Momentum jitlob intervent parlamentari fuq żvilupp kontroversjali fil-Mellieħa

Momentum irid li d-deputati kollha jappoġġjaw petizzjoni parlamentari tas-Sindku biex tiġi esproprjata art fil-Mellieħa li tista’ tinbidel f’gueshouse ta’ 26 kamra.

Il-partit Momentum qed jappella għal intervent urġenti mill-Parlament dwar applikazzjoni ta’ żvilupp li tipproponi l-bini ta’ guesthouse ta’ 26 kamra u 28 appartament f’Mellieħa.

Fi stqarrija, Momentum qal li qed jappoġġja bis-sħiħ petizzjoni parlamentari mressqa mis-sindku u l-kunsillieri tal-lokal, li qed jitolbu li s-sit jiġi esproprijat u mibdul f’ġnien pubbliku. Din il-proposta, skont il-kunsill lokali, ilha fuq il-mejda għal aktar minn għoxrin sena.

L-art inkwistjoni kienet qabel proprjetà tal-Gvern, iżda ġiet trasferita lil kumpanija privata permezz tal-Awtorità tal-Artijiet. Is-sindku sostna li l-iżviluppatur kiseb is-sit għal €151,000, b’arranġament ta’ enfitewsi li jista’ jiġi mifdi fl-ewwel 15-il sena.

Il-kandidat ta’ Momentum u residenti Mellieħi Carmel Asciak ikkritika l-istruttura finanzjarja tal-ftehim. Huwa qal li l-ħlas annwali tal-enfitewsi, li jammonta għal €151,000, fil-prattika huwa temporanju, peress li eventwalment jiġi mqassam u trasferit fuq ix-xerrejja tal-unitajiet mibnija.

Skont Asciak, dan ifisser li l-iżviluppatur jibbenefika minn profitt għoli fuq art pubblika, filwaqt li l-piż finanzjarju fit-tul jitħalla fuq ix-xerrejja. Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda li tibbenefika lill-entità privata u tħalli impatt negattiv fuq ir-residenti tal-lokal.

Momentum esprima wkoll tħassib dwar l-impatt tal-proġett fuq iż-żona, u sostna li l-iżvilupp propost jista’ jikser il-politika tal-ippjanar NWTO 1, jaqbeż il-limiti ta’ għoli permessi u jżid pressjoni fuq infrastruttura diġà taħt tensjoni.

Il-partit enfasizza li s-sit għandu valur ambjentali importanti u jaġixxi bħala spazju aħdar essenzjali għall-komunità tal-madwar.

Momentum temm jgħid li d-deċiżjoni issa tinsab f’idejn il-Parlament, u appella lill-membri parlamentari minn kull naħa biex jappoġġjaw il-petizzjoni, sabiex l-art pubblika tintuża għall-ġid komuni u mhux għal skopijiet ta’ spekulazzjoni privata.

More in Kronaka