Avveniment storiku fl-2014: Ir-referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa

F’Awwissu, it-tnax il-għaqda li jiffurmaw parti mill-Koalizzjoni Kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa, nedew il-proċess li permezz tiegħu nbdiet petizzjoni bil-għan li jinġabru l-34,000 firma meħtieġa biex ikun jista’ jissejjaħ referendum dwar it-tneħħija tal-kaċċa fir-rebbiegħa.

Jinġabru l-firem u issa jinsabu fil-proċess tal-verifikazzjoni
Jinġabru l-firem u issa jinsabu fil-proċess tal-verifikazzjoni

Erba’ xhur wara, l-għaqdiet li jiffurmaw din il-Koalizzjoni qegħdin fil-proċess li jivverifikaw dawn il-firem.

Il-PN ma ħax pożizzjoni favur dan ir-referendum. Il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni mhix favur referendum biex tispiċċa l-kaċċa fir-rebbiegħa, iżda tinsab favur diskussjoni sabiex jiġi stabbilit perjodu qasir u kkontrollat ta’ kaċċa fir-rebbiegħa.

Jista’ jkun li ser jiġri bħalma ġara fil-każ tad-divorzju? Dak iż-żmien, minkejja li Joseph Muscat kien favur l-introduzzjoni tad-divorzju f’pajjiżna, il-Partit Laburista ma ħax deċiżjoni uffiċjali u pprefera jilgħab għall-gallarija. 

Wieħed jifhem għalfejn il-Partit Nazzjonalista u speċjalment Simon Busuttil ma jistgħux ikunu favur dan ir-referendum. Il-PN u speċjalment Busuttil ħadmu qatigħ fuq livell Ewropew sabiex pajjiżna jkollu numru ta’ derogi vis-à-vis l-kaċċa fir-rebbiegħa. Għaldaqstant ma tagħmilx sens li issa l-PN immexxi minn Busuttil joħroġ favur dan ir-referendum. 

Madanakollu, jagħmel sew il-PN li jkun aktar viċin tal-ambjentalisti. Ma tridx tkun għaref biex tasal għall-konklużjoni li l-vot tal-kaċċatur qatt mhu ser imur għall-Partit Nazzjonalista. Il-kaċċatur iħossu ttradut mill-PN u mhux lest li jerġa’ jafdah. Għaldaqstant, il-PN jeħtieġ li jkun eqreb ta’ dawk li għalihom l-ambjent naturali tagħna huwa prijorità. Iktar u iktar meta l-Partit Laburista qiegħed dejjem aktar jieħu attitudni favur il-kaċċatur u l-ispekulatur.

Ftit tal-ġimgħat ilu l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) nediet petizzjoni biex titlob lil Parlament Malti jemenda l-Att tar-Referenda u dan biex ikunu protetti l-interessi u d-drittijiet u l-privileġġi tal-gruppi u individwi li qegħdin f’minoranza fis-soċjetà Maltija. 

Il-President tal-Federazzjoni, Joe Perici Calascione, sostna li l-kampanja tal-Federazzjoni trid twassal biex referendum abrogattiv ma jkunx jista’ jsir dwar attivitajiet leġittimi billi l-maġġoranza timponi ruħha fuq kwalunkwe minoranza.

Hu rrefera għall-firem li qed tiġbor, li trid li jkollha 34,000 firma biex issejjaħ għal referendum biex jitwaqqaf id-dritt tal-kaċċa għas-summien u għall-gamiem fir-rebbiegħa. 

Perici Calascione fakkar li dan id-dritt jifforma parti mill-pakkett li Malta kisbet biex issir membru tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ deroga. Fakkar li l-poplu Malti vvota f’referendum għas-sħubija fl-UE li jinkludi mandat biex il-kaċċa fir-rebbiegħa tibqa’. 

Joe Perici Calascione qal ukoll li l-Qorti Ewropea tal-ġustizzja tat sentenza favur li Malta tibqa’ tipprattika l-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem u għas-summien. Għalhekk qal li l-ġbir tal-firem biex isir ir-referedum biex titwaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa hi azzjoni anti-demokratika minn grupp ta’ nies li jrid ineħħi dritt lil grupp ieħor ta’ nies li huma f’minoranza. 

Huwa ċar li Perici Calascione m’għandux idea ta’ x’inhu jgħid. L-ambjentalisti jargumentaw li Malta tkun qed tikser il-liġi kemm Ewropea kif ukoll dik Maltija meta tippermetti li ssir il-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-kaċċa fir-rebbiegħa mhix dritt fundamentali, iżda sempliċiment qtil ta’ għasafar għall-gost. Dan mhuwiex aċċettabbli f’soċjetà moderna. Ftit xhur oħra naraw il-verdett għal dan ir-referendum storiku.

More in Kronaka