Paulina Dembska pprovat tirreżisti l-istupru u baqgħet konxja sal-aħħar minuta

Il-Patoloġista Mario Scerri jiddeskrivi l-ġrieħi kollha li nstabu fuq il-ġisem ta' Paulina Dembska u jisħaq li l-vjolenza li ra fuqha qatt ma ra bħalha qabel

Il-Patoloġista Mario Scerri ddeskriva fil-Qorti d-dettalji tal-ġrieħi li kellha fuqha Paulina Dembska, it-tfajla Pollaka li nstabet mejta f’Tas-Sliema fil-bidu tas-sena.

Scerri qal li l-vjolenza li ġarrbet Dembska qatt ma ra jew sema’ bħalha.

Mario Scerri kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Abner Aquilina, iż-żagħżugħ akkużat bil-qtil ta’ Dembska.

Il-Patoloġista qal li anke jekk Dembska kienet b’saħħitha u pprovat tirreżistih, l-akkużat irnexxielu jegħlibha u jikkawżalha ġrieħi f’wiċċha u f’sidiriha.

Demsbka kienet attakkata waqt li kienet qed titma’ l-qtates fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema, fl-ewwel jum tas-sena.

“Sofriet minn vjolenza li ma tistax tiddeskrivi u daqqiet kbar,” qal Scerri huwa u jikkummenta fuq ir-ritratti li ntwerew fil-Qorti.

Qal ukoll li Demska kienet konxja waqt l-istupru vaġinali u pprovat tirreżisti u dan jidher mill-fatt li anke l-akkużat ġarrab xi ġrieħi u grif. Kien hemm ftuq fil-parti tagħha li jikkonfermaw li l-istupru sar b’forza. 

Il-ġrieħi juru li Dembska nżammet mal-art b’irkopptejn l-akkużat li mbagħad b’saħħa, ppenettraha. Fil-parti tagħha, instab fluwidu seminali.

Anke fuq xufftejha kien hemm laterazzjonijiet li juru li kien hemm pressjoni fuq ħalqa u huwa ċar li kien hemm pressjoni kbira fuq għonqha. Fil-fatt, il-vittma mietet għax ġarrbet ksur fl-għonq, b’Scerri jisħaq li lanqas dawk il-persuni li jmutu bit-tgħalliq ma jġarrbu ksur simili.

Ponn xagħar tal-vittma, instab ftit ‘il bogħod minn ġisimha, fl-istess post li fih instabu ż-żarbun u l-headphones tagħha.

Scerri jikkonkludi li Dembska ma mititx f’daqqa iżda kienet konxja li kienet qed tmut u baqgħet tiġġieled u tipprova tirreżisti sal-aħħar.

Hija nstabet għarwiena, b’saqajha miftuħa mixħuta mal-art.

More in Kronaka