
“Fl-opinjoni tiegħi, li tkun sindku jfisser li trid tkun tħobb ir-raħal u lir-residenti tiegħu. In-nies u l-ilmenti ma tarahomx bħala dubbien iżda bħala ċavetta għal aktar xogħol u ħidma għall-ġid komuni”
Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Matthew Agius Zammit, is-Sindku ta’ Ħal Kirkop

minn Sean Fenech

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek?
L-indafa hija xi ħaġa importanti ħafna u hija waħda li tinkwetani, b’mod speċjali min iħammeġ barra, meta ma noħorġux l-iskart skont l-iskeda, u anke meta ma nnaddfux wara l-annimal domestiku tagħna li niħduh għal mixja kuljum. Dan joħloq inkonvenjent għan-nies li jkunu qed jimxu u jkerrah l-estetika tal-post. Barra minn hekk, iħalli nuqqas ta’ aċċessibbiltà u mobbiltà fuq il-bankini madwar ir-raħal. Li jkollok bankina dejqa ħafna jew b’rampi mgħawġa ħafna li ma tkunx tista’ timxi fuqha hija ta’ inkonvenjent kbir għal resident tagħna.
Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?
Il-kunsill tagħna, għalkemm m’għandu xejn li jwaqqaf żvilupp jew permess li jkun qed jiġi ppjanat jew jibni, xorta waħda jieħu interess u jagħmel riċerka fuq il-permess u t-tip ta’ bini li ħa jiġi żviluppat. Fejn il-kunsill jara li ma jaqbilx mal-estetika jew mal-ippjanar tal-binja, joġġezzjoni bil-perit tagħna.
Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?
Fir-raħal tagħna għandna diversi spazji miftuħa, fosthom Ġnien Reusett, Aviation Point View li permezz ta’ ftehim ta’ sponsorship mill-MTA, se nsebbħu u nirranġaw ex pitch tal-boċċi, Pjazza Żerniq, Bandli ta’ Triq il-Barrieri, u grazzi għal Project Green, ħa jkun hemm ieħor fi Triq Nerik Scerri.
Għalkemm għandna diversi spazji miftuħa fil-lokalità, hemm dejjem post għal titjib, partikolarment biex inżidu żoni li joffru opportunitajiet għar-rilassament u l-attivitajiet komuni.
Aħna qed nippjanaw proġetti li jinkludu aktar spazji miftuħa biex intejbu l-kwalità tal-ħajja għar-residenti tagħna. Fosthom, ir-raħal tagħna ġie ppremjat bi proġetti ta’ Vjal Kulħadd li se joffru ambjent ħadrani li jagħti aktar arja nadifa lill-qalba tar-raħal, filwaqt li ntejbu l-estetika tiegħu.
Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?
Il-prijorità tal-lokalità tagħna fiż-żmien li ġej ħa tkun li niżguraw l-iżvilupp sostenibbli fil-lokalità tagħna u jiżdied b’mod li jipprovdi aktar opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku u għas-sostenibbiltà ambjentali, inkluż it-tisħiħ tas-servizzi għall-anzjani u ż-żgħażagħ. Nixtiequ wkoll li r-raħal tagħna jkun proġett pilota bħal irħula oħrajn barra minn xtutna, fil-waqt li noħolqu parkeġġi alternattivi għall-karozzi fil-qalba ta’ raħalna, sabiex hekk verament inkunu sostenibbli fil-pjan tagħna.
Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?
Fir-raħal se jkun hemm diversi proġetti oħra. Fosthom se nkomplu naqilbu l-mejnijiet tal-ilma minn sistemi antiki għal dawk moderni. Se nsaħħu l-infrastruttura tal-elettriku u fl-istess ħin intejbu l-infrastruttura tat-toroq fir-raħal tagħna. Ġnien Reusett se jissebbaħ. Se ntejbu wkoll is-sistema tad-dawl għal waħda low light u se ssir ukoll sistema awtomatika sabiex issir il-ġestjoni tal-ilma iktar sostenibbli. Għalhekk, Aviation Point View se jissebbaħ permezz ta’ ftehim u sponsor mill-MTA, li se tkompli tiġi użata mill-Koppin u minn dawk id-dilettanti tal-ajruplani li jiġu barra minn xtutna. Ukoll, se jiġu implimentati proġetti ta’ Vjal Kulħadd bis-saħħa ta’ Infrastructure Malta, wieħed f’Misraħ Kirkop, u ieħor fi Triq in-Niċċa tal-Madonna. Fl-aħħar u mhux l-inqas, se jkun riġeneralizzat il-pitch tal-boċċi sabiex jiġi rrestawrat għall-komunità.
Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?
Li huwa nieqes l-aktar hu ċentru kulturali u ċentri ta’ attivitajiet soċjali għal kulħadd. Aħna qed naħdmu biex nistabbilixxu spazji fejn ir-residenti jistgħu jiltaqgħu, jgħixu esperjenzi kulturali, u jipparteċipaw f’attivitajiet. Hemm ukoll bżonn ta’ aktar infrastruttura fejn jiltaqgħu l-anzjani u ż-żgħażagħ. Inħoss li r-raħal tagħna għandu bżonn iwassal aktar informazzjoni dwar attivitajiet kulturali, kif ukoll informazzjoni dwar xogħlijiet fit-toroq u meta jiġu affettwati s-servizzi ta’ tal-linja. Għalkemm nagħmlu avviżi fuq il-midja soċjali u nolqtu ħafna mir-residenti, xorta waħda nħoss li qed ninsew faxxa ta’ nies, b’mod speċjali lill-anzjani tagħna li mhumiex familjari mal-użu tat-teknoloġija.
Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku?
L-għajnuna mill-awtoritajiet hija dejjem apprezzata, u minn dejjem sibna għajnuna, iżda l-isfidi lokali jistgħu jinvolvu problemi speċifiċi li jeħtieġu aktar riżorsi, b’mod speċjali fondi allokati. Meta nikkumpara r-raħal tagħna ma’ rħula oħra nara li għalkemm aħna żgħar, għandna raħal kbir għax f’raħalna għandna żona edukattiva li tikkonsisti fi skejjel kbar u żona industrijali. Dan iwassal għal iktar bżonn ta’ investiment fl-infrastruttura reġjonali tal-lokalità u inkonvenjent għar-residenti tal-madwar.
Bidliet leġiżlattivi riċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?
L-involviment taż-żgħażagħ jista’ jġib ideat u enerġija ġdida għal ħajja komunitarja aktar dinamika. Għandna obbligu li nħeġġu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċessi lokali u naħdmu biex inżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-pjanifikazzjoni u l-iżvilupp.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji?
Bħala kunsill, nagħmlu monitoraġġ kontinwu tal-baġit u naraw li nkomplu naħdmu b’mod effiċjenti, ninvestu fl-infrastruttura u fis-servizzi. Din hija ferm diffiċli għal lokalità żgħira iżda kbira bħal tagħna għax il-fondi allokati mhux biżżejjed biex insostnu ċertu investiment reġjonali. Madankollu, qed naħdem fuq dokument tal-baġit sabiex nuru li bħala raħal, il-fondi allokati ma jkunux biżżejjed.
X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa?
Bħala sindku, l-iktar parti ta’ sodisfazzjon hija meta nara lin-nies japprezzaw ix-xogħol siewi li jsir kuljum. Li tkun żagħżugħ li trid timraħ fil-karriera tiegħek u taħdem full-time, u tkun sindku, hija sfida kbira. Id-dedikazzjoni u l-motivazzjoni huma ċ-ċavetta għal kollox sabiex nara raħal twelidi jisbieħ u jkun aktar trankwill. Fl-opinjoni tiegħi, li tkun sindku trid tħobb ir-raħal u lir-residenti tiegħu. In-nies u l-ilmenti ma tarahomx bħala dubbien iżda bħala ċavetta għal aktar xogħol u ħidma għall-ġid komuni.