Il-Gvern Laburista biddel l-istil ta’ tmexxija fil-Forzi Armati
Darren Carabott huwa l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà. Wara s-serqa mill-AFM, il-gazzetta ILLUM poġġiet ma’ Carabott sabiex tiddiskuti l-istat tal-Forzi Armati u s-sigurtà ta’ Malta.

minn Ilenia Debono

Għandek xi kummenti rigward l-inkjesta li ħarġet fuq is-serqa li saret lill-AFM?
Il-mistoqsija li l-Gvern qed jagħżel li jinjora hi: min se jerfa’ r-responsabbiltà politika għal serqa ta’ 132 kilogramma droga minn bażi militari, wieħed mill-aktar postijiet sikuri f’pajjiżna – liema droga baqgħet ma nqabditx kollha lura. Ħadd ma ppretenda r-riżenja tal-Ministru Byron Camilleri għax kellu jkun hu għassa mal-kontejner mimli droga – iżda għal isem pajjiżna, hemm bżonn li xi ħadd jerfa’ r-responsabbiltà. Dment li se jibqa’ jirrappreżenta l-Forzi Armati ta’ Malta, il-Ministru Byron Camilleri, se jibqa’ simbolu tad-dgħufija fis-sigurtà nazzjonali tagħna. U dan itebba’ r-reputazzjoni li jixraq lill-uniformi ta’ pajjiżna.
L-istess bħal ma ġarrx ir-responsabbiltà meta ħarbu żewġ Marokkini minn fuq ajurplan, u għadhom ma nstabux. L-istess bħal ma ġarrx ir-responsabbiltà meta l-Ombudsman ikkundanna t-tmexxija tal-ħabs li wasslet għal mewta u suwiċidju ta’ 14-il persuna, u l-Ministru baqa’ jiddefendi l-istatus quo. L-istess bħal ma ġarrx ir-responsabbiltà meta l-Kummissarju tal-Pulizija ma investigax il-każijiet tal-Vitals, ma investigax 17Black, ma ressaq lil ħadd fuq tal-Pilatus, ma ressaqx il-ħuta l-kbira dwar il-frodi tal-benefiċċji soċjali u l-liċenzji tas-sewqan.
Inti taqbel li ż-żgħir għandu jieħu r-responsabbiltà ta’ li ġara jew il-kbir? Għaliex taħseb hekk?
Dak li għandu x’jaqsam ma’ proċeduri dixxiplinarji fuq individwi mhuwiex mertu jew suġġett politiku. Kulħadd huwa responsabbli għal-livell li jokkupa, u kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu. Iżda l-politiku m’għandux jidħol dwar passi dixxiplinarji – dak huwa mertu tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-istrutturi dixxiplinarji.
Il-Partit Nazzjonalista madankollu jagħmel enfasi u jibqa’ jinsisti għal dik li hi responsabbiltà politika: u ċioè li l-Ministru Byron Camilleri għandu jirreżenja, jew jitneħħa jekk mhux se jieħu dak il-pass.
L-istat ta’ kif qiegħda l-AFM ilu jifforma minn qabel amministrazzjoni Laburista. Taqbel ma’ din l-istqarrija u għaliex?
Ma naqbilx … u qed nitkellem b’fatti u b’riċerka. Meta l-Gvern Nazzjonalista tal-1987 sab istituzzjoni mkissra, b’fizzjali li qatt ma kienu tħarrġu barra ’l pajjiż f’akkademji. Dan kollu nbidel – u saħansitra mhux biss fizzjali, iżda anke surġenti u suldati bdew jitħarrġu f’korsijiet barra minn pajjiżna. Dan seħħ biex tissaħħaħ l-AFM, filwaqt li tinkiseb esperjenza minn akkademji ta’ livelli għolja: bħal fl-Italja, il-Ġermanja, l-Ingilterra u l-Istati Uniti fost l-oħrajn. Barra minn hekk, sar investiment bis-saħħa fix-xiri ta’ bastimenti, vetturi u ajruplani, sar taħriġ għall-bdoti u l-kaptana barra minn pajjiżna. Dan hu ftit minn dak li seħħ.
B’differenza – kif inhu magħruf fost is-suldati – il-Gvern Laburista biddel l-istil ta’ tmexxija fil-Forzi Armati ta’ Malta: fejn il-mertu, l-impenn u l-integrità ma saru jfissru xejn. Nies magħżula mill-politiċi ħadu promozzjonijiet lura fl-2013 għal Logutenenti Kurunelli, u mbagħad Kurunelli, b’min jasal biex jinħatar Deputat Kmandant, u min jinħatar f’kariga ta’ Brigadier fi ftit ġimgħat – u saħansitra llum hemm min minnhom wasal f’kariga fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Turija ta’ kemm il-Gvern Laburista ma jafx jiddistingwi bejn il-Kmand tal-Forzi Armati ta’ Malta u persuni appuntati politikament. Rajna kif inxtrat Offshore Patrol Boat P71, li ntefqu l-miljuni minn fondi pubbliċi fuqha biex inxtrat, iżda mbagħad kellha bżonn tiswijiet għall-ħsarat u flus biex jinxtara d-diesel ħalli titħaddem bil-generator. Biex imbagħad, minkejja f’dan l-investiment għax-xiri tal-P71 li swiet il-miljuni lill-poplu Malti, kellu jkun il-bastiment P61 li ġie kkummissjonat fl-2005 biex jintuża għall-missjoni ta’ salvataġġ f’Settembru tal-2023 f’Derna, il-Libja biex wassal suldati tal-Forzi Armati u membri tal-Protezzjoni Ċivili. Jiġifieri bastiment li nxtara fl-2005 kien kapaċi jaqdi l-funzjoni li bastiment li ġie inawgurat f’Marzu tal-2023.
Gvern Laburista baqa’ ma investiex f’ħelikopters ġodda għal taħriġ u operazzjonijiet ta’ monitoraġġ u salvataġġ viċin il-kosta ta’ Malta, anzi ħalla lill-bdoti u t-tekniċi tal-Air Wing jibqgħu jaħdmu u jagħtu servizz b’dawn il-ħelikopters antiki. Minn sitt ħelikopters li huma tajbin għal dan it-tip ta’ salvataġġ, wieħed biss għadu fi stat li hu meqjus operational u jista’ jwettaq ħidma ta’ salvataġġ.
Hemm ħafna opinjonijiet fuq kif għandha tkun l-istruttura tal-Forzi Armati f’Malta. X’taħseb li għandha tkun l-istruttura tal-Forzi Armati f’pajjiż żgħir bħal Malta?
Il-Partit Nazzjonalista jifhem li f’dan il-mument ta’ dgħufija tal-Gvern Laburista, il-poplu qed idur fuqu sabiex joffri s-soluzzjonijiet – la darba dawn ma ġewx mill-Gvern preżenti. Madanakollu, il-Partit Nazzjonalista ilu u għadu għaddej b’konsultazzjoni miftuħa li permezz tagħhom qed isawwar il-ħsibijiet u qed ifassal il-viżjoni tiegħu dwar kif se jmexxi l-pajjiż – inkluż il-Forzi Armati ta’ Malta. F’dan l-istadju, ikun prematur jekk niżvela d-dettalji ta’ dak li se jwettaq Gvern Nazzjonalista dwar dan is-suġġett. Fil-mument opportun.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni kurrenti tal-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, kif temmen li għandha taġixxi Malta?
Malta għandha tibqa’ tagħti appoġġ lil kull inizjattiva favur il-paċi. Malta trid tibqa’ tagħti appoġġ lill-poplu Ukren, kontra l-aggressjoni u l-invażjoni tal-Gvern Russu. Għalhekk, Malta għandha tkun parteċipi u tappoġġa kwalunkwe inizjattiva, inkluż dawk mill-Istati Uniti, li tista’ twassal paċi ġusta u dejjiema.
Fl-opinjoni tiegħek, liema hi l-ikbar theddida għas-sigurtà ta’ Malta?
Malta jibqa’ pajjiż li hu kostituzzjonalment newtrali, u dan hu prinċipju li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen fih. Madankollu ma jfissirx li n-newtralità tfisser li tibqa’ ċass quddiem is-sitwazzjoni ta’ inkwiet li teżisti fl-Ewropa u fil-Mediterran. Malta jrid ikollha pjan ċar dwar kif se tissalvagwardja u tassigura li jkun hemm rotot tal-baħar miftuħa li jwasslu għal aċċess liberu ta’ riżorsi għal Malta, filwaqt li nassiguraw li jkollna ġenerazzjoni tal-enerġija, ma jkunx hemm qtugħ jew tfixkil fil-konnessjoni ta’ infrastruttura importanti mal-Ewropa bħal interconnector u l-konnessjoni tal-internet – għal dawn ir-raġunijiet irid ikollna l-Forzi Armati ta’ Malta ekwipaġġata u msaħħa sabiex tkun f’pożizzjoni li tissalvagwardja l-interessi u l-integrità tal-infrastruttura nazzjonali tagħna, għas-sigurtà ta’ pajjiżna.
Ma taħsibx li n-newtralità hija irrelevanti llum, fid-dawl ta’ dak li qed jiġri madwarna?
In-newtralità tibqa’ fil-qofol tal-politika internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista għal pajjiżna. Aktar minn qatt qabel, f’dawn iż-żminijiet, toħroġ l-importanza li pajjiżna jżomm newtrali. Madankollu, in-newtralità ma tfissirx li tibqa’ ċass fid-dawl ta’ dak li qed jiġri jew li ma tinvestix biex tħares l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista ma jaqbel xejn ma’ dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela nhar it-3 ta’ Frar 2025 – ftit aktar minn xahar ilu – fejn staqsa jekk in-newtralità hix qed tpoġġi limitazzjonijiet fuq id-difiża ta’ pajjiżna. Malta għandha tibqa’ newtrali, għandha tassigura u tinvesti fl-infrastruttura għas-sigurtà tagħha, għandha tassigura li l-Ewropa hi stabbli u kapaċi tiddefendi lilha nnifisha, u għandha tara li taħdem għal paċi internazzjonali – u dawn huma kollha lkoll prinċipji li jistgħu jibqgħu jitħaddnu dment li nibqgħu newtrali.



