Il-Gvern jidentifika 10 siti għal bins taħt l-art biex jindirizza r-rimi illegali tal-iskart

Faċilitajiet ġodda ppjanati f’Malta u Għawdex, inkluż is-Swieqi, biex jitnaqqas l-iskart madwar skips u tittejjeb l-indafa pubblika, b’ġbir ta’ madwar 14-il tunnellata kuljum minn żoni turistiċi ewlenin

Il-Gvern identifika għaxar siti madwar Malta u Għawdex fejn se jiġu installati bins taħt l-art f’żoni magħrufa bħala hotspots ta’ skart illegali, bil-għan li titnaqqas il-problema ta’ rimi ħażin ta’ żibel madwar skips.

F’intervista fuq il-programm Mill-Kamra fuq TVM, is-Segretarju Parlamentari għat-Tindif Pubbliku, Glenn Bedingfield, spjega li dawn il-faċilitajiet se jippermettu lir-residenti jarmu b’mod iktar ordnat il-boroż tal-iskart iswed u griż. Huwa sostna li s-sistema tal-bins taħt l-art se tgħin biex jitneħħa l-akkumulazzjoni ta’ żibel madwar il-kontenituri tradizzjonali, li ħafna drabi twassal għal xeni mhux pjaċevoli.

Bedingfield qal li wieħed mis-siti identifikati jinsab fi Swieqi, filwaqt li żewġ siti oħra se jkunu f’Għawdex. Huwa żied li bħalissa għaddej il-proċess biex jinkiseb il-permess tal-ippjanar, partikolarment minħabba kwistjonijiet relatati ma’ encroachment, filwaqt li qed jiġu evalwati teknoloġiji differenti disponibbli fis-suq.

Is-Segretarju Parlamentari rrimarka wkoll li matul l-istaġuni turistiċi, diversi lokalitajiet jesperjenzaw żieda fil-problema ta’ rimi illegali ta’ skart. Huwa qal li kuljum jinġabru madwar seba’ tunnellati ta’ skart miż-żoni ta’ Sliema u Swieqi, u ammont simili minn Qawra u San Pawl il-Baħar.

Minkejja dan, Bedingfield ammetta li fl-aħħar sentejn is-sitwazzjoni tal-iskart illegali wriet titjib gradwali, għalkemm baqa’ hemm sfidi li jeħtieġu soluzzjonijiet sostenibbli fit-tul.

More in Kronaka