Il-Kamra tal-Kummerċ tappella għal djalogu bejn il-piloti u l-KM Malta Airlines

Wara li l-Għaqda tal-Piloti tal-Linji tal-Arja nediet azzjonijiet industrijali kontra l-KM Malta Airlines, il-Kamra tal-Kummerċ titlob għal djalogu filwaqt li Clyde Caruana jhedded b’azzjoni legali 

 

Il-Kamra tal-Kummerċ esprimiet tħassib dwar it-tilwima dejjem tikber bejn KM Malta Airlines u l-Għaqda tal-Piloti tal-Linji tal-Arja (ALPA), u sejħet għal djalogu immedjat u kostruttiv biex tinstab soluzzjoni għad-deadlock. 

Il-Kamra appellat ukoll għal trasparenza dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-linja nazzjonali, kwistjoni li sa llum baqgħet mhux magħrufa għall-pubbliku minkejja l-wegħdi preċedenti li tkun żvelata. 

It-Tnejn, il-piloti ta’ KM Malta Airlines ħabbru li daħlu fis-seħħ azzjonijiet industrijali wara nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-linja u l-union, b’rabta mas-sigurtà u l-benesseri tal-membri. 

Wieħed mill-punti imqajmin kien il-mod kif pilota jista’ jitlef il-liċenzja tiegħu jekk tittieħed kontrih azzjoni dixxiplinarja. 

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana tkellem mal-gazzetta oħt, il-MaltaToday, fejn qal li ma jeskludiex azzjoni legali sabiex titwaqqaf it-tfixkil li qam mil-azzjoni industrijali tal-union tal-piloti.  

Caruana qal li titieħed azzjoni industrijali fl-aħjar tas-sajf mhuwiex ġust la fuq il-passiġiera u lanqas fuq min iħallas it-taxxa, u qal li riedu nieqfu għal din ir-“regħba”. 

It-Tlieta, il-Kamra rrikonoxxiet id-dritt tal-ħaddiema li jesprimu l-ilmenti tagħhom, iżda qalet li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu solvuti bi djalogu matur u kostruttiv madwar il-mejda. 

"Li tissokta t-tensjoni permezz ta’ azzjonijiet industrijali mhux biss iweġġa’ l-ispirtu ta’ sħubija soċjali, imma wkoll ipoġġi f’riskju l-impjiegi li ż-żewġ naħat qed jippruvaw jipproteġu." 

Il-Kamra ħeġġet lil ALPA biex tqis l-implikazzjonijiet usa’ tal-azzjonijiet tagħha, u saħqet li t-tilwima attwali theded l-istabbiltà ta’ KM Malta Airlines u tqajjem tensjoni bla bżonn fis-settur turistiku. 

Barra minn hekk, il-Kamra nnutat li għadda aktar minn sena minn meta bdiet topera l-linja nazzjonali l-ġdida, iżda s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha għadha ma ġietx żvelata lill-pubbliku, minkejja impenji li dan isir. 

 

More in Kronaka