L-ebda sinjali ta' vjolenza fuq il-katavru ta' Karl Muscat; L-Avukat miet għax falliet qalbu

L-Avukat li kien Prosekutur fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nstab mejjet fir-residenza tiegħu fi Triq is-Sirk fis-Swieqi

L-awtopsja li saret fuq il-katavru tal-Avukat Karl Muscat ma sabet l-ebda sinjali ta' vjolenza fuqu jew inkella sinjali li juru li pprova jiddefendi lilu nnifsu minn xi forma ta' aggressjoni.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-awtopsja kkonkludiet li l-Avukat miet kawża ta' "cardio respiratory failure," jiġifieri għax falliet qalbu.

Dan ifisser li l-possibbilità ta' omiċidju issa ġiet eskluża. 

Madanakollu, il-Pulizija fakkret li għadha qed tinvestiga u li għaddejja wkoll inkjesta maġisterjali.

L-Avukat li kien Prosekutur fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kellu 43 sena, instab mejjet ilbieraħ filgħaxija fir-residenza tiegħu fi Triq is-Sirk fis-Swieqi. 

Kienu l-qraba tiegħu stess li sabuh mitluf minn sensih u talbu għall-għajnuna. Madanakollu huwa kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-fatt li Muscat kien involut fil-Proskuzzjoni ta' każi jaħarqu, malajr wassal biex żdiedu x-xniegħat dwar il-mewta tiegħu. Fil-fatt huwa kien involut fil-każi kontra Yorgen Fenech, Keith Schembri u anke mexxa l-Prosekuzzjoni kontra Christian Borg, akkużat fost oħrajn bi ħtief ta' persuna.

Apparti minn hekk, huwa kien jgħix fl-istess triq li fiha jgħix Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Lura f'Lulju 2020, Theuma kien instab fil-periklu tal-mewt fl-istess triq wara li kien pprova jweġġa' lilu nnifsu.

More in Kronaka