‘Hija sfortuna li Malta ddikriminalizzat l-użu tal-kannabis mingħajr l-ambjent neċessarju għal roadside drug enforcement’ jgħid il-President tal-Malta Insurance Association Adrian Galea

F'dan l-episodju ta' Xtra Sajf, jiġi intervistat Adrian Galea l-President tal-Malta Insurance Association

Saret pattern li wara dawn l-inċidenti, il-Malta Insurance Association toħroġ stqarrija. L-assoċjazzjoni dejjem tħambaq għal iżjed infurzar, xi tridu bħala assoċjazzjoni? 

L-ewwel nett meta nitkellmu fuq infurzar, mhux qed ngħidu fuq stat polizjesk imma par għajnejn li jaraw x’qed jiġri fit-toroq tagħna, għax sfortunatament hemm nies li jabbużaw. Il-karozza ssir ta’ detriment meta tabbuża minna. Illum hemm it-teknoloġija li qed tgħin fl-infurzar, pereżempju l-ispeed cameras li jistgħu jintużaw b’mod iżjed effiċjenti.  

 

Il-problema minn fejn ġejja? Mill-kultura jew min-nuqqas ta’ edukazzjoni? 

Dan l-aħħar tkellem il-Prim Ministru fuqha din, fejn ta x’jifhem li forsi wasal żmien li l-multi nirreveduhom. Jiena nemmen fl-edukazzjoni, u fil-fatt issa ħareġ il-code l-ġdid, il-Highway Code li llum sar il-Malta Road Code. Dik parti mill-edukazzjoni. Għandu jkun hemm infurzar mal-edukazzjoni, voldieri dik it-tbeżbiża li kultant ikun hemm bżonnha. 

 

It-tbeżbiża tiġi mingħand il-pulizija, li ftit ilu ħarġet unit ġdid dedikat għall-inċidenti fit-toroq. Din ħa toħroġ data mapping b’hotspots. Ilha naqra li bdiet din il-biċċa. Qed jinħass l-effett tagħha? 

Ix-xogħol ta’ dan il-unit kien diġà jsir mill-pulizija, u ġabruh f’dan il-unit għal iżjed effiċjenza. Aħna kellna l-opportunità nżuru dan il-unit u rajna l-investiment li qed isir sabiex janalizzaw il-kawżi tal-inċidenti.  

 

F’intervisti li tagħmel inti, dejjem tisħaq f’infurzar matul is-sena kollha. F’liema sens? 

Ilkoll nafu x’jiġri fil-perjodu tal-Milied u tal-aħħar tas-sena, b’iżjed attenzjoni għas-sigurtà fit-toroq. Wieħed jista’ jinnota li anke l-preżenza miżjuda ta’ pulizija u LESA matul dan iż-żmien qed ikollu riżultati tajbin. Għalhekk aħna nisħqu fuq dan. Il-fatt li jkollok preżenza ta’ awtorità tal-infurzar toħloq deterrent. Mhux preżenza 24/7 f’kull triq imma hemm ħafna metodi sabiex toħloq dak id-deterrent anke b’biċċa tabella li tgħidlek hawn speed camera. Aħna konna nikkritikaw l-użu tal-breathalayser, imma din is-sena jidher li hemm iżjed infurzar u qed naraw li qed ikollhom riżultati aħjar. Għalhekk il-kritika li m’għandniex niffukaw fil-festi biss għax il-Malti jaf jieħu pjaċir; tieġ isir, festin isir. Mhux ikun hemm pulizija f’kull tieġ imma random checks, f’perjodi differenti u postijiet differenti.  

 

Qed nagħmlu biżżejjed drug testing f’dan il-pajjiż? 

Bħalissa drug testing ma jsirx. Ovvjament aħna konna involuti f’diskussjonijiet mal-pulizija u mal-awtoritajiet. Ilna nħambqu għal xi għaxar snin fuq l-importanza tad-drug testing, li jsir bħall-breathalayser. Hija sfortuna li Malta ddikriminalizzat l-użu tal-kannabis mingħajr l-ambjent neċessarju għal roadside drug enforcement, kif isir f’pajjiżi oħra. L-affarijiet jidhru li mexjin f’dik id-direzzjoni. 

 

Huwa veru li fattur wara dawn l-aċċidenti huwa l-frustrazzjoni fit-triq?  

Din skuża konvenjenti. Jien ma naħsibx li hi skuża li qed tagħmel bik is-sħana jew ix-xemx, kważi kull karozza għandha l-arja kkundizzjonata. Jekk m’għandekx paċenzja tistenna fit-traffiku, oqgħod id-dar jew mur b’mezzi oħra ta’ trasport.  

 

Taħseb li anke f’karozzi b’combustable engine għandna nagħmlu tip ta’ limiti f’rigward ta’ veloċità? 

L-UE introduċiet mekkaniżmu biex jitrażżan il-veloċità u waħda mit-teknoloġija li daħlet kienet li l-vetturi ġodda ta’ wara l-2023, irrid ikollhom teknoloġija li jaqraw l-ispeed limit tat-triq u awtomatikament il-vettura teqleb għal dik il-veloċità. Sfortunatament kien hemm ħafna kritika u nbidlet sabiex tiġi mitfija jew mixgħula skont is-sewwieq. Jiena mmur pass lura. Jien ngħid li tiġi mid-dar li jkollok ġuvni jew xebba li jintervjenu fl-għażla tal-vetturi tagħhom. Trid tiġi mill-ġenituri li jagħtu parir li jixtru karozza sigura għat-triq.  

 

Dawn il-ħabtiet ta’ matul is-sena jikkontribwixxu sabiex togħla l-polza tal-assigurazzjoni? 

Mhuwiex veru li meta wieħed jidħol f’aċċident fejn il-persuna l-oħra kienet fis-sakra jew għaddej iżjed mil-limitu, il-vittma mhux ħa titħallas. Din hi perċezzjoni ħażina għax l-assigurazzjoni qiegħda hemm biex tikkumpensa l-vittma. Jekk ma jsirx breathalayser, drug test, l-assigurazzjoni tibqa’ tħallas mingħajr ma tista’ ddur lura fuq dak li jkun taħt l-influwenza tal-alkoħol jew drogi, u titlob il-flus lura. Dan ifisser li aħna jkollna bżonn ngħollu l-ispejjeż tal-assigurazzjoni. Però din mhix l-unika spiża tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni, bħal kull kumpanija. 

 

More in Intervisti