‘Nemmen li l-ikbar sfida fil-lokalità tiegħi hija li nedukaw kemm nistgħu biex inżommu l-indafa’

Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħhom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Mario Calleja, is-Sindku ta’ Wied il-Għajn

“Il-kostitwenti tagħna, bħal ta’ kull raħal, jistennew li jkollna kollox ward u żahar iżda qatt mhu faċli.”
“Il-kostitwenti tagħna, bħal ta’ kull raħal, jistennew li jkollna kollox ward u żahar iżda qatt mhu faċli.”

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek? 

Nemmen li l-ikbar sfidi fil-lokalità tiegħi ta’ Marsaskala hija li nedukaw kemm nistgħu biex inżommu l-indafa. Il-lokalità tagħna splodiet fejn tidħol kostruzzjoni allura l-popolazzjoni kibret b’400%. 19-il sena ilu, meta ġejt elett l-ewwel darba bħala Sindku tal-lokal, kien hawn biss 6,500 ruħ permanenti iżda llum il-popolazzjoni telgħet għal 18,000 fix-xhur tax-xitwa u madwar 38,000 fis-sajf. Dawn apparti dawk li jgħixu hawn u mhux reġistrati. Iż-zieda ta’ barranin tilgħab parti essenzjali. Għandna madwar 47 lingwa differenti. Il-kostitwenti tagħna bħal ta’ kull raħal jistennew li jkollna kollox ward u żahar iżda qatt mhu faċli. Dwar is-servizz min-naħa tal-uffiċċju amministrattiv ma jkollniex wisq ilmenti. Is-servizz lejn iċ-ċittadin dejjem jiġi l-ewwel. 

Il-Kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità? 

Minn naħa noqogħdu ħafna attenti fejn naraw applikazzjonijiet abbużivi u mhux darba jew tnejn noġġezzjonaw iżda fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni finali hija dejjem dik tal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-wirt nazzjonali nippeservawh kemm nistgħu u napplikaw tista’ tgħid għal kull skema li joħroġ il-Ministeru tal-Wirt Kulturali.  

Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?  

Spazji miftuħa qatt mhuma biżżejjed iżda nista’ ngħid li ħloqna ħafna spazji għall-benefiċċju ta’ residenti ta’ kull età. Minn persuna ta’ età avvanzata sa tfal tal-iskola.

⁠Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?

Bla dubju li bħala Kunsill dejjem niddiskutu xi tip ta’ progress fuq dak li diġà huwa eżistenti. Issa apparti twaqqigħ u bini mill-ġdid tal-promenade, irridu flimkien mal-Gvern Ċentrali nsolvu l-problema tal-ilma baħar li jitla’ fuq l-art anke fis-sajf.  

⁠Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?

Qed naħdmu ħafna biex jinbena spazju miftuħ ieħor għall-persuni ta’ età avvanzata billi jsir apparat li jista’ jintuża minnhom. Inħolqot ukoll mis-settur privat dar tal-anzjani u bl-għajnuna tal-Ministeru tal-anzjani nħoloq ukoll ċentru ta’ matul il-jum li jattira mal-120 persuna kuljum. Flimkien mal-Gvern Ċentrali għaddejjin fuq ir-riġenerazzjoni tal-Park tal-Inwadar kif ukoll hemm il-ħsieb ta’ moll ġdid biex jiġi introdott trasport bil-baħar. 

⁠Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?

Nemmen li ta’ kuljum naħdmu biex nibqgħu nedukaw. Dan l-aħħar ġew aġġudikati l-aqwa sejħiet għall-offerti fejn tidħol l-indafa, (kenniesa) kollezzjoni tal-iskart domestiku u skart goff u dak tal-ġonna biex jissebbaħ l-ambjent. Bħala Kunsill kuntenti ħafna minn dan is-servizz.  

Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku?  

Min-naħa tagħna ma naħsibx li għandna għalfejn nilmentaw. Fondi qegħdin hemm minn kullimkien inklużi dawk Ewropej. Wieħed irid jiftaħ għajnejh u japplika għalihom.

⁠Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal sittax-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-Kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?

Impatt fuq il-Kunsill tagħna ma kellux. Jiena naqbel li għandu jkun hemm kunsilliera ta’ 16-il sena iżda mhux b’responsabbiltà ta’ Sindku. Persuna ta’ dik l-età la għandha liċenzja u lanqas tista’ tkun firmatarja ta’ ċekk. Nemmen li r-responsabbiltà hija kbira. Għandna ngħallmuhom kemm nistgħu fl-ewwel legiżlatura tagħhom u wara jmexxu. Għaliex le? 

⁠L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-Kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji?

L-aktar ħaġa importanti hija li jkun hemm kuntatt kontinwu bejn is-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv. Ma ninsewx li l-finanzi huma reponsabbiltà personali fuqhom. Kif diġà spjegajt, mill-allokazzjoni tal-Gvern biss ma jsirux proġetti. Tingħata attenzjoni enormi u kif suppost biex meta ta’ kull sena jiġu l-awdituri, dawn ikunu jridu jaraw sal-anqas irċevuta. Tieħu gost li jkollok segretarji b’għajnhom miftuħa u jaraw li jkollhom kollox kif suppost. 

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu? 

Ma naf xejn fuqhom ħlief għajdut.  

X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa?  

Li tiġi elett ħames leġiżlaturi konsekuttivi nemmen li tkun għamilt ix-xogħol tiegħek minn qalbek u li tkun tajt servizz lin-nies. Nifhem li jkun hemm min jagħmel ħsara iżda mhux għax inti tkun għamilt xogħol ħażin iżda għax ikun jaqbel hekk għal xi individwu. Li ma semmejtx huwa li wasal il-waqt li s-Sindku għandu jkun full-time biex meta resident jiġi u jfittxu jsibu. 

More in Intervisti