‘Ir-rispons ta’ Ian Borg għal Trump ma kienx biss dgħajjef, imma juri kemm Malta tibqa’ deferenzjali lejn l-Istati Uniti’

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Front Maltin Inqumu, grupp oriġinarjament imwaqqaf mill-Eks Prim Ministru Laburista Dom Mintoff, u mmexxi minn eks ħaddiem tat-tarzna, u trejdjunjonista, Sammy Meilak. Ma’ dan il-ġurnal, Raphael Borg jitkellem dwar id-difiża tan-newtralità ta’ Malta

Raphael Borg, Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan Front Maltin Inqumu.
Raphael Borg, Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan Front Maltin Inqumu.

Malta ddikjarat li qed tistenna l-‘mument it-tajjeb’ biex tirrikonoxxi l-istat Palestinjan. X’inhi r-reazzjoni tiegħek għal dan l-approċċ kawt, u x’taħseb li għandha tagħmel Malta b’mod differenti bħalissa? 

L-istqarrija ta’ Malta li qed “tistenna l-mument it-tajjeb” biex tirrikonoxxi lill-Palestina hija xhieda ta’ politika ta’ dewmien u konvenjenza diplomatika li tipproteġi l-interessi tal-pajjiżi imperjalisti fuq il-ġustizzja u d-drittijiet tal-popli.  

Il-ħolqien ta’ stat Palestinjan mhuwiex kwistjoni ta’ mument “tajjeb” jew mhux, iżda ta’ ġustizzja storika. Anke kieku Malta tiddikjara l-appoġġ tagħha għall-istat Palestinjan, dan ikun pass minimu ħafna. Ir-rikonoxximent biss mhux biżżejjed – jeħtieġ li Malta tieħu pożizzjoni ċara kontra l-apartheid żijonista, tappoġġja s-sanzjonijiet kontra l-entità żijonista u tissospendi kull forma ta’ relazzjoni militari jew diplomatika magħha. Meta pajjiż żgħir bħal Malta jrid jimxi fuq il-linji tal-poteri kapitalisti u jżomm approċċ “kawt,” dan ma jfissirx li huwa newtrali. Ifisser li qed iċedi għall-pressjoni tal-alleanzi neokolonjali bħall-UE u n-NATO, li huma kompliċi mal-ħakma illegali u l-ġenoċidju li qed jitwettaq kontra l-Palestinjani. Malta trid tieqaf tistenna u tieħu azzjoni konkreta. Malta trid: 

  • tirrikonoxxi lill-Palestina immedjatament, mhux bħala ġest simboliku, imma bħala parti minn politika konkreta kontra l-kolonjaliżmu żijonista. 

  • tinsisti fuq sanzjonijiet internazzjonali kontra l-entità żijonista, inkluż il-projbizzjoni fuq il-kummerċ tal-armi. 

  • tirtira kull forma ta’ koperazzjoni militari ma’ pajjiżi imperjalisti li jappoġġjaw l-apartheid żijonista. 

  • tibni solidarjetà konkreta mal-poplu Palestinjan, inkluż permezz ta’ għajnuna umanitarja u diplomazija attiva fil-fora internazzjonali. 

Kull dewmien f’rikonoxximent u azzjoni huwa kollaborazzjoni ma’ sistema ta’ oppressjoni u ġenoċidju. 

Sammy Meilaq, bħalissa qiegħed imexxi Front Maltin Inqumu, għaqda mwaqqfa minn Dom Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici.
Sammy Meilaq, bħalissa qiegħed imexxi Front Maltin Inqumu, għaqda mwaqqfa minn Dom Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici.

Front Maltin Inqumu jenfasizza n-newtralità ta’ Malta bħala prinċipju morali. Minħabba l-vjolenza li għaddejja f’Gaża, taħseb li n-newtralità għadha l-aħjar pożizzjoni, jew Malta għandha tieħu pożizzjoni aktar b’saħħitha u aktar vokali b’appoġġ għall-Palestina? 

Assolutament. U hawn jeħtieġ li wieħed jiddefinixxi x’inhi n-newtralità fi ħdan il-Front Maltin Inqumu; in-newtralità li tant tħabatna għaliha mhijiex waħda ta’ indifferenza u iżolazzjoni. L-indifferenza hija l-madmad tal-istorja, mentri li rridu nħaddnu hi l-mutur. Hi newtralità attiva, li wieħed kapaċi jkollu l-faċilità jieħu deċiżjoni morali u tattika mingħajr ma wieħed ikollu t-theddida taħt xi forma ta’ telf ta’ kwalunkwe tip. Dan qisek qed tgħid żewġt iħbieb inkorlaw, mort nofroqhom u t-tnejn ippontawli xkubetta ma’ rasi jew ipprovaw jiġbduni lejhom. In-newtralità, għalhekk, marbuta mal-ħelsien, li wieħed jieħu d-deċiżjoni abbażi ta’ moralità u kjarezza ta’ ħsieb. 

Ir-rispons ta’ Ian Borg għat-theddid ta’ Donald Trump kienet ikkritikata bħala ‘dgħajfa’. Temmen li l-politika barranija ta’ Malta hija wisq deferenzjali lejn l-Istati Uniti, u Malta newtrali kif għandha twieġeb għal theddid internazzjonali bħal dan? 

Ir-rispons ta’ Ian Borg għal Trump ma kienx biss dgħajjef, imma juri kemm Malta tibqa’ deferenzjali lejn l-Istati Uniti, anke quddiem theddid dirett u politika imperjalista. Minflok ma ħa pożizzjoni soda kontra l-kolonjaliżmu u l-aggressjoni, għażel li jitkellem b’mod vag biex ma joffendi lil ħadd – għax l-għan tal-Gvern mhuwiex il-prinċipju, imma li jżomm ruħu tajjeb mal-Punent kapitalist. 

Dan mhuwiex xi episodju ġdid. L-istorja turi kif Malta, minkejja n-newtralità kostituzzjonali tagħha, wisq ta’ spiss resqet ruħha mal-linja Amerikana. Ikkundannat, u sew għamlet, l-invażjoni tal-Ukrajna, imma biss biss ħadet nota dwar il-ġenoċidju fil-Palestina. Stiednet lil Lavrov biex “tiddiskuti l-paċi,” imma għaffġitu mal-art bħallikieku hu l-ikbar dnub tad-dinja, filwaqt li l-istess persuni li jbigħu l-armi għal din il-qerda ma ġewx mgħajra lanqas b’kelma waħda. 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, u Deputat Prim Ministru, Ian Borg.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, u Deputat Prim Ministru, Ian Borg.

Trump mhuwiex uniku f’dan il-każ. L-istess alleati ta’ Malta kapitalista kienu siekta quddiem dittaturi bħal Suharto, Duarte, Somosa, Pinochet, Videla, Mobutu, Campaore’, Afewerki u Marcos fost ħafna u ħafna oħrajn, kollha sostnuti mill-Punent. Illum, nitkellmu dwar id-demokrazija, imma nżommu siekta dwar it-taqlib fl-Afrika ta’ fuq, dwar kif il-Burkina Faso, il-Mali u n-Niger ġew imkażbra u msawta talli talbu ħelsien minn Franza. Dwar kif il-Yemen ġie mfarrak taħt il-bombi ffirmati minn Trump. Dwar kif qed tikkonfoffa fl-istess kuntratti li r-Rwanda qed tibbenefika mill-oppressjoni ta’ Goma fil-Congo. Dwar kif qed nikkundannaw lil min jaħrab minn dan kollu, imbagħad inħalluhom jegħrqu fil-baħar jew nibagħtuhom lura f’migration hubs li huma eżatt il-ħabsijiet u kmamar tat-tortura tal-imperu modern. Dwar kif nikkundannaw l-użu ta’ viruses online għal spjunaġġ minn naħa imma normalizzata u leġittima fuq in-naħa l-oħra. U ħafna, u ħafna oħrajn. 

U mbagħad nistaqsu; fejn hu l-barometru morali tagħna? 

Pajjiż verament newtrali ma jċedix għat-theddid tal-imperjalisti. Malta m’għandhiex timxi mal-Punent f’kollox, speċjalment jekk dan ifisser li tinżel għarkupptejha quddiem l-eġemonija Amerikana. Għandha tieħu pożizzjoni b’saħħitha favur is-sovranità tagħha, favur paċi u ġustizzja – u mhux tibqa’ passiva u servili fost il-kolonjalisti tal-lum. 

Kif tinterpreta r-riluttanza tal-Gvern Malti li jirrikonoxxi l-Palestina bħala stat, speċjalment meta wieħed iqis l-istorja ta’ Malta li tappoġġja movimenti mhux allineati u sforzi ta’ dekolonizzazzjoni? 

Il-Gvern Malti jitkellem fuq il-wirt ta’ movimenti mhux allineati u sforzi ta’ dekolonizzazzjoni, iżda meta jiġi għall-Palestina, kull prinċipju jisparixxi. L-iskuża ta’ “mument it-tajjeb” hija mod komdu biex jevita li jieħu pożizzjoni morali ċara filwaqt li jżomm ruħu milqut minn sanzjonijiet jew pressjoni mill-alleati tal-Punent. 

Il-Malti għandu jissimpatizza mal-poplu Lhudi – poplu li storikament sofra persekuzzjoni u li ġie miġbur f’art li ma kinitx vojta, imwiegħda mill-Punent bħala forma ta’ tpattija għad-delitti tiegħu stess. Hekk kif id-dinja ftiehmet li kisret lil-Lhud, minflok tat ġustizzja, qabdet u rrilokat id-dijaspora kollha f’pajjiż ieħor, tefgħethom f’kunflitt ma’ dawk li diġà kienu jgħixu hemm. Bħallikieku ħaddieħor iddeċieda li l-Għawdxin għandhom jiġu mimlijin bil-Maltin kollha mid-dinja għax “Għawdex hu tagħhom,” u nistennew li ma jqumux għall-korla. Sadattant il-Palestinjani ġew meqruda u tturufnati mill-art tagħhom biex il-Punent jimla l-kuxjenza tiegħu bil-fatt li ssawwat lil-Lhud għal sekli sħaħ. U issa, wara 70 sena ta’ etniċidi u kolonjaliżmu, il-Punent jigdeb u jgħid li dan mhux ġenoċidju, iżda “difensiva.” Fil-fatt, mhux talli tturufnawhom, talli issa qed joqtluhom bil-massa – ’il fuq minn 40,000 ruħ, 70% minnhom tfal – u jitolbuhom “idabbru” biex jinbena playground għal sħabu l-għonja fuq il-fdalijiet ta’ ħajjithom. 

X’inhuwa dawn jekk mhux lebensraum fiż-żminijiet tal-lum? 

Mhux ċar fejn għandu jinsab il-kumpass morali li tant inqisuh superjuri għaliex issa “aħna Ewropej” Malta ma tistax tibqa’ titkellem fuq “newtralità” waqt li ddawwar wiċċha quddiem il-ġenoċidju. Ir-rikonoxximent ta’ Palestina issa mhux kwistjoni ta’ mument it-tajjeb – huwa minimu ta’ diċenza umana. 

Front Maltin Inqumu appella għal emendi kostituzzjonali biex isaħħu n-newtralità ta’ Malta u jopponu l-involviment militari barrani. Dawn il-bidliet, kif tara li jaffettwaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi attwali ta’ Malta, speċjalment mal-alleati tal-UE u tan-NATO? 

L-appell ta’ Front Maltin Inqumu għal emendi kostituzzjonali biex isaħħu n-newtralità ta’ Malta u jwaqqfu l-involviment militari barrani huwa pass neċessarju biex Malta tinqata’ mir-retorika tal-Punent u mill-ipokrezija ta’ “newtralità selettiva.” Dan jista’ jtellifha favur mill-UE u n-NATO, iżda Malta m’għandhiex tkun marbuta ma’ sħubiji li jassiguraw l-interessi tal-kolonjalisti u mhux il-paċi. Irridu newtralità veru, mhux li nibqgħu siekta quddiem il-massakri tal-Palestina, niġru wara l-imperjalisti, u nirrepetu l-iskript li jagħtuna. Malta trid tistabbilixxi ruħha bħala pajjiż li jopponi kull aggressjoni, mhux waħda skont min qed jagħmilha. 

Preċedentement, f’intervisti oħra, enfasizzajt l-irwol ta’ Malta fit-titjiriet ta’ konsenja u l-iffaċilitar ta’ operazzjonijiet barranin. Temmen li Malta għadha kompliċi f’azzjonijiet li jikkontradixxu l-pożizzjoni uffiċjali tagħha dwar in-newtralità? 

Assolutament, Malta tibqa’ kompliċi f’azzjonijiet li jimminaw in-newtralità tagħha, għax minkejja l-kliem sabiħ, il-Gvern jippermetti titjiriet militari, jiffaċilita operazzjonijiet barranin u jżomm relazzjonijiet sħaħ ma’ poteri imperjalisti. Din mhijiex xi ħaġa ġdida – għal snin sħaħ, Malta serviet bħala pont għal missjonijiet militari tal-Punent, sew fis-sigriet, sew bil-paroli diplomatiċi. Niftakru sempliċement fit-tkeċċija ta’ Gino Birindelli, ammiral tan-NATO li kien parti mir-reġim ta’ Mussolini, bħala persuna mhix mixtieqa hekk kif tela’ Mintoff fil-gvern. Birindelli li kellu jkun parti minn kolp ta’ stat fl-Italja jitlaq minn Malta li safa’ fallut – il-golpe borghese li kellu jtella’ fil-gvern Taljan lil Gunio Valerio Borghese, kmandant faxxist tal-10 flotta MAS, il-flotta ta’ Mussolini. Aktar reċenti fejn il-ħabib ta’ Trump Eric Prince uża lil Malta u imprenditur lokali biex iwassal l-armi lejn il-Libja, issa mmexxija minn eks asset tas-CIA fuq naħa u gvern approvat mill-Punent fuq l-oħra f’kaos totali. Aktar reċenti fejn tħallew żewġ ajruplani fi triqithom lejn il-Palestina isibu l-art fl-ajruport tagħna. L-ipokrezija hija li ngħidu li aħna newtrali meta naġixxu bħala servjenti ta’ strateġiji kolonjali. Jekk Malta tibqa’ tappoġġja l-imperjaliżmu b’dan il-mod, tkun qed tikkontradixxi, mhux biss il-kostituzzjoni tagħha, imma wkoll l-istorja tagħha ta’ solidarjetà mal-popli mkażbra. 

Minħabba l-pożizzjoni strateġika ta’ Malta bejn l-Ewropa u l-Lvant Nofsani, x’azzjonijiet speċifiċi għandu jieħu l-Gvern biex kemm jista’ jkun iżomm in-newtralità, kif ukoll jappoġġja d-drittijiet tal-bniedem f’kunflitti bħal dak fil-Palestina? 
 
Aħna nemmnu li Malta għandha: 

  • twaqqaf kull forma ta’ kollaborazzjoni militari ma’ kwalunkwe qawwa kapitalista-imperjalista. 

  • tippubblika r-rotot u l-għanijiet tat-titjiriet militari li jgħaddu minn Malta biex ikun hemm trasparenza sħiħa. 

  • tieħu pożizzjoni attiva kontra l-gwerer kolonjali u l-okkorpazzjonijiet billi tattiva l-politika ta’ paċi b’mod ġenwin. 

President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.
President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.

Jekk Malta trid tkun verament newtrali, trid tieqaf is-servilità lejn il-Punent u tingħaqad mal-ġlieda għall-ġustizzja globali, speċjalment fi ħdan l-editt tal-qorti internazzjonali tal-ġustizzja u li tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u fuq quddiem fit-taqbida kontra dawn l-għemejjel li qed jaffettwaw il-bqija tad-dinja, kemm ekonomikament, moralment, kif ukoll ambjentalment. Kien ikun ħafna aħjar kieku Ian Borg, minflok kien qed jikkundanna biss lil Lavrov, kien ikun ħafna aktar ta’ ġid li jkun fuq quddiem f’solidarjetà ma’ pajjiżi bħal Pakistan  u l-Vanuatu li qegħdin jiġu mfarrka minħabba l-kambjament tal-klima, xejn megħjuna mill-azzjonijiet imperjalisti u l-produzzjoni, esportazzjoni u użu ta’ armi! Kien ikun ħafna aktar xieraq u utli kieku Ian Borg kien f’solidarjetà kontra l-isfruttament tal-ħaddiema tan-nofsinhar ażjatiku li qed jiġu f’pajjiżna għax il-gvern tagħhom ma interessahx jinvesti f’xogħlijiet. Kieku Roberta Metsola kienet fuq quddiem kontra l-interessi tal-minjieri tar-Rwanda li bħalissa qed jipproduċu ħafna maħruba minn pajjiżhom fi vjaġġ imdemmi lejn dinjità. 

Iżda, minflok, ninsabu hawn. 

More in Intervisti