod li jibqa’ anonimu għall-pubbliku, mingħajr iffanfrar u opportunitajiet għall-midja.
L-MFA issa qisha ndunat li żbaljat. Forsi minħabba l-kritika pubblika kważi totali li qanqal il-ftehim mal-ARUC? Issa ħabbret it-twaqqif ta’ kumitat ġdid bil-għan li jistabbilixxi linji gwida ċari dwar sponsorships.
L-MFA qalet li tagħraf it-tħassib pubbliku dwar din il-kollaborazzjoni u għalhekk qed tieħu passi biex ittejjeb is-sorveljanza u t-trasparenza fil-ftehimiet ta’ sponsorship.
Ma qalitx li se jirtiraw mill-ftehim, ma qalitx li taqbel mat-tħassib pubbliku, ma qalitx li tista’ tifhem għalfejn li hi tassoċja mal-ARUC setgħet qajmet mistoqsijiet u diskussjoni interna.
Xejn. Imma ħa nwaqqfu kumitat ieħor. Kumitat li se jkun responsabbli mill-iżvilupp ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar sponsorships, b’enfasi partikolari fuq l-esponiment tat-tfal.
Bħal qisu biex titfa’ l-melħ fuq il-ferita, l-ARUC qalet li se tiddedika riżorsi biex tappoġġja l-ħidma tal-kumitat, filwaqt li enfasizzat li tisma’ l-feedback kostruttiv u tipprova tikkonvertih f’azzjonijiet konkreti biex ittejjeb l-inizjattivi tagħha.
Kieku ma nafux mod ieħor, l-istorja kollha tidher qisha script miktub għal xi kummiedja.
Iżda sfortunatament hija kollha vera. U iktar minn hekk, tikkonċerna fondi għall-isport, għat-tfal. Dan għandu jkun proċess miftuħ u mingħajr ħabi. Għandu jattratta finanzjament ikbar minn ħafna iktar għaqdiet u kumpaniji.
M’għandux ikun assoċjat mal-użu tal-kannabis bl-ebda mod, irrelevanti minn kemm nippruvaw inżejnu kollox bil-kliem.
Għall-inqas, il-Ministru għall-Isport Clifton Grima serrħilna rasna. Iddeskriva l-ftehim bħala deċiżjoni meħuda “b’nuqqas ta’ ħsieb minn qabel”.
Issa tard wisq.