180 vettura jingħataw in-nar f’inqas minn tliet snin; 11-il każ biss solvut

Il-Belt Valletta tinsab fuq nett tal-lista għal din is-sena iżda minn Jannar tal-2018 sal-lum, il-maġġoranza tal-każi seħħew f’Bormla 

Il-karozza tas-Segretarju Ġenerali Floriana FC u l-ġurnalist ta' Net Dione Borg
Il-karozza tas-Segretarju Ġenerali Floriana FC u l-ġurnalist ta' Net Dione Borg

Minn Jannar tal-2018, sal-aħħar ta’ Awwissu tal-2020, kien hawn 180 vettura li ngħataw in-nar fit-toroq, x’aktarx fil-ħemda tal-lejl. Minn dawn, 11-il każ biss ġew solvuti u waslu biex persuni jitressqu l-Qorti. 

Dan jirriżulta minn statistika li talbet il-gazzetta ILLUM lill-Korp tal-Pulizija u dan hekk kif fl-aħħar xhur, kien hemm sensiela ta’ każi ta’ karozzi li ngħataw in-nar fil-Belt Valletta, inkluż dik tas-Sindku Belti, Alfred Zammit, li ftit tal-jiem qabel kien għadu kemm tkellem dwar dan u insista li r-residenti Beltin huma mwerwra. 

Fil-fatt, tul din is-sena, il-maġġoranza tal-każi ta’ karozzi li ngħataw in-nar seħħew fil-Kapitali. B’kollox kien hemm sitt karozzi li nstabu ħuġġieġa. 

L-attakki fil-Belt Valletta bdew f’Lulju li għadda, hekk kif fis-27 ta’ dan ix-xahar ingħatat in-nar karozza fi Triq San Sebastjan. L-għada, ingħataw in-nar karozzi fi Triq il-Funtana (biswit il-Forti Sant’Iermu). 

Fil-5 ta’ Awwissu, ir-residenti ta’ Triq San Nikola qamu maħsuda għax indunaw b’karozza li qed taqbad u ftit jiem wara, fid-9 ta’ Awwissu l-istess ġralhom ir-residenti fi Triq il-Lvant. 

Dik tas-Sindku Alfred Zammit ngħatat in-nar fl-24 ta’ Settembru. 

Intant, f’April, kien hemm żewġ karozzi oħra li nstabu ħuġġieġa waħda, fosthom karozza li kienet ipparkjata wara Dar il-Mediterran.  

L-akbar ammont ta’ każi seħħew f’Bormla 

Iżda jekk din is-sena, l-maġġoranza tal-każi seħħew fil-Belt Valletta, meta wieħed jara l-istatistika kollha li kisbet il-gazzetta ILLUM, li tkopri minn Jannar 2017 sal-aħħar ta’ Awwissu 2020, jirriżulta li l-maġġoranza ta’ każi ta’ vetturi li ngħataw in-nar, seħħew f’Bormla. 

Fil-fatt minn Jannar tal-2018, f’Bormla kien hemm 15-il każ ta’ vetturi li ngħataw in-nar, bil-maġġoranza tal-każi, jiġifieri sitta seħħew fl-2018. 

Il-Belt Valletta, flimkien ma’ Ħal Qormi, jiġu immedjatament wara Bormla hekk kif fil-perjodu msemmi, f’dawn iż-żewġ lokalitajiet kien hemm 13-il każ ta’ vetturi li ngħataw in-nar. 

Fil-Marsa u l-Ħamrun kien hemm 12 u 11-il każ rispettivament, tmienja f’Birkirkara, f’San Pawl il-Baħar u f’Ħaż-Żabbar u sitta f’Wied il-Għajn u ż-Żejtun. 

Fl-aħħar tliet snin, anke jekk id-differenza mhijiex xi waħda sostanzjali, jidher li għadd ta’ każi qed jonqos kull sena. 

Fil-fatt, fl-2018, il-Pulizija kellha quddiemha 64 każ, 60 fl-2019 u 56 sa Awwissu ta’ din is-sena.

Il-vettura tas-Sindku Belti Alfred Zammit
Il-vettura tas-Sindku Belti Alfred Zammit

More in Politika