Skont Jason Micallef il-Vitals kienet vendetta politika
F’intervista esklussiva mal-ġurnal ILLUM, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef jitkellem fuq diversi temi kurrenti bħall-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista

minn Ilenia Debono
.png)
“Huwa impossibbli li l-ebda mexxej fid-dinja jagħmel kollox tajjeb,” hekk beda l-appell tiegħu Micallef. Hu enfasizza l-appoġġ tiegħu speċjalment fir-rigward tal-inkjesta tal-Vitals fejn hu insista li din kienet vendetta politika.
Micallef qal li llum il-ġurnata kulħadd induna li din verament kienet vendetta politika u “froġa sħiħa” hekk kif l-inkjesta ġiet tiswa miljuni u ilha għaddejja żmien twil filwaqt li l-kumpanija li fetħet l-inkjesta tħallset u għalqet. Barra minn hekk, hu qal li kull min ipparteċipa sabiex tinġabar l-evidenza ma jridx jixhed, u Harbinson stess irrifjuta li jagħti kull tip ta’ xhieda, sal-ġurnata li saret l-intervista, fenomenu li qatt ma ġrat qabel.
Riżultat ta’ dan, hu jemmen li l-avversarji ta’ Muscat li ħarġu għall-attakk kontrih waqt il-proċeduri, inkluż il-Partit Nazzjonalista u l-għaqda ċivili Repubblika, iridu jneħħu l-kapitlu tal-każ tal-Vitals mill-istorja ta’ Malta.
Il-ġurnal ILLUM poġġa bilqiegħda mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef sabiex jiddiskuti bosta ġrajjiet kurrenti, fosthom l-appoġġ tiegħu lejn l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Jason Micallef fuq Johann Grech, Mark Camilleri u Robert Abela
Matul dawn l-aħħar xhur qamu diversi kontroversji rigward deċiżjonijiet li ħa l-Gvern. Micallef ta l-opinjoni tiegħu fuq ftit minn dawn, inkluż il-kuntratt ta’ €25,000 li ngħata lil Mark Camilleri mill-Kunsill Malti għall-Arti. Micallef qal li ma jaqbilx ma’ din id-deċiżjoni hekk kif jemmen li Camilleri “ma kienx jistħoqqlu.”
Kontroversja oħra kienet dik, ta’ Kurt Buhagiar li reġa’ daħal fil-kariga tiegħu mal-Awtorità tal-Artijiet wara li ġie sospiż minħabba l-involviment tiegħu fil-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Micallef beda billi qal li f’okkażjonijiet ta’ pressjoni kbira fuq il-Gvern, bħal dawn, ma tkunx qed tidher l-istampa kollha fil-pubbliku.
“M’hemmx dubju li l-persuna għandha kull dritt li taħdem, lil hinn jekk kellhiex każ il-Qorti fil-passat,” stqarr Micallef. Skontu, ma nkisret l-ebda liġi meta Buhagiar reġa’ daħal fl-impjieg tiegħu mal-Awtorità tal-Ippjanar. Fl-isfond ta’ dan, Kurt Buhagiar qed jaffaċċja akkużi, flimkien m’erba’ individwi oħra, għall-qtil involontarju ta’ Sofia.
Każ ieħor kontroversjali huwa l-illegalitajiet tal-binja ta’ Montekristo u l-multa ta’ €1.8 miljun. Micallef reġa’ tenna li f’deċiżjonijiet bħal dawn ikun hemm raġunijiet differenti għala sar hekk.
L-industrija tal-films u l-valur miżjud
Wara li ħarġet l-ispiża totali tal-Mediterrane Film Festival ta’ din is-sena kienet €5 miljuni, Micallef kien minn tal-ewwel li qal li b’dik is-somma setgħu jittellgħu serje ta’ attivitajiet kulturali differenti iżjed minn darba. Huwa tenna li hu mhux kritiku tal-industrija tal-films imma ta’ din in-nefqa.
Hu qal li matul dawn l-aħħar 15-il sena, hu kellu rwoli fejn kellu jamministra fondi pubbliċi mal-Gvern, u f’dawn l-irwoli hemm ċerti proċeduri amministrattivi li wieħed irid jimxi magħhom inkluż dik tal-procurement, xi ħaġa li hu qal dejjem mexa magħha.
“Jien nemmen li kull uffiċjal pubbliku għandu josserva dan,” hu qal, u b’hekk hu jidderieġi l-kritika tiegħu lejn dawn iċ-ċerti attivitajiet popolari fejn m’għandux ikun hemm “infiq bla rażan.”
Micallef qal li m’hemmx ġustifikazzjoni għall-infiq ta’ somma kbira mill-fondi pubbliċi fuq attività daqstant kbira meta dak l-ammont jista’ jintuża għal diversi attivitajiet oħra li jiswew ħafna inqas bl-istess effett, jew anke akbar.
Il-Kap Eżekuttiv faħħar ix-xogħol tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, speċjalment ir-rinnovar tal-infrastruttura tal-kwartieri tal-Kummissjoni li kienet ħalliet taqa’ fi stat t’abbandun taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.
Hu qal li jinkorla meta jara attivitajiet “sproporzjonati u extravaganti” bħal dawn itappnu x-xogħol siewi li jagħmlu kemm il-Kummissjoni tal-Films u kemm il-Gvern. “Niskanta kif il-Kummissarju stess ma jindunax li bl-extravaganza tal-Mediterrane qed jittappan ix-xogħol tajjeb li qed jagħmel hu.”
Il-kaos tal-Partit Nazzjonalista
Hekk kif bħalissa l-Partit Nazzjonalista għaddej minn strutturar intern bl-irwol tal-Kap vakanti, Micallef qal kif mhijiex xi ħaġa tajba li jkun hemm oppożizzjoni ma tiffunzjonax sew fil-parlament, speċjalment kif il-parlament Malti jaħdem bis-sistema ta’ duopoly.
Hu tenna kif il-kostituzzjoni ta’ Malta tagħti l-poter lill-Prim Ministru sabiex iħabbar elezzjoni ġenerali meta hu jaħseb li hemm bżonn, bla ma jikkonsulta ma ħadd, u għandu d-dritt jagħmel dan jekk jaħseb li hu xieraq.
Meta mistoqsi jekk hemmx xi kandidat bejn Alex Borg u Adrian Delia li hu jaħseb ikun aħjar bħala Kap tal-Partit, Micallef ma tax indikazzjoni ċara ta’ preferenza bejn wieħed jew ieħor.
Madankollu, Micallef qal li l-għażla qiegħda bejn Adrian Delia, li storikament għandu esperjenza jmexxi partit u Alex Borg li kulm’għandu esperjenza bħala Deputat Nazzjonalista f’dawn l-aħħar tliet snin. Hu kkummenta fuq il-fatt li Delia kien l-ewwel Deputat Nazzjonalista li kkontesta tliet darbiet għal din il-kariga, u meta tela’ mat-tieni darba ġie mkeċċi mid-deputati l-oħra.
Huwa kkummenta wkoll fuq kif Roberta Metsola “ċaħdet ix-xewqa tal-Partit Nazzjonalista” li tikkontesta għal dan l-irwol meta d-deputati kollha kienu ċerti li hi ħa tilqa’ din is-sejħa, imma hi ppreferiet li tibqa’ Brussell fejn ħolqot kaos ikbar.
Micallef innota wkoll l-età ta’ Borg, fejn qal li ta’ 29 sena ddeċieda li jikkontesta għal dan l-irwol meta tradizzjonalment politiċi ta’ bejn l-20 u d-29 sena jiġu kkunsidrati għall-Kunsilli Lokali.
Huwa tkellem fuq ir-regoli li ġew imposti fuq iż-żewġ kandidati, li ma jistgħux jiddibattu bejniethom u kif il-kumitat elettorali tal-PN qed “jiddiskrimina” bejn il-ġurnalisti billi jagħżel min jista’ jintervista lill-kandidati. Din, skontu, hija turija ċara li, la l-partit, u l-anqas il-kumitat elettorali ma jafdaw iż-żewġ kandidati.
L-amministrazzjoni ta’ Robert Abela
Meta mistoqsi jagħmel paragun bejn l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela u dik ta’ Joseph Muscat, Micallef qal li kull politiku għandu l-istil ta’ tmexxija tiegħu b’karatteristiċi differenti. Madankollu, hu qal li wieħed jista’ jara li kien hemm kontinwità bejn amministrazzjoni għall-oħra, speċjalment fit-tħassib ekonomiku u t-tkattir tax-xogħol. Kontinwità li skontu sarrfet f’appoġġ simili fl-aħħar tliet riżultati elettorali.
Kwistjoni li tkellem fuqha Micallef kienet il-gwerra f’Gaża, u r-rikonoxximent tal-istat Palestinjan mill-Gvern Malti. Hu qal li personalment jemmen li Malta għandha tirrikonoxxi l-Palestina bħala stat u li jittama li dan ma jdumx biex issir.
Hu faħħar ix-xogħol diplomatiku tad-Deputat Prim Ministru Ian Borg flimkien ma’ dak ta’ Robert Abela li huwa wieħed “ekwa u tajjeb ħafna.”

.png)

