“Nixtieq li jkun hemm aktar trankwillità fejn jidħol it-traffiku u l-parkeġġi.”
Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Christian Sammut, is-Sindku tal-Ħamrun
minn Ilenia Debono
Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek?
L-akbar sfida għall-Ħamrun hu l-ammont tat-traffiku li jgħaddi mit-toroq ta’ kuljum, nuqqas ta’ parking minħabba żieda fil-popolazzjoni u tal-karrozzi, nuqqas ta’ spazji miftuħa u postijiet fejn in-nies iqattgħu l-ħin liberu tagħhom, l-issue tal-ħamiem li qed joħloq inkonvenjent kbir u ħsara fil-propjetajiet, kif ukoll kwistjonijiet ta’ sigurtà.
Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?
Il-Kunsill isewwi dejjem kull applikazzjoni li tidħol mal-planning authority u joġġezzjona kull meta jkun hemm il-ħtieġa. Il-Kunsill jemmen li l-karattru tal-lokal għandu jibqa’ kif inhu dak tad-djar fuq u isfel u fuq l-istess livell. Ħdimna wkoll biex inġibu fondi biex jiġu rrestawrati propjetajiet f’żona UCA biex jinżamm l-ambjent oriġinali ta’ dawn it-toroq, Fil-fatt ġew restawrati madwar 50 faċċata f’żona UCA fi Triq il-Kbira San Ġużepp.
Il-Kunsill matul dawn l-aħħar snin ħadem biex għamel jew ġab fondi biex jiġu restawrati bosti siti bħal knejjes, kappelli, monumenti, niċeċ fit-toroq, binjiet storiċi, u anke murals antiki li kienu mal-ħitan. L-akbar investiment min-naħa tal-Kunsill u b’fondi Ewropej kien ir-restawr tal-istazzjon tal-ferrovija li bħalissa jiġi amministrat mill-Ħamrun Scouts. Bħalissa wkoll ħa jkun qed isir xogħol fuq żewġ xelters li nstabu waqt li sar xogħol ta’ riġenerazzjoni ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp. Ix-xewqa tagħna hi wkoll li ’l quddiem isir restawr tal-workshop tal-ferrovija li bħalissa qegħdin jużawh il-Malta Dairy Products. Dan il-workshop hu importanti ħafna għax apparti l-kobor u l-istorja li fih, hu post li għadu kważi l-istess bħal meta kien jintuża. Fiż-żmen li ġej ukoll ħa jibda restawr fuq Palazzo Blacas.
Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?
Fl-opinjoni tagħna qatt mhu biżżejjed. Fil-fatt, matul dawn l-aħħar snin ħloqna żewġ spazji ġodda: dak li sar bħala estensjoni mal-ġnien Salvinu Spiteri, kif ukoll bandli ġdid flok triq fi Pjazza San Pawl. L-akbar proġett ta’ spazju miftuħ ġdid hu dak li qed isir fuq il-bejt tal-iskola Ex Liċeo, li se jkun l-akbar spazju miftuħ li jkollna fil-Ħamrun. Xewqa oħra hi li l-post tal-Azzjoni Kattolika, magħruf bħala LEGA, jerġa’ jinfetaħ biex ikompli jkun ta’ għajnuna u servizz bħalma kien fil-passat. Dan hu post kbir b’bitħa kbira li żgur ikun jista’ jgħin biex ikun hawn aktar spazji fejn in-nies jistgħu jmorru, kemm għar-rikreazzjoni, kif ukoll għall-edukazzjoni.
Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?
Il-Ħamrun għandu jkompli bir-riġenerazzjoni li qabad, b’toroq jiġu tranġati u msebbħa. B’dan il-pjan għandu jkun hemm aktar sigurtà u aktar nies u familji jagħżlu li jiġu joqogħdu l-Ħamrun. Il-Ħamrun hu post kummerċjali u għalhekk hemm il-ħtieġa li dan ikompli u nattiraw investiment ġdid, bħalma jiġri wkoll f’setturi oħra bħal dawk tal-boutique hotels li qed jiżdiedu minħabba li aħna viċin il-Belt Kapitali u l-prezzijiet ikunu aħjar mill-Belt, imma fl-istess ħin xorta waħda viċin il-Belt għat-turisti. Nixtiequ wkoll inkomplu bil-pjan li Triq il-Kbira u anki toroq oħra f’xi ġranet isiru pedonali biex jitgawdew aktar min-nies u mhux mill-karozzi biss. Irridu nkomplu bil-pjan li jkun hemm aktar CCTVs fit-toroq, kif ukoll iktar pulizija biex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq u tinbena fiduċja ġdida.
Xi proġetti pjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?
Il-proġetti huma li jkompli jissebbaħ l-ambjent tat-toroq u l-ispazji miftuħa, kif ukoll nagħfsu aktar fuq l-indafa biex l-ambjent ikun wieħed kif verament jixraq u kif tixtieq il-maġġoranza tar-residenti. Proġett ieħor hu edukattiv, biex naraw ukoll lir-residenti jkollhom aktar opportunitajiet ta’ tagħlim sabiex ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom. Proġetti li qed naħdmu fuqhom huma pavimentar ġdid tal-eqdem triq fil-Ħamrun, dik ta’ Atoċja, ir-riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Pawl, bandli ġodda flok dawk li hemm fi Triq Giovanni Barbara, u użu aħjar tal-ġnien Vittmi Ħamruniżi.
Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?
Nixtieq li jkun hemm aktar trankwillità fejn jidħol it-traffiku u l-parking. Dan qiegħed joħloq inkonvenjent lir-residenti u lil min jiġi l-Ħamrun. Hija xewqa tiegħi li jkollna aktar postijiet ta’ parkeġġ taħt l-art biex issolvi din il-problema. Il-Kunsill tagħna diġà ħadem fuq proġett simili ta’ parkeġġ ta’ 150 karozza taħt l-art u dan kien suċċess. Nixtieq li jkun hemm iktar proġetti simili, u kif beda jsir il-parkeġġ filgħaxijiet fiż-żewġ skejjel tal-Ħamrun, dan isir ukoll matul il-ġurnata kollha imma taħt il-ground ta’ dawn l-iskejjel. Ma jagħmilx sens li fil-Ħamrun ikollok tliet grounds ta’ skejjel li jintużaw ftit matul il-ġurnata, meta dan l-ispazju jista’ jintuża ferm aktar f’kull ħin. Jekk ikun hawn numru sew ta’ parkeġġi, jonqos it-traffiku fit-toroq u tingħata trankwillità akbar fit-toroq u lir-residenti.
Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li tiffaċċja bħala sindku?
Min-naħa tiegħi nista’ ngħid li fil-maġġoranza dejjem sibt għajnuna, anke dik finanzjarja, u anke meta għamilt proposti biex jinbidlu l-liġijiet minħabba l-issues tal-housing u l-barranin. Meta kellna proġetti u mort bl-ideat ċari, dejjem sibt l-għajnuna. Vera, forsi ħadu l-ħin, imma li jgħodd hu li jsiru u jibdew jitgawdew min-nies. Nixtieq li jkun hemm aktar għajnuna fejn tidħol is-sigurtà u d-dixxiplina.
Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?
Fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun ma kienx hemm xi tip ta’ impatt għax ma kkontesta ħadd taħt is-16-il sena. L-involviment taż-żgħażagħ jogħġobni għax ma jaqtgħux qalbhom u ma jinkwetawx jibdlu. Jiena nemmen li r-residenti jiddeċiedu u l-vot finali dejjem ikun skont ix-xewqa tagħhom, però nemmen li biex Sindku jagħmel progress fil-lokal importanti jkollu l-esperjenza u jkun matur biex jieħu deċiżjonijiet kultant anke iebsa u mhux popolari.
