Bħala Sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall- kostitwenti tiegħek?
L-ikbar inkwiet tiegħi bħala Sindku huma diversi. L-iskart illegali huwa l-akbar problema li nħabbat wiċċi ta’ kuljum. Biex inżomm ir-raħal tagħna nadif għamilt ftehim mad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika fejn żidna ħames ħaddiema u sweeping machine. Barra minn hekk, il-Kunsill joffri wkoll is-servizz għall-ġbir ta’ skart goff.
Min-naħa l-oħra, il-ġbir tal-iskart normali, waqa’ taħt ir-responsabbiltà tar-Reġjun Nofsinhar. Dawn is-servizzi kollha huma bla ħlas, u minkejja dan kollu, xorta għad fadal ftit nies li ma jagħmlux użu mis-servizz li joffri l-Kunsill. Is-sens ċiviku huwa kruċjali biex l-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna jkun suċċess.
L-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħi huwa l-iżvilupp li qiegħed isir fil-qasam tal-kostruzzjoni fejn l-art hija limitata. Dan l-iżvilupp qiegħed joħloq problemi kbar fit-toroq tagħna fejn qiegħed jinħass sew in-nuqqas ta’ parkeġġ. Din hija problema komuni ma’ Malta kollha li qegħdin inħabbtu wiċċna magħha ta’ kuljum u ma tantx hemm x’tagħmel għax it-toroq huma dawk li huma.
Il-Kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?
Il-Kunsill joqgħod attent ħafna meta jkun se jsir l-iżvilupp urban. Il-qasam ambjentali dejjem tajnieh prijorità u hekk se nibqgħu nagħmlu. Dan l-aħħar kien hemm applikazzjoni f’Ħal Farruġ biex razzett abbandunat jinbidel f’maħżen għal użu industrijali, kif ukoll parti oħra kbira tal-art tiġi maqluba għal użu ta’ open storage.
Bħala Sindku tkellimt f’isem ir-residenti ta’ Ħal Farruġ fejn għamiltha ċara li ma naqbilx ma’ dan l-iżvilupp tant li l-Pjan Lokali jagħmilha ċara daqs il-kristall li din iż-żona, għalkemm hemm razzett ġo fiha, hija żona li tissejjaħ Strategic Open Gap li l-għan prinċipali huwa li tissalvagwardja l-art minn kwalunkwe tip ta’ żvilupp. Bi pjaċir inħabbar li l-awtoritajiet ikkonċernati qablu mal-argument li għamilt u m’approvawx dan l-iżvilupp.
Il-wirt kulturali huwa għal qalb il-Kunsill Lokali tant li sar restawr fuq l-istatwa ddedikata lill-Madonna tal-Kunċizzjoni li tinsab f’Misraħ il-Knisja, kif ukoll tliet niċeċ iddedikati lil San Gużepp, San Miekel, u l-Qalb ta’ Ġesù li jinsabu fiċ-ċentru tar-raħal.
Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar- residenti?
Ir-raħal tiegħi huwa maqsum fi tnejn. Il-qalba tar-raħal, li għandek l-akbar popolazzjoni, għandha nuqqas ta’ spazji miftuħa. Il-Gvern Ċentrali konxju ta’ din il-problema tant li l-unika Art Pubblika li tinsab fi Triq Mikilang Sapiano fejn kien se jsir żvilupp tal-Housing, issa se ssir proġett ta’ spazju miftuħ minn Project Green. Din kienet waħda mill-wegħdiet tiegħi f’isem il-Kunsill Lokali li se ssir realtà.
Ħal Farruġ jinsab fil-periferija u din iż-żona, għalkemm imdawra bl- industrija, għandha wieħed mill-akbar parks għall-familja, fejn in-nies iqattgħu ħafna ħin ta’ mistrieħ qalb il-ħdura tas-siġar. Barra minn hekk, matul din is-sena se nkomplu naħdmu biex isiru aktar spazji ħodor u tisbiħ mad-dawra tal-Housing Estate fi Triq ir-Russett l-Abjad u Triq Wied in-Noqor.
Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?
Bħala Sindku responsabbli mit-toroq u l-proġetti kapitali, il-prijorità tiegħi se tkun li l-ftit toroq li baqa’ jinsabu fi stat ħażin, jinbidlu s-servizzi kollha u jingħataw wiċċ ġdid bit-tarmak. Bħalissa diġà qegħdin isiru żewġ toroq li huma Triq G. Tragance u Triq il-Karmnu. Wara li jitlestew dawn, ikun imiss Triq Indrì Micallef, Triq Ċensu Decandia, Triq Sir Ugo Mifsud u Triq Ħal Tarxien. Grazzi lill-Infrastructure Malta ta’ din l-għajnuna li qegħdin jagħtu lill-Kunsill Lokali.
Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?
Ir-Restawr tal-Kappella ta’ Santa Marija tal-Ftajjar.
L-installazzjoni ta’ kameras madwar il-lokalità ta’ Ħal Luqa u Ħal Farruġ. L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li jinħoloq smart city fuq skala żgħira, bl-użu ta’ kameras ta’ intelliġenza artifiċjali li jaħdmu bis-sensors sabiex josservaw it-traffiku u l-veloċità, kif ukoll ikollna d-data kif titkejjel il-kwalità tal-arja u l-livell ta’ storbju.
Proġett ieħor ta’ tisbiħ fejn il-Kunsill irċieva grant ta’ €71,552 mill- aġenzija LESA. Premezz ta’ dan il-proġett, sqaqien antiki fir-raħal tagħna se jiġu mdawla b’lampi dekorattivi.
Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?
Hemm diversi nuqqasijiet fosthom il-Bus Shelters, it-Trasport Pubbliku, u li tiġi aġġornata l-legal notice tal-parkeġġ tar-residenti. Minkejja t-talbiet li ilna nagħmlu bħala Kunsill Lokali sal-lum għadu ma sar xejn.
Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala Sindku?
Bħala Sindku li ilni nokkupa din il-kariga għal dawn l-aħħar 27 sena għandi relazzjoni mill-aqwa mal-awtoritajiet, kif ukoll dejjem sibt l-għajnuna. Ma’ dan kollu xi kultant isiru xi xogħlijiet li ma nkunx naf bihom għax ma nkunx ikkonsultat. Dan jiġri minħabba l-iżvilupp kbir li qiegħed isir fil-qasam tal-infrastruttura.
Bidliet leġiżlattivi riċenti naqqsu l-età minima għas-Sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-Kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?
Dan l-aħħar il-Gvern għamel bidliet leġiżlattivi fejn żgħażagħ ta’ 16-il sena jistgħu jiġu eletti bħala Sindku. Fl-opinjoni umli tiegħi ma naqbilx li żagħżugħ ta’ 16-il sena jokkupa l-kariga ta’ Sindku. Fil-kariga ta’ Sindku għandek responsabbiltà kbira u minkejja l-esperjenza u s-snin li tkun ilek tokkupa din il-kariga dejjem hemm affarijiet li titgħallem. L-esperjenza hija l-akbar għodda u din iġġibha biż-żmien. Min-naħa l-oħra nemmen bil-qawwa kollha li tajjeb ikollok żgħażagħ fil-Kunsill fejn ikollhom ideat friski li flimkien mal-Kunsilliera adulti nkun nistgħu nagħtu servizz aħjar lill-komunità.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il Kunsill Lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-Kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji?
Kull tliet xhur, il-Kunsill joħroġ Quarterly Report li jagħti stampa ċara tal- qagħda finanzjarja tal-Kunsill. Ta’ kuljum, jiena, flimkien mas-Segretarju Eżekuttiv, naraw xi skemi jew opportunitajiet offruti mill-Gvern Ċentrali hemm sabiex nibbenefikaw minnhom. B’hekk inkunu qegħdin intaffu u nżommu taħt kontroll il-finanzi tal-Kunsill.
X'inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u l-ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu?
Dawn il-proposti huma taż-żewġ partijiet tal-PL u ELCOM. Għalkemm ġew ippreżentati lill-Kummissjoni Elettorali, għadhom fi stadju bikri biex wieħed jitkellem fuqhom.
X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa?
L-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħi bħala Sindku s’issa kienet fil-qasam tal-Infrastruttura. L-aktar qasam li n-nies tħares lejh b’importanza huwa dak tat-toroq, bankini, dawl, u servizzi infrastrutturali oħra. Hija x-xewqa ta’ kulħadd li jkollna toroq fi stat tajjeb. Il-Kunsill Lokali qatt ma seta’ jidħol fi proġetti ta’ natura kapitali minħabba limitazzjoni ta’ fondi. Konxju ta’ din il-problema, il-Gvern Ċentrali, taħt Infrastructure Malta, qiegħed jgħin lill-Kunsilli billi japprova t-talbiet min-naħa tagħna sabiex dawk it-toroq li jinsabu fi stat ħażin jerġgħu jinbnew mill-ġdid. Sodisfazzjon ieħor tiegħi u tal-Kunsill kien illi fiċ-ċentru tar-raħal tagħna, flok binja tal-Housing se jkollna spazju miftuħ ieħor biex jitgawda mill-komunità. Ninsab sodisfatt li taħt it-tmexxija tiegħi saru ħafna toroq f’Ħal Luqa u Ħal Farruġ li kienu ilhom aktar minn 50 sena li saru.