L-uffiċjal li ta fastidju sesswali lill-mużiċista tal-Orkestra Filarmonika ġie sospiż immedjatament b'nofs paga

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern iwaqqaf bord estern biex jgħarbel iċ-ċirkostanzi u jagħmel rakkomandazzjonijiet 

Ritratt mill-arkivji
Ritratt mill-arkivji

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali jgħid li fil-każ tal-uffiċjal tal-Orkerstra li ta fastidju sesswali lil mużiċista tal-istess orkestra, ġie sospiż "immedjatament b'nofs paga." 

L-uffiċjal, Għawdxi ta' 31 sena, ingħata sentenza sospiża hekk kif ammetta li bagħat messaġġi ta' natura sesswali kif ukoll kien mess lil mużiċista bla permess, minkejja li talbitu f'okkażjonijiet varji biex jieqaf. Dan l-abbuż sesswali beda f'Marzu 2019 u baqa' għaddej sa madwar xahar ilu. Is-sitwazzjoni tant iggravat li l-vittma irriżenajt mill-pożizzjoni tagħha fl-Orkestra bil-għan li tevitah kompletament. 

Intant il-Ministeru spjega li hekk kif jgħaddi l-perjodu tal-appell, jiġifieri ż-żmien li fih l-akkużat jista' jappella s-sentenza tiegħu, bord ta' dixxiplina estern għall-orkestra se jkun qed jisma' l-każ. 

Apparti minn hekk l-Ministeru saħaq li, flimkien mas-sospensjoni tal-membru tal-orkestra, ingħataw struzzjonijiet biex jitwaqqaf bord ieħor estern għall-Orkestra Nazzjonali li għandu l-għan li - bla ħsara għall-ħidma li diġà twettqet mill-Korp tal-Pulizija - jgħarbel iċ-ċirkostanzi kollha marbuta mal-istqarrija tal-fastidju sesswali u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu. 

More in Kronaka