‘Id-dipendenza fuq il-karozza se tibqa’ għal żmien twil u mhux xi ħaġa li ħa tinbidel fi żmien qasir’

Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett jitkellem mal-gazzetta ILLUM dwar il-pjan tal-Gvern fil-qasam tat-trasport  

(Ritratt: James Bianchi/ILLUM)
(Ritratt: James Bianchi/ILLUM)

Ħarsa lejn is-sitwazzjoni tat-traffiku sen’ilu u llum, x’nistgħu ninnutaw differenti? 

Meta nħarsu lejn is-sitwazzjoni tat-traffiku sen’ilu u nqabbluha mal-lum, nistgħu ninnutaw ċertu titjib f’oqsma importanti li qed jgħinu biex il-mobbilità tkun aktar effiċjenti u organizzata. L-ewwel nett, rajna żieda fl-uffiċjali tat-traffiku fit-toroq ewlenin, speċjalment f’punti kritiċi, li qed jgħinu biex id-direzzjoni tal-vetturi tkun aktar effettiva u titnaqqas il-konfużjoni waqt il-ħinijiet l-aktar impenjattivi tal-ġurnata. Din il-preżenza qed tagħmel differenza, speċjalment f’żoni fejn kultant sinjali u lights ma jkunux biżżejjed biex jinżamm il-flow tat-traffiku b’mod ordnat. 

Qed naraw titjib sostanzjali fuq il-livell ta’ komunikazzjoni, fejn qed nagħtu aktar informazzjoni ċara u f’waqtha rigward toroq magħluqa jew fejn qed isiru x-xogħlijiet fit-toroq. Din qed tgħin biex in-nies issa jistgħu jippjanaw il-vjaġġi tagħhom b’mod aktar effettiv u jevitaw dewmien bla bżonn. 

Rigward it-trasport pubbliku, hemm titjib fl-effiċjenza tas-servizz u issa, li l-ferry sar b’xejn bejn il-portijiet, qed nagħtu alternattivi aktar attraenti u sostenibbli għan-nies li għalihom m’għandekx bżonn il-karozza tiegħek; titjib li se jkompli jiżdied meta nibdew ir-rotta ġdida għal u minn Buġibba fis-sajf li ġej. Għalkemm għad hemm sfidi, speċjalment fid-dipendenza fuq il-karozza privata, dawn il-bidliet qed juru li hemm direzzjoni ċara dwar fejn irridu mmoru biex innaqqsu l-isfidi tal-mobbiltà f’pajjiżna. 

Huwa ovvju li d-dipendenza fuq il-karozza hija assoluta, imma kien hemm ċaqliq ta’ nies li telqu l-karozza privata tagħhom għat-trasport pubbliku u kif ukoll għat-taxi? 

Id-dipendenza fuq il-karozza se tibqa’ għal żmien twil u mhux xi ħaġa li ħa tinbidel fi żmien qasir. Problema kulturali nnaqqruha biċċa biċċa irridu. L-ammont ta’ karozzi rreġistrati għadu għoli, imma madankollu ma jfissirx li iktar nies qed jużaw il-karozza flok mezzi oħra. Biex intik eżempju, int, bħalissa, biex tmur għax-xogħol qed tuża l-karozza. Jekk xtrajt karozza oħra, xorta waħda bqajt tużaha. Allura dak ix-shift nistgħu nanalizzawh bl-użu tat-trasport pubbliku u jidher li, kemm it-trasport pubbliku fuq l-art jiġifieri tal-linja, kif ukoll dak bil-baħar kellu rata ogħla ta’ nies jużawh mis-sena l-oħra anki mill-Maltin. 

It-taxis jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni però xorta mhijiex is-soluzzjoni assoluta, peress li taxi jew karozza privata xorta jfissru traġitt b’karozza biex persuna jasal minn punt A għal punt B. Jekk imbgħad inħarsu lejn il-problema tal-parkeġġ, hemmhekk iva, it-taxis kapaċi jkollhom rwol akbar, bħalma diġà għandhom rwol importanti fis-sigurtà fit-toroq speċjalment fi żmien il-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena. 

Hemm bżonn pjan ħolistiku għall-futur, u dan ċertament ma jistax jiddependi biss fuq anqas dipendenza fuq il-karozza iżda fuq alternattivi oħra. X’qed taraw bħala pjan? 

Il-pjan tagħna fil-qasam tat-trasport huwa li jkollna kullana ta’ servizzi li jolqtu l-bżonnijiet differenti tal-poplu. Nibdew bil-ħidma li qed issir sabiex pajjiżna jkollu servizz ta’ trasport tal-massa. Dan se jiġi kkumplimentat bis-servizz ta’ trasport pubbliku, kemm fuq l-art, kif ukoll fuq il-baħar. L-enfasi se tkun li l-poplu juża dawn is-servizzi flimkien jew individwalment b’mod affidabbli u effiċjenti. Fejn tidħol tal-linja, dan qed nagħmluh billi żidna r-rotot sabiex nilħqu iktar żoni li qabel ma konniex qed nilħqu jew żidna l-ammont ta’ vjaġġi f’rotot diġà eżistenti. U biex nagħmlu dan b’mod affidabbli, tul is-sena l-oħra investejna f’iktar veikoli sabiex naċċertaw ruħna li għandna biżżejjed riżorsi biex nilħqu mad-domanda ta’ dawn ir-rotot. Hemm iktar xi jsir fir-rigward. Tant hu hekk li waħda mill-proposti li tfajna għall-konsultazzjoni pubblika hi riforma sħiħa fir-rotot tat-trasport pubbliku li issa ilhom hemm diversi snin u nħoss li mhux riflessjoni tajba ta’ kif illum il-Maltin qed jivvjaġġaw. Għaldaqstant se jibda studju li jħares lejn it-trasport pubbliku bir-reqqa sabiex niżguraw li fil-futur, it-trasport pubbliku jkun bil-fatti alternattiva effiċjenti ta’ kif il-poplu Malti jista’ jivvjaġġa. 

Kif diġà ħabbart se nkomplu nestendu s-servizz tat-trasport pubbliku bil-baħar. Jidher ċar mir-riżultati li rajna kemm ilu li ġie offrut is-servizz b’xejn li kapaċi jkun bħala alternattiva reali oħra. Issa qed naraw fejn dan is-servizz jista’ jiġi estiż f’lokalitajiet differenti u kif jista’ jaħdem aħjar. L-ewwel lokalità li se jkollha dan is-servizz se tkun Buġibba fejn diġà qed nibnu l-infrastruttura neċessarja u wasalna fil-fażijiet finali li jitlesta x-xogħol, sena qabel previst. 

Barra minn hekk qegħdin naħdmu fuq strateġija għaċ-ċikliżmu sabiex ir-rota ssir għodda importanti fil-qasam tat-trasport. Din l-istrateġija se tkun varata aktar tard din is-sena, tant li se naraw investiment neċessarju sabiex ir-rota ssir mezz sigur ta’ vvjaġġar. Ir-rota qed naraw li tista’ tkun parti mis-soluzzjoni fejn jidħol ivvjaġġar fuq distanzi qosra. 

Barra minn hekk qegħdin ukoll naraw li x-xogħol infrastrutturali f’pajjiżna jkun magħmul b’tali mod li jħajjar lin-nies jużaw sistemi alternattivi tat-trasport. L-Imsida Creek se jkun l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’pajjiżna u se jara attenzjoni speċjali tingħata lill-mixi u lir-rota. Hemm ukoll il-proġetti ta’ Vjal Kulħadd li se jibdew jagħtu lill-irħula togħma ta’ kif il-lokalitajiet tagħna jista’ jkollhom toroq li ma jġibux bħala prijorità l-karozza iżda mezzi oħra tat-trasport. 

Inti kont xettiku dwar sistema ta’ tramm jew metro. Għaliex? 

Jien ma kontx xettiku rigward il-metro jew it-tramm, però konxju li sistema tat-trasport tal-massa tiswa ħafna flus u tieħu ammont ta’ żmien biex titlesta. Fiċ-ċirkustanzi tal-lum fejn kulħadd qed iħoss l-impatt tat-traffiku, inħoss li hemm sfidi iktar urġenti li rridu nindirizzaw u hemm soluzzjonijiet oħra li kapaċi nilħqu u li se jgħinuna fi żmien iqsar. Allura filwaqt li sistemi bħal tramm jew metro jistgħu jkunu soluzzjonijiet fit-tul, bħalissa qed niffukaw fuq miżuri immedjati biex intejbu l-mobbiltà f’Malta. Il-pjan “Reshaping Our Mobility” jinkludi inizjattivi bħall-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali għaċ-ċikliżmu, l-introduzzjoni ta’ “walking school buses” biex inħeġġu t-tfal jimxu lejn l-iskola, u l-ħolqien ta’ rotot ġodda tal-linja għal żoni industrijali. Biex ma ninsewx l-ixxiftjar ta’ ċerti servizzi pubbliċi u anki privati li se naraw li ma jsirux f’ħinijiet tal-ġurnata li jkun hemm aktar inċidenza qawwija ta’ karozzi fit-toroq fl-istess ħin. Dawn il-miżuri huma maħsuba biex jindirizzaw l-isfidi preżenti b’mod effettiv u jagħtu riżultati f’perjodu iqsar. 

 

Pajjiż li jkollu aktar effiċjenza fit-toroq ifisser aktar effiċjenza f’affarijiet oħra inkluż l-ekonomija? 

Iva, effiċjenza fit-toroq għandha impatt dirett fuq l-ekonomija u fuq setturi oħra tas-soċjetà. Meta s-sistema tat-trasport tkun aktar effiċjenti, il-produttività tiżdied għax ikollok inqas ħin mitluf fit-traffiku, iktar ħin fuq il-post tax-xogħol u inqas stress fuq il-ħaddiema, li kollox ma kollox iwassal għal ekonomija aktar effiċjenti. Barra minn hekk, inqas traffiku jfisser inqas tniġġis, li jikkontribwixxi għal kwalità tal-arja aħjar u anqas spejjeż fuq is-saħħa pubblika relatati ma’ problemi respiratorji u mard ieħor marbut mat-tniġġis. Però, iktar importanti milli għall-ekonomija, jien nara l-iktar benefiċċju jmur fil-kwalità tal-ħajja. Meta bniedem iqatta’ inqas ħin fit-traffiku, ifisser li għandu iktar ħin jagħmel l-affarijiet li verament irid jagħmel. Jista’ jqatta’ aktar ħin mal-familja, jagħmel il-qadi, forsi xi attività extra kurrikulari, iżur familjari u ħafna iktar.  

Ma taħsibx li l-aġenziji li huma ffukati fuq it-trasport u t-toroq huma wisq u xi kultant ma jikkumplimentawx lil xulxin? 

Is-settur tat-trasport huwa wieħed vast u ma nistgħux nippretendu li entità waħda tieħu ħsieb kollox, għal diversi raġunijiet; fosthom il-bżonn ta’ ħiliet differenti fl-oqsma diversi ta’ dan is-settur. Kull entità għandha rwol speċifiku. Għaldaqstant li jkun hemm titjib fil-kordinament ta’ dawn l-entitajiet huwa kruċjali. L-għan aħħari huwa li s-servizzi pprovduti minn dawn l-entitajiet jaħdmu flimkien bħala katina biex niżguraw li dan is-settur jaqdi l-bżonnijiet taċ-ċittadini. 

Kien hemm ċerti proġetti li m’għadhomx jissemmew bħall-mina għall-Għawdex … dawn huma proġetti tal-passat?  

F’dan l-istadju, il-Gvern huwa impenjat li jindirizza l-konġestjoni tat-traffiku u għaldaqstant din hija l-prijorità tal-Gvern fl-immedjat. F’dan il-kuntest ma jfissirx li mhux se jkun hemm investimenti li jindirizzaw l-accessibilità f’Għawdex bħal pereżempju l-investiment fil-vapuri tal-Gozo Channel.  

Il-proġett tal-mina għall-Għawdex għadu suġġett għad-diskussjoni, iżda għalissa kien hemm prijoritajiet oħra infrastrutturali li qed jittieħdu f’konsiderazzjoni. Matul is-snin, rajna numru ta’ proġetti infrastrutturali li ġew implimentati b’suċċess, inklużi l-flyovers tal-ajruport u tal-Marsa, kif ukoll il-programm ta’ tiswijiet fit-toroq residenzjali, investiment ta’ €700 miljun li issa wasal biex jitlesta. Barra minn hekk, qed isir investiment importanti fil-portijiet biex inżommu lil Malta aktar interkonnessa u nsaħħu l-kompetittività tagħha bħala hub marittimu fil-Mediterran. Dawn il-proġetti, inkluż l-aġġornament tal-infrastruttura fil-Port il-Kbir, huma essenzjali biex intejbu l-kapaċità u s-servizzi marittimi li huma kruċjali għall-ekonomija tagħna. Il-futur tal-konnettività bejn Malta u Għawdex se jibqa’ punt ta’ diskussjoni, iżda l-prijorità bħalissa hija li nkomplu ntejbu l-infrastruttura biex nilħqu l-ħtiġijiet attwali u nagħmlu l-investimenti meħtieġa għal mobbiltà aktar effiċjenti u sostenibbli. 

Fis-settur tal-cabs, ma jeżistix level playing field. Qed nitkellem hawnhekk fuq kumpaniji li huma barranin, iħallsu taxxi b’rati differenti u ftit li xejn għandhom skrutinju … x’qed tagħmel biex din il-problema tiġi indirizzata?  

Ir-reġim tat-taxxa li japplika għall-cabs hu l-istess wieħed li japplika għas-setturi oħra kollha. Ta’ min jgħid li huwa reġim approvat mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll li fl-ipproċessar ta’ dan ir-reġim isir due diligence bir-reqqa dwar ix-shareholders tal-kumpaniji. Madankollu meta niġu għal mod kif jingħata s-servizz, qegħdin naraw li ma jkollniex ġungla u min jopera għandu jimxi mar-regoli li għamel il-Gvern. Mill-bidu tas-sena ħadna numru ta’ miżuri ta’ infurzar li ħallew l-impatt tagħhom u se nkomplu nsostnu li min jaħdem fit-toroq tagħna jkollu rispett totali lejn il-liġijiet ta’ pajjiżna u fuq kollox lejn nies oħra li qegħdin jużaw it-toroq ta’ kuljum. 

Fl-Ewropa kollha hemm miżuri biex żoni sħaħ ikunu pedonali u mingħajr traffiku. Qed taħsbu biex ikun hawn aktar żoni bħal dawn, b’mod speċjali maġenb il-baħar? 

Il-kunċett ta’ żoni pedonali u spazji ħielsa mit-traffiku huwa parti mill-viżjoni tagħna biex intejbu l-kwalità tal-ħajja f’Malta u noħolqu ambjenti aktar sostenibbli li jagħtu iktar prijorità lill-komunitajiet. Matul din is-sena diġà rajna numru ta’ proġetti li tlestew jew preżentati, li b’mod ċar u konkret huma maħsuba biex jagħtu prijorità lill-mixi, iċ-ċikliżmu u l-aċċess pubbliku. 

Wieħed mill-aqwa eżempji hu Vjal Kulħadd, li ġie varat b’suċċess fejn diversi lokalitajiet se jibda x-xogħol fihom li jipprovdi spazji aktar siguri għal mobbiltà attiva u għall-komunitajiet tant li se jkollna toroq u proġetti li ma jagħtux prijorità lill-karozzi. Proġetti oħra li se jibda x-xogħol fuqhom dalwaqt, bħall-promenade ta’ Birżebbuġa u l-pjazza ta’ Buġibba, se jiffukaw fuq ir-riġenerazzjoni biex ikunu iżjed aċċessibbli għan-nies.  

L-impenn tagħna hu li nkomplu nagħtu prijorità lil dawn it-tip ta’ inizjattivi sabiex nagħtu spazji aħjar għar-residenti u t-turisti, u nkomplu noħolqu bilanċ bejn il-mobbiltà u l-ħarsien tal-ambjent urban tagħna. 

Taħseb li l-pubbliku qed japprezza l-isforzi tagħkom? 

Nemmen li l-pubbliku qiegħed japprezza r-rieda li qed nuru u d-direzzjoni ċara li qed nieħdu biex intejbu l-mobbiltà u l-infrastruttura f’pajjiżna. Naturalment, il-komunikazzjoni hija essenzjali. Meta ma nikkomunikawx biżżejjed, in-nies jistennew jew jinterpretaw b’mod differenti l-bidliet li qed nagħmlu. Madankollu, nemmen li f’dan l-aspett rajna titjib u qed inkunu aktar ċari dwar l-iskop wara dawn l-investimenti. 

Meta nitkellem man-nies nisma’ wkoll kemm il-pubbliku qed jinnota kif qed inħarsu lejn l-infrastruttura b’mod differenti, aktar sostenibbli u fit-tul, kif m’għandniex nitkellmu biss fuq proġetti ta’ toroq iżda wkoll fuq żoni pedonali u fil-ħolqien ta’ spazji għall-komunità. Fl-istess waqt, l-inċentivi li qed noħolqu biex is-servizz tat-trasport pubbliku jsir aktar attraenti qed ikollhom rispons pożittiv, kemm fil-kwalità tas-servizz, kif ukoll fl-għażliet li qed nagħtu lin-nies. Għalkemm kull bidla trid żmien biex tinħass u tiġi aċċettata kompletament, naħseb li l-pubbliku qed japprezza li qed naħdmu b’mod konkret biex intejbu l-mobbilità u l-kwalità tal-ħajja f’Malta. 

Mhijiex faċli biex iġġib lin-nies miegħek f’dan is-settur, anki minħabba l-fatt li hemm kontrapożizzjoni bejn l-imħabba li għandu l-poplu lejn il-karozza mal-fatt li jekk kulħadd juża l-karozza nispiċċaw inżidu t-traffiku. Li jserraħli moħħi hu li minkejja li bħala Ministru tat-Trasport niġi kkritikat, ġieli anki inġustament minħabba t-traffiku, meta nitkellem man-nies naf li ħadd minnhom mhu qed jistenna mirakli u kulħadd jaf li t-traffiku hija kwistjoni ta’ kulħadd, u bħala tali kulħadd japprezza l-fatt ukoll li rridu nsolvuha flimkien. L-appell li dejjem nagħmel huwa biex dan is-suġġett ma nagħmluhx ballun politiku. Il-kritika toqgħod jekk naqgħu lura fl-implimentazzjoni, però qatt m’għandu jkun hemm kritika fuq il-mod kif għandna naffrontaw il-kwistjoni. Għadni nittama li xi darba ż-żewġ partiti ewlenin nistgħu naħdmu flimkien fuq dan is-suġġett. Il-poplu hekk qed jurina li jixtieq mingħandna u nemmen li għandna nagħmlu minn kollox biex jirnexxilna nagħmluha. 

More in Intervisti