Żagħżugħ ta' 21 sena arrestat u se jkun akkużat li ħaraq diversi karozzi fil-Belt

Il-każi seħħew kollha bejn April u Settembru li għadda

Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet il-Pulizija arrestat żagħżugħ ta’ 21 sena suspettat li kien il-moħħ wara diversi karozzi li ngħataw in-nar fil-Belt Valletta.

L-arrest seħħ mill-Arsons Unit fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett tal-Beltwara sensiela ta’ attakki li seħħew bejn Lulju u Settembru.

Fost oħrajn, kienu ingħataw in-nar tliet vetturi, bil-konsegwenza li erba’ vetturi oħra li kienu pparkjati ħdejhom ġarrbu ħsarat.

L-investigazzjonijiet wasslu wkoll biex l-istess żagħżugħ ġie identifikat li f’April illi għadda, allegatament ħaraq bieb ta’ residenza privata, fil-Belt ukoll. 

Ta’ min ifakkar li fl-istess perjodu kienet ingħatat in-nar il-karozza tas-Sindku Belti Alfred Zammit ftit jiem biss wara li kien tkellem fuq dawn l-inċidenti.

L-attakki fil-Belt Valletta bdew f’Lulju li għadda, hekk kif fis-27 ta’ dan ix-xahar ingħatat in-nar karozza fi Triq San Sebastjan. L-għada, ingħataw in-nar karozzi fi Triq il-Funtana (biswit il-Forti Sant’Iermu). 

Fil-5 ta’ Awwissu, ir-residenti ta’ Triq San Nikola qamu maħsuda għax indunaw b’karozza li qed taqbad u ftit jiem wara, fid-9 ta’ Awwissu l-istess ġralhom ir-residenti fi Triq il-Lvant. 

Dik tas-Sindku Alfred Zammit ngħatat in-nar fl-24 ta’ Settembru. 

Intant, f’April, kien hemm żewġ karozzi oħra li nstabu ħuġġieġa waħda, fosthom karozza li kienet ipparkjata wara Dar il-Mediterran.  

Aqra wkoll:

180 vettura jingħataw in-nar f’inqas minn tliet snin; 11-il każ biss solvut

More in Kronaka