‘Il-prijorità għandha tkun li l-kwalità ta’ ħajja tar-residenti tibqa’ titjieb’

Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Mariah Meli, is-Sindku ta’ Ħal Għargħur. 

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek? 
L-ikbar inkwiet tiegħi jibqa’ li nżommu bilanċ bejn il-progress u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Għal ħafna mill-kostitwenti, iż-żamma tal-indafa u d-dixxiplina fost l-oħrajn u ż-żamma tal-karattru raħli tal-lokalità. 

 

Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità? 
Il-kunsill jaħdem biex kull żvilupp isir b’rispett lejn il-wirt storiku u l-ambjent naturali ta’ Ħal Għargħur. Aħna ninsistu fuq konsultazzjoni, infurzar tar-regolamenti u inizjattivi li jħarsu spazji urbani u siti ta’ importanza storika. 

 

Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti? 

Wieħed mill-ispazji miftuħa li joffri żona ta’ rikreazzjoni fost l-oħrajn huwa l-belveder magħruf bħala ‘Top of the World’ u l-ġonna fi ħdan il-lokal. Għaldaqstant, qed naħdmu biex nipproteġu dawk eżistenti u, fejn possibbli, noħolqu oħrajn ġodda għall-familji u ż-żgħażagħ. 

 

Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? 
Il-prijorità għandha tkun li l-kwalità ta’ ħajja tar-residenti tibqa’ titjieb, flimkien mal-lokalità nfisha, filwaqt li nkompli nħarsu l-identità unika li ħallewlna ta’ qabilna. 

 

Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib? 
Hemm proġetti ta’ titjib ta’ toroq u sqaqien, riġenerazzjoni ta’ spazji pubbliċi, inizjattivi ambjentali u attivitajiet soċjali u kulturali biex insaħħu s-sens ta’ komunità u nkomplu nikkultivaw il-wirt storiku li għandna. 

Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti? 
Nixtieq nara aktar faċilitajiet għaż-żgħażagħ u servizzi soċjali li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ kulħadd, inklużi l-anzjani. 

 

Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku? 
Filwaqt li hemm koperazzjoni, ħafna drabi l-kunsilli lokali jkollhom riżorsi limitati. L-isfidi jkunu dejjem preżenti imma b’sinerġija mad-dipartimenti ċentrali dawn jistgħu jiġu limitati. 

 

X’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali? 
Inħares b’mod pożittiv ħafna lejn l-involviment taż-żgħażagħ. It-tnaqqis tal-età minima joffri opportunità biex jinġiebu ideat ġodda u enerġija friska fil-kunsilli lokali. Importanti li jkun hemm gwida u sapport adegwat. 

 

X’miżuri qed jittieħdu biex jinżamm status finanzjarju b’saħħtu? 
Il-kunsill jaħdem bi ppjanar finanzjarju prudenti, kontroll tal-infiq u konformità mar-regolamenti kollha, biex jiżgura stabbiltà u trasparenza finanzjarja. Wieħed irid iżomm f’moħħu l-qagħda finanzjarja li l-amministrazzjoni tal-kunsill preżenti wirtet minn żmien amministrazzjoni preċedenti u għalhekk il-pjan għat-triq ta’ rkupru f’dawn iż-żminijiet huwa kruċjali. 

 

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti? 
Kull proposta għandha tiġi evalwata b’attenzjoni, b’enfasi fuq rappreżentanza ġusta u bilanċjata. L-aktar soluzzjoni ta’ benefiċċju għall-pajjiż hija dik li ssaħħaħ id-demokrazija lokali u l-vuċi tal-komunitajiet li jsawru l-familji Maltin u Għawdxin. 

 

X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa? 
L-ikbar sodisfazzjon hu li nservi lir-residenti ta’ Ħal Għargħur, nisma’ u nattwa flimkien mar-residenti biex flimkien inġibu bidla pożittiva li tinħass fil-ħajja ta’ kuljum u tal-lokal innifsu. 

Ħal Għargħur huwa raħal żgħir u pittoresk fil-parti ċentrali tat-Tramuntana ta’ Malta, magħruf għall-atmosfera kwieta u r-rabta qawwija tiegħu man-natura u l-komunità. Minkejja d-daqs relattivament żgħir tiegħu, ir-raħal għandu identità distinta, b’għadd ta’ toroq dojoq, veduti miftuħa lejn il-widien tal-madwar, u sens qawwi ta’ għaqda fost ir-residenti. Storikament, Ħal Għargħur kien komunità agrikola, u għalkemm illum huwa iktar urbanizzat, għadu jżomm elementi tradizzjonali li jagħtuh il-karattru tiegħu. Il-knisja parrokkjali ddedikata lil San Bartilmew hija ċ-ċentru spiritwali u soċjali tar-raħal, u tilgħab rwol importanti fil-ħajja lokali, speċjalment waqt il-festa titulari. Ħal Għargħur huwa wkoll magħruf bħala wieħed mill-inqas lokalitajiet popolati f’Malta, fatt li jsaħħaħ l-appell tiegħu għal dawk li jfittxu ambjent aktar seren u komunità magħquda. 

 

 

 

More in Intervisti