Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira kkundannaw bil-qawwa atti ta’ vandaliżmu li seħħew fil-lokalità fl-aħħar jiem.
Skont huma, bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa ġew ivvandalizzati diversi bibien u faċċati f’żoni differenti tal-lokalità, filwaqt li l-persuna jew persuni responsabbli għadhom mhux magħrufa.
Il-kunsillieri rrimarkaw li każijiet simili ta’ vandaliżmu qed isiru dejjem aktar frekwenti f’diversi lokalitajiet madwar Malta. F’dan il-kuntest, appellaw lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jalloka aktar riżorsi umani f’Gżira u l-inħawi tal-madwar.
Huma qalu li dawn l-atti ma jservu l-ebda skop ħlief li jikkawżaw aktar ħsara fil-komunità, joħolqu piż finanzjarju u emozzjonali fuq il-familji milquta, u jiddeterjoraw l-ambjent.
Il-kunsillieri esprimew solidarjetà sħiħa mar-residenti u s-sidien tan-negozji affettwati, u ħeġġew lil kull min għandu informazzjoni dwar min seta’ kien involut biex jikkuntattja lill-kunsill lokali ta’ Gżira jew lill-pulizija direttament.
Fl-aħħar nett, huma assiguraw lir-residenti li l-kunsill se jkompli jsegwi l-każ mill-qrib filwaqt li jkompli jagħmel pressjoni fuq il-Gvern ċentrali biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa.