Kellha tirreżenja mill-Orkestra Filarmonika hekk kif uffiċċjal għamel tliet snin jiffastidjaha sesswalment

L-akkużat ammetta li bagħat messaġġi ta' natura sesswali u li mess lill-vittma diversi drabi, minkejja li kienet qaltlu biex jieqaf

Uffiċjal tal-Malta Philharmonic Orchestra jingħata sentenza sospiża hekk kif ammetta li ta fastidju sesswali, fuq perjodu ta' tliet snin, lil mużiċista żagħżugħa.

L-Għawdxi ta' 31 sena bagħat messaġġi ta' natura sesswali kif ukoll kien mess lil vittma bla permess, minkejja li talbitu, f'okkażjonijiet varji, biex jieqaf. Dan l-abbuż sesswali beda f'Marzu 2019 u baqa' għaddej sa' madwar xahar ilu. Is-sitwazzjoni tant iggravat li l-vittma, li hija mużiċista, irriżenajt mill-pożizzjoni tagħha fl-Orkestra bil-għan li tevitah kompletament. 

Minkejja dan l-avukat difensur irrimarkat li l-aħħar kommunikazzjoni li saret bejn l-akkużat u l-vittma kien f'Lulju hekk kif hija kienet blokkjatu minn fuq il-midja soċjali. L-avukat irrimarkat ukoll li l-akkużat kien ibagħti mill-ansjetà tant li wasslet biex temmen il-karriera mużikali tiegħu ħesrem. 

B'hekk huwa ammetta għall-akkużi, li fost dawk imsemmija jinkludu wkoll; Li ġiegħel lill-vittma li tkun soġġetta għall-imġieba sesswali mhux mixtieqa u użu ħażin ta' mobile. Għaldaqstant, huwa ingħata sena priġunerija sospiża għal erba' snin kif ukoll ordni ta' ħames snin biex ma jersaqx lejn il-vittma. Fl-aħħar tas-seduta, l-avukat difensur talbet lill-Maġistrat biex tissospendi s-sentenza, b'indikazzjoni li kienet se tappella kontriha.

Il-Qorti talbet ukoll li isem il-vittma u tal-akkużat ma jixxandrux mill-midja

More in Qrati u Pulizija