Bil-Filmat | Alex Borg b'viżjoni żagħżugħa ta' modernizzazzjoni għall-Partit Nazzjonalista
Xtra fuq TVM | Il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid Alex Borg jaqsam il-pjanijiet tiegħu għat-tħejjija għall-elezzjoni li jmiss
minn Ilenia Debono
Fl-ewwel intervista mal-midja indipendenti minn mindu laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista fis-sigħat bikrin tal-Ħadd li għadda, Alex Borg tkellem ma' Karl Azzopardi fuq il-pjannijiet tiegħu għall-partit.
Borg insista li m'hemmx diżgwid bejnu u bejn Adrian Delia, il-kandidat l-ieħor fl-elezzjoni għal Kap. "Bejni u bejn Adrian ma rebaħ ħadd u ma tilef ħadd," qal.
Żied jgħid li l-kampanji tiegħu u ta' Delia wrew kemm verament għadu ħaj il-partit, bin-numru ta' nies li pparteċipaw fl-attivitajiet tagħhom.
Borg indirizza wkoll il-kritika li l-partit huwa "maqsum" minħabba r-riżultat tal-elezzjoni fejn Borg rebaħ b'distakk ta' 44 vot biss, jew 50.1%. ”Il-fatt li ġejna qrib xulxin ifisser li n-nies raw potenzjal fina t-tnejn." Hu qal kif kien hemm min mill-kamp ta' Delia avviċinah wara l-elezzjoni u feraħlu.
Borg qal li l-ikbar biża tal-Partit Laburista bħalissa hija li jkun hemm il-PN magħqud.
B’referenza għall-klikkek li hemm fil-PN, qal li tajjeb ikun hemm "ħsiebijiet differenti" imma dan ma jfissirx li kulħadd għandu għan differenti. "Kollha għandna għal qalbna l-ġid tan-nazzjon,” qal.
Mistoqsi dwar Roberta Metsola, president tal-Parlament Ewropew - li tfaċċat ħafna matul din il-kampanja u anke kien hemm għajdut li se tikkontesta hi għal dan l-irwol - Borg qal li Metsola għandha rwol importanti ħafna li l-ebda Malti qatt ma kellu.
Iżda nsista li l-partit għandu kap wieħed, u li "ħadd m'hu ikbar mill-arma u mill-kap tal-partit, irridu nimxu b’għan wieħed."
Tibdil fil-partit
Borg tkellem fuq it-tibdil li jrid jagħmel fil-partit, inkluż l-introduzzjoni ta' portafolli ġodda bħal dak tal-Intelliġenza Artifiċjali.
"L-AI mhijiex il-futur imma l-preżent." qal. Żied jgħid li jrid jagħti iżjed importanza lis-solitudni. Avolja diġa' hemm portafoll dedikat għas-saħħa mentali, Borg qal li jemmen li "għandna ntuha indipendenza mis-saħħa mentali".
Hu qal li mhux ser iħawwad il-portafolli kollha ta' taħt fuq, iżda jrid isaħħaħhom hekk kif l-elezzjoni ġenerali qegħda toqrob.
Borg qal li jixtieq jintroduċi kumitat tekniku għall-finanzjament tal-partit u li diġa' għandu xi nies f'moħħu, kemm nies li qegħdin fil-partit kif ukoll oħrajn li mhumiex.
Hu qal li se jippubblika l-ismijiet ta' dawn in-nies fil-jiem li ġejjin, flimkien mal-isem tat-tieni persuna li ħa tokkuppa l-irwol tad-deputy leader ma' Alex Perici Calascione.
Borg irid jaħtar ukoll Kap Eżekuttiv tal-partit, li jkollu responsabbiltajiet kummerċjali u finanzjarji. Il-persuna nkarigata tibda tieħu ħsieb primarjament l-assi tal-partit sabiex ikunu utilizzati aħjar mingħajr ma jkun hemm għalfen jinbieħu każini jew id-Dar Ċentrali.
Borg wiegħed li ħa jippubblika l-finanzi tal-kampanja tiegħu kif ukoll il-kontijiet tal-partit, xi ħaġa li kien jgħid li ħa jagħmel il-predeċessur tiegħu Bernard Grech. Bħalu, huwa qal li dawn se jiġu ppubblikati fi ftit xhur.
Mistoqsi fuq il-proposta tiegħu li jintuża l-crowdfunding sabiex tiġi ffinanzjata l-kampanja elettorali li jmiss, hu qalli "m'għandniex power of incumbency bħall-gvern" filwaqt li spjega li l-partitarji tal-PN se jkunu parti mill-din il-kampanja.
Hu qal li dan il-crowdfunding ħa jkun separat mill-maratoni l-oħra li jsiru għall-ħbir ta’ fondi u se jintuża esklussivament għall-elezzjoni ġenerali.
Viżjoni politika ġdida jew repetizzjoni?
Borg qal li jemmen li kap żgħażugħ fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista “se jressaq lin-nies t'hemm barra lejn il-partit".
Hu qal li l-PN se jkun qed jindirizza lil dawk il-100,000 orfni politiċi li ma vvutawx fl-aħħar elezzjoni.
Fuq temi iktar speċifiċi, Borg qal li gvern Nazzjonalista ġdid ma jneħħix il-liġi li tirregola l-użu tal-kannabis, iżda jiffoka fuq l-infurzar u jqajjem kuxjenza fuq l-użu tagħha, filwaqt li jsaħħaħ il-ġlieda fuq it-traffikar.
Borg qal li jekk l-ewtanażja titla’ għal vot quddiem il-parlament, hu jivvota kontra iżda jagħti l-liberta' lid-deputati Nazzjonalisti jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom.
Fuq iż-żieda fil-popolazzjoni, Borg kien ippropona li jiġu identifikati setturi ta' importanza nazzjonali biex imbagħad jingħataw inċentivi lill-Matin biex jidħlu f'dawn l-oqsma.
Qal li settur importanti huwa l-qasam tas-saħħa, fejn in-numru ta’ Maltin li jissieħbu f’dan is-settur qiegħed dejjem jonqos.
Borg kien ippropona wkoll li l-istipendju għal min irid jistudja l-infermeija jiżdied għall-paga minima nazzjonali, b'apprentistat fl-aħħar sentejn tal-kors u xogħol garantit wara li jiggradjaw.
Hu qal li hemm bżonn isir labour market study li janalizza sew is-sitwazzjoni kurrenti, għax is-sistema trid tinbidel.
Qal li jrid jerġa’ jiftaħ l-iskejjel tas-snajja biex ikun hemm iżjed Maltin jitgħallmu snajja, filwaqt li l-ITS għandha tkompli tħejji iżjed Maltin sabiex jidħlu fl-oqsma tal-ospitalita' u l-catering.
Borg indirizza l-allegazzjonijiet li hu viċin tal-lobby tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
"Jien ħabib ta' kullħadd iżda m’jien fil-butt ta' ħadd," qal.
Hu jħoss li hu d-dmir tiegħu bħala Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni li jiltaqa' ma' kulħadd, inkluż għaqdiet u assoċazzjonijiet għax hu jrid jirrappreżenta lil kulħadd.
Dan, qal Borg, huwa bil-kontra ta’ dak li jagħmel il-Partit Laburista li jirrappreżenta "sezzjoni żgħira tas-soċjeta' Maltija".
Azzopardi nnota li għalkemm Borg kiseb suċċess kbir f'Għawdex, il-PL xorta rebaħ l-elezzjonijiet tal-MPE u l-elezzjoni ġenerali.
Borg saħaq li l-PN xorta kiseb suċċess kbir meta rebaħ Għawdex fl-elezzjonijiet tal-MPE u fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, fejn kienu eletti numru rekord ta' kunsilliera nisa u sindki żgħażagħ għall-Partit Nazzjonalista.
Hu qal li ħa juża l-istess strateġija f'Malta: "Minn micro għal macro."
