‘Mhux se naċċetta li jkollna liġijiet fuq il-karta biss li mbagħad il-Gvern iħalli fuq l-ixkaffa’

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius, wara sensiela ta’ mistoqsijiet li qajjem dwar it-tniġġis tal-arja, il-fondi Ewropej, u aktar.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius
Il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius

Il-petizzjoni tiegħek dwar it-tniġġis mill-istorbju ġiet aċċettata mill-Parlament Ewropew, iżda x’bidliet konkreti jistgħu qed jistennew ir-residenti, u meta? 

Mill-petizzjoni u r-risposti tal-Kummissjoni ħareġ ċar li Malta mhux tapplika sewwa d-Direttiva Ewropea dwar noise pollution. 

Bhala MEP għal Malta u Għawdex mhux se naċċetta li jkollna liġijiet fuq il-karta biss li mbagħad il-Gvern iħalli fuq l-ixkaffa. Irrid nara li d-drittijiet li ħadna meta sirna ċittadini Ewropej ingawduhom fil-prattika. 

Għalhekk se nibqa’ nimbotta sakemm nara bidla konkreta. Nemmen li l-awtoritajiet iridu jieħdu kont tal-pressjoni tagħna. Jekk le, ikun dover tagħna li nbiddlu l-awtoritajiet jew min imexxihom. 

Inti ikkritikajt l-immaniġġjar minn Malta tal-fondi tal-UE, partikolarment dwar l-ilma għall-bdiewa. Kieku l-PN kien fil-poter, x'jagħmel eżattament differenti? 

Fuq il-fondi qed naraw tmexxija pessma għax mhux ninvestu fejn verament hemm bżonn biex nassiguraw li nsostnu s-settur agrikolu u nħeġġu bdiewa ġodda jidħlu għal dan in-negozju tant importanti għall-familji tagħna u għal pajjiżna. 

Infaqna miljuni f’fondi għall-irziezet iżda m’għamilna xejn biex nieħdu ħsieb is-suq tal-ġbejna u s-suq tal-ħalib frisk. Mhux talli hekk, talli r-raħħala jinsabu dejjem aktar f’inċertezza fuq il-futur tagħhom. Dan x’għaqal ikun? Kif infaqna f’infrastruttura tal-produzzjoni u ma tajna kas xejn tas-suq? 

Eżempju ieħor – f’Malta għandna madwar tmien irziezet tal-faqqiegħ – dawn għandhom bżonn il-ħamrija apposta għall-faqqiegħ – din tiġi mill-Olanda u issa qed iħallsu eluf kbar extra tat-trasport. Infaqna miljuni fuq irziezet iżda ħadd ma ppjana li ninvestu fuq impjant li jipproduċi l-ħamrija bżonjuża għall-faqqiegħ. L-istess jista’ jingħad għall-produzzjoni tal-laħam u ta’ diversi prodotti oħra ta’ ħaxix u frott. 

Bħalissa qed naraw biss sa mneħirna. Tletin sen’ilu kien hemm aktar viżjoni strateġika għall-biedja milli hemm illum. Din hija ħasra għax jekk ifalli l-bidwi jkollna anqas rasna mistrieħa li nieklu. Din hemm bżonn tkun ċara fil-politika tagħna – il-politika agrikola hija l-politika tal-ikel – ta’ jekk ikollniex nieklu jekk ikun hemm kriżi madwarna. 

Jien qed nagħti sehmi biex bi Gvern ġdid magħmul mill-PN, il-prodott Malti kollu jkollu rwol ċentrali u rispett u promozzjoni fid-deċiżjonijiet kollha tal-Gvern. 

Dwar id-difiża tal-UE, inti sfidajt lil Robert Abela biex jippubblika prova li ġab garanziji oħra għan-newtralità ta’ Malta. Tista’ tispjega aħjar it-text x’jgħid dwar il-kontribut jew is-sehem ta’ Malta fil-pjan? Tista’ tispjega wkoll “x’inhi l-verità”, la darba Robert Abela, skont inti, mhux jgħid is-sewwa? 

La Robert Abela u lanqas ħadd ma jista’ jagħti garanzija li dak li kkonkluda l-Kunsill Ewropew fil-programm ‘rearmEU’ mhux se jkollu impatt fuq il-finanzi ta’ Malta. Dan sempliċement għax il-ftehim ma ta l-ebda spjegazzjoni kif se jinġabru l-flejjes għal 800 biljun f’investiment f’armi. Jiena nista’ nappoġġa fil-prinċipju deċiżjoni tal-gvern li jieħu sehem fil-Kunsill Ewropew fil-kuntest tal-politika tad-difiża Ewropea li aħna ffirmajna bħala pajjiż bil-qbil taż-żewġ partiti, però Robert Abela jkun qed jigdeb u jqarraq jekk jgħid li dak li jgħid il-Kunsill m’għandux impatt fuq Malta.  

Bħala MEP tajt kelma lin-nies li ngħidlhom il-verità, allura jekk nara l-Prim Minsitru jigdeb se niqaflu u nispjega fejn qed jigdeb. Fid-difiża għandna bżonn diskussjoni matura u serja fuq livell nazzjonali. Huwa ridikolu li suġġett tant vitali f’dan il-mument jispiċċa suġġett tal-battibekki fuq Facebook. Din ma niflaħhiex. Nappella għas-serjetà fuq dan is-suġġett. Qed naraw Ewropa li fl-aħħar ftit snin ħadet vokazzjoni dominanti ta’ difiża u kulma jmur, bl-appoġġ ta’ Abela stess li qatt ma uża l-veto fil-Kunsill Ewropew, riesqa lejn Unjoni militari. Dan mhux mument tal-botti vojta politiċi – dan huwa l-mument li b’serjetà naffrontaw u nagħtu risposti ċari liċ-ċittadini Maltin fuq id-domanda ta’ kif irridu mmexxu lil pajjiżna newtrali u sikur fil-kuntest ġeopolitiku globali volatili tal-lum.  

Irriduċejna settur vitali għas-sigurtà tal-familji tagħna għal teatrin. Sadattant qed naħsbu fuq is-sigurtà tal-enerġija tagħna ġaladarba niddependu minn interconnector u internet taħt il-baħar? Ħsibna fuq is-cyber-security għall-industrija prezzjuża tas-servizzi f’pajjiżna f’kuntest ta’ theddid u riskji dejjem aktar sofistikati? Jiena rrid nuża l-Ewropa f’kull aspett u rrid nara l-opportunità f’kull żvilupp. Lest inpoġġi ma’ kulħadd biex niddiskutu dan u naħdmu bħala pajjiż fl-interess nazzjonali. 

Int imbottajt għal akkwist konġunt ta’ mediċini, imma dan kemm hu realistiku għal suq żgħir bħal dak f’Malta? X’garanziji għandek li l-prezzijiet jitbaxxew jew li tipprevjeni shortages? 

Appuntu għax aħna suq żgħir għandna bżonn l-appoġġ tal-Ewropa biex niggarantixxu li jkollna l-mediċini kollha li għandhom bżonn il-familji. Skont rapport tal-assoċjazzjoni tal-professjonisti mediċi Ewropej f’Malta, il-mediċini innovattivi jaslu sa erba’ snin wara li dawn diġà jkunu disponibbli fil-pajjiżi l-oħra. Dan hu inaċċettabbli. Hemm bżonn naħdmu b’saħħa u intelliġenza fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri biex l-Ewropa tiggarantixxi sigurtà tal-provvista tal-mediċini fil-gżejjer u stati żgħar bħal Malta.  

Dan irid isir bi tliet mezzi. Il-joint procurement, l-indirizzar tal-problema ta’ stockpiling fejn ċerta pajjiżi jixtru ammonti kbar ta’ mediċina u jieħdu kulma jkun hemm fis-suq u l-użu aħjar tal-market authorisations li f’ċerti każijiet il-kumpaniji farmaċewtiċi qed jirreġistraw biss fi ftit pajjiżi u dan bi preġudizzju għal Malta.

More in Intervisti