‘Il-Maltin m’għandhomx obbligu jinbidlu, imma għandna noffru għarfien dwar il-kultura tagħna lil min ġej fostna’
Wara snin ta’ stennija, il-Gvern Laburista qabad il-barri minn qrunu u ħareġ bil-politika tal-migrazzjoni. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Ministru Byron Camilleri, il-moħħ wara din il-politika

minn Marianna Calleja

Il-politika tal-migrazzjoni tenfasizza bil-qawwa l-bżonn li jinżammu ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN), iżda bosta jargumentaw li l-ħaddiema barranin spiss jitilqu minħabba kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol jew pagi baxxi. X’passi konkreti se jieħu l-Gvern biex jiżgura li min iħaddem itejjeb il-kundizzjonijiet?
Il-Malta Labour Migration Policy hija politika favur il-ħaddiema kollha ta’ pajjiżna. Malta għandha fost l-aqwa protezzjoni legali għall-ħaddiem, u ghaldaqstant jeħtieġ nagħmlu l-pass li jmiss sabiex naqtgħu l-abbuż tal-ftit, li mill-effetti tiegħu jbatu l-ħaddiema kollha.
Din il-politika qed tindirizza dan billi tintroduci mekkaniżmi ġodda li jeħtieġ ikunu segwiti, sabiex issaħħaħ l-abiltà tal-awtoritajiet tagħna li jinfurzaw il-liġijiet tagħna u tagħti dinjità għal kulħadd. Insemmi fost oħrajn l-obbligu li s-salarju jitħallas direttament f’kont bankarju, għal ħaddiema barranin ġodda. Li ssir in-notifika b’mod immedjat kemm meta jkun ingaġġat ħaddiem, u anke meta jkun terminat.
Qed tintroduci wkoll il-kunċett ta’ skwalifikazzjoni, jiġifieri li jekk min iħaddem jinqabad jikser xi liġi jew jinqabad jabbuża mill-ħaddiem, ma jkunx jista’ japplika għal ħaddiema barranin ġodda. Dan se jkun ta’ deterrent biex kull min qed iħaddem ma jabbużax mill-ħaddiema tiegħu.
B’dawn il-miżuri qed insaħħu lill-ħaddiem biex ma jibżax jersaq u jirrapporta kull każ ta’ abbuż, għax kif għamilna fil-kwistjoni tal-food couriers u tal-Y plates, se nkunu qegħdin nirrispondu mal-ewwel.
Fl-istess ħin, din il-politika qed tinċentiva l-istabbilità fis-suq tax-xogħol, anke permezz ta’ perjodu itwal tal-permess marbut ma’ taħriġ jew miżuri effettivi ta’ integrazzjoni. Dan jagħti aktar serħan il-moħħ, kemm lill-ħaddiem, kif ukoll lil min iħaddem.
Qegħdin ukoll inżidu l-ħlas assoċjat mal-ingaġġ ta’ persuna barranija ġdida, filwaqt li se nraħħsu dak assoċjat mat-tiġdid. X’se jagħmlu dawn? Se jinċentivaw lil min iħaddem biex iżomm u jinvesti f’ħaddiema li diġà ingaġġa, u mhux iġib ħaddiem ieħor ġdid minflok. L-istess għandu jiġri bil-miżura li tiskoraġġixxi turnover għoli. Dan kollu għandu jwassal biex anke persuni ingaġġati f’ħiliet meqjusa aktar baxxi jkollhom l-opportunità li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Miżuri oħrajn li huma intiżi biex itejbu l-ħiliet: Pereżempju, nafu li hawn ħafna ħaddiema barranin li minkejja għandhom kwalifiċi tajbin f’oqsma li Malta għandha bżonn, qed ikunu ingaġġati f’xogħlijiet li huma low-skilled. Qed ikunu proposti korsijiet – li jissejħu Bridge Courses, jiġifieri korsijiet li jwasslu biex kwalifiċi tagħhom ikunu konsistenti ma’ dawk li huma rikonoxxuti f’Malta. Dan jagħti aktar opportunitajiet biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Il-kors obbligatorju ta’ integrazzjoni dwar il-kultura Maltija għandu l-għan li jsaħħaħ l-integrazzjoni tal-ħaddiema fil-pajjiż. Madankollu, xi wħud jistgħu jqisu dan bħala superfiċjali meta mqabbel ma’ kwistjonijiet sistemiċi aktar profondi bħall-isfruttament u n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni. Kif se tiżgura li din il-miżura trawwem integrazzjoni ġenwina?
Il-Malta Labour Migration Policy tinkludi bosta miżuri biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiem u biex jiġi żgurat li min jabbuża jkollu penali ħorox. Però huwa wkoll importanti illi qabel TCN jiġi Malta jkun jaf fuq il-kultura, il-valuri, u l-liġijiet tagħna, kif ukoll il-ħajja Maltija. Il-Maltin m’għandhomx obbligu jinbidlu għal min ġej fostna, iżda għandna obbligu li noffru lil min ġej fostna illi jkollu ċ-ċans ikollu għarfien dwar Malta, il-Maltin u l-valuri tagħna.
Huwa għalhekk li waħda mir-rakkomandazzjonijiet li qed inressqu hija li korsijiet ta’ informazzjoni u integrazzjoni jsiru mandatorji qabel TCN jasal Malta biex jaħdem. Permezz ta’ din il-miżura se niżguraw ukoll li jiġu biss TCNs illi jafu jikkomunikaw bl-Ingliż jew bil-Malti, filwaqt li jingħata l-għarfien meħtieġ fuq Malta, il-valuri tagħna, u anke d-drittijiet tal-ħaddiema f’Malta. Din il-miżura se tgħin ukoll biex jonqos l-abbuż fuq il-ħaddiema hekk kif TCNs ħa jkunu pprovduti informazzjoni fuq l-obbligi u d-drittijiet tagħhom bħala parti minn dawn il-korsijiet ta’ integrazzjoni.
Din il-politika qed tindirizza direttament l-isfruttament. Ħafna minn dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati b’mod faċli ħafna mill-awtoritajiet tagħna permezz tad-data diġà eżistenti. Pereżempju: jekk min iħaddem jinqabad mid-Department of Industrial and Employment Relations (DIER) li kiser xi kundizzjoni tax-xogħol, se jkun skwalifikat milli japplika għall-ħaddiema barranin, u jista’ jingħata penali amministrattivi.
Se nkunu wkoll qed nagħmlu emendi legali biex neskludu l-possibbiltà li ħaddiem barrani jintalab iħallas tal-ingaġġ jew it-terminazzjoni tiegħu.
L-awtoritajiet diġà żiedu sostanzjalment spot checks fejn kien hemm rapporti ta’ abbuż u diġà bdejna naraw ir-riżultati. Il-kwistjoni tal-food couriers u l-Y plates huwa eżempju ċar ta’ dan. Dan se jkompli jiġi sostnut fiż-żmien li ġej.
Fil-kwistjoni tal-akkommodazzjoni, il-Gvern diġà għamel riformi sostanzjali lejn l-aħħar tas-sena l-oħra. Residenza b’żewġt ikmamar tas-sodda u kamra tal-banju waħda għandha massimu ta’ erba’ persuni, u residenza bi tlett ikmamar tas-sodda u żewġt ikmamar tal-banju jistgħu jokkupawha sa massimu ta’ sitt persuni. Din il-kwistjoni hi rregolata mill-Housing Authority, li għandha dritt, permezz tal-emendi legali li ġew fis-seħħ, li timmulta lil min jinqabad jabbuża.
Ir-rekwiżit li s-salarji jitħallsu permezz ta’ trasferiment bankarju huwa pass sinifikanti biex jiġi miġġieled il-ħlas insuffiċjenti. Madankollu, ħafna ħaddiema barranin ibatu biex jiftħu kontijiet bankarji minħabba l-burokrazija jew in-nuqqas ta’ appoġġ lokali. X’miżuri se jimplimenta l-Gvern biex jiżgura li dan ir-rekwiżit ġdid ma jkunx ta’ żvantaġġ għall-ħaddiema?
Ir-rekwiżit li s-salarji jitħallsu fil-kont bankarju se jiġi mitlub biss għall- ħaddiema barranin biss li jkunu ingaġġati għall-ewwel darba fil-pajjiż jew jagħmlu change of employer. Dan għaliex nifhmu li hemm ċerti sfidi u allura rridu li ndaħħlu din il-miżura b’mod gradwali mingħajr ma’ noħolqu xokkijiet.
Barra minn hekk, irrid ngħid li, skont il-liġi, kull persuna li għandha residenza Malta għandha dritt ta’ kont bankarju bażiku, u aħna se nkunu qegħdin nisħqu fuq dan id-dritt.
Fil-policy li ppreżentejna hemm miżura oħra li se nsaħħu din il-miżura u oħrajn. Miżura li tgħid li meta persuna, wara l-ewwel sena jaħdem Malta, jiġi biex iġedded il-permess ta’ xogħol u residenza, se jsiru l-verifikazzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż ħlasijiet tas-salarju.
Jekk allura l-awtoritajiet jirrżultalhom li l-ħlasijiet ma sarux kif suppost, se jkunu qed jieħdu l-passi kollha biex jiġu rkuprati dawk il-ħlasijiet, filwaqt li jittieħdu l-proċeduri li hemm bżonn kontra min iħaddem jekk dan ikun abbuża.
Il-politika tillimita l-ingaġġar ta’ TCN f’ċerti ċirkostanzi filwaqt li tenfasizza wkoll id-dipendenza ta’ Malta fuqhom għal setturi bħall-kura tas-saħħa u l-kostruzzjoni. Il-gvern kif se jibbilanċja dawn l-għanijiet li jidhru kontradittorji mingħajr ma joħnoq it-tkabbir ekonomiku?
Din il-politika ma teskludi lil ħadd jew l-ebda settur mill-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin, sakemm ir-rekwiżiti li se nkunu qed nintroduċu jiġu segwiti. Dawn ir-rekwiżiti qegħdin hemm biex jistabbilixxu u jassiguraw il-bżonn tal-ħaddiem.
Rigward is-settur tas-saħħa: din il-politika mhux biss mhux tpoġġi piż akbar biex jiġu ingaġġati persuni barranin biss, fis-settur tas-saħħa, kura tal-anzjani u diżabilità, imma saħansitra qed tagħmilha aktar faċli. Fil-fatt, il-ħlas assoċjat mal-ingaġġ jew l-estensjoni tal-ingaġġ, se jinżel bin-nofs ta’ dak li jiġi mħallas bħalissa.
Il-policy tagħmel numru ta’ eżenzjonijiet oħra għas-setturi tas-saħħa, kura tal-anzjani u diżabiltà.
Il-politika tipproponi li jiġu rrifjutati awtomatikament applikazzjonijiet minn pajjiżi meqjusa ta' riskju għoli. Il-gvern kif qed jippjana li jiżgura li din il-miżura tkun ġusta u ma twassalx għal prattiki diskriminatorji jew issaħħaħ il-preġudizzji eżistenti kontra nazzjonalitajiet speċifiċi?
L-għan ta din il-miżura huwa li niżguraw is-sigurtà tas-soċjetà Maltija, kemm mil-lat ta’ sigurtà nazzjonali, kif ukoll mil-lat ta’ saħħa pubblika. Huwa għalhekk illi qed nipproponu li l-awtoritajiet kompetenti jifformulaw lista ta’ pajjiżi meqjusa ta’ riskju għoli abbażi ta’ kriterji oġġettivi u informazzjoni li jista’ jkollhom. B’hekk se niżguraw illi ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn pajjiż u ieħor.
Minħabba kontroversji dwar il-politika dwar il-migrazzjoni u x-xogħol fil-passat, x’assigurazzjonijiet tista’ tagħti li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni se jikkunsidra ġenwinament ir-rispons tal-pubbliku u tal-partijiet interessati, u ma jkunx a rubber-stamp exercise?
Il-proċess ta’ konsultazzjoni beda qabel tnieda dan id-dokument. Matul dawn l-aħħar xhur ta’ ħidma tkellimna ma’ ħafna nies f’diversi oqsma. Tkellimna wkoll mal-imsieħba soċjali, u fil-fatt numru ta’ miżuri li poġġejna għad-diskussjoni diġà jirriflettu din il-konsultazzjoni.
Bħalissa qed nirċievu numru ta’ sottomissjonijiet mill-pubbliku, li qed nanalizzawhom bir-reqqa. Inħeġġeġ lill-pubbliku jkompli jipparteċipa.
Qed nitkellmu ma’ rappreżentanti ta’ numru ta’ oqsma fil-pajjiż. Qed ikollna numru ta’ laqgħat f’dan ir-rigward anke ma’ msieħba soċjali.
Diġà qed jidħlu numru ta’ rakkomandazzjonijiet kif nistgħu nirfinaw il-proposti tagħna. Permezz ta’ dawn il-konsultazzjonijiet nista’ ngħid li se nkunu qed nirfinaw xi proposti li poġġejna għad-diskussjoni.
Każijiet preċedenti żvelaw każijiet ta’ sfruttament tal-ħaddiema, traffikar, u abbuż sistemiku. Filwaqt li din il-politika tindirizza xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet, liema salvagwardji huma fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-infurzar u l-penali għal dawk li jiksru l-liġi jiġu applikati b’mod konsistenti?
Il-politika li fassalna tinkludi bosta miżuri li l-għan tagħhom huwa li jiġu salvagwardjati d-drittijiet ta’ ħaddiema u li niżguraw li min jabbuża mis-sistema u ma jimxix mar-regoli jkollu penali ħorox. Huwa proprju għalhekk li ha nkunu qegħdin nintroducu miżuri li wkoll isaħħu d-desk based investigations min-naħa tal-entitajiet kompetenti, filwaqt li ndaħħlu wkoll miżuri oħra li jnaqqsu r-riskju ta’ abbuż, bħall-obbligu illi l-paga ta’ TCNs li jiġu Malta għal raġunijiet ta’ xogħol tibda titħallas permezz ta’ bank transfer. Ta’ min isemmi wkoll illi filwaqt li qed nipproponu numru ta’ miżuri biex innaqqsu l-abbuż, spezzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, bħall-JobsPlus u l-Korp tal-Pulizija, se jkomplu għaddejjin.
Il-politika tal-migrazzjoni tagħti ħjiel għal bidla lejn l-approċċ ta’ migrazzjoni bbażat fuq il-ħiliet. Il-Gvern kif qed jippjana li jinvesti fit-titjib tal-ħiliet tat-TCNs diġà f’Malta, u se jkun hemm xi inċentivi biex dawn il-ħaddiema jibqgħu u jikkontribwixxu fit-tul aktar minflok ifittxu opportunitajiet xi mkien ieħor?
Rakkomondazzjoni 27 tidħol fid-dettall ta’ kif beħsiebna nagħmlu dan.
L-ewwel mod huwa li, b’kollaborazzjoni mal-Human Rights Directorate se nkunu qegħdin insaħħu u nirristrutturaw l-‘I Belong Programme’ biex niffaċilitaw l-integrazzjoni tal-ħaddiema barranin. Se nkunu qegħdin inneħħu l-kundizzjoni li biex jinġieb Long-Term Residence dan il-kors irid isir 12-il xahar qabel l-applikazzjoni. B’hekk nassiguraw li aktar ħaddiema jagħmlu dawn il-korsijiet.
Però rridu wkoll nissieħbu mal-privat biex nidentifikaw numru ta’ korsijiet li jtejbu l-ħiliet, speċjalment dawk ta’ lingwa u ħiliet oħra vokazzjonali. Il-Gvern se jkun qed issaħħaħ inċentivi diġà eżistenti ta’ upskilling, u saħansitra joħloq inċentivi oħra kemm lil min iħaddem u anke lill-ħaddiem biex jidħol għal dawn il-korsijiet.
Prinċipju li ħadem ħafna kien dak tal-“Investing in skills”, skema mħaddma minn JobsPlus, fejn min iħaddem jidentifika hu l-korsijiet li għandu bżonn għall-ħaddiema tiegħu. Dan il-kunċett jista’ jiġi estiż aktar.
Irridu wkoll naħdmu anke biex dawk il-ħaddiema li diġà għandhom ħiliet u kwalifikazzjonijiet li forsi mhux rikonoxxuti f’Malta, jinħolqu dawk li jissejħu Bridge Courses (biex dawn il-ħaddiema jilħqu l-potenzjal tagħhom u jimlew xogħlijiet vakanti ta’ ħiliet aktar għolja.
Barra minn hekk, qed ninċentivaw lil min iħaddem biex jinvesti fil-ħaddiema kollha tiegħu, u min iħaddem se jingħata numru ta’ vantaġġi. Se jkun hemm lista ta’ min iħaddem li huma eżemplari li fost affarijiet oħra jkunu wrew evidenza li taw taħriġ. Dawn l-employers imbagħad jitħaffifilhom il-proċess ta’ ingaġġ u jitwal iż-żmien tal-estensjoni tal-permess tal-ħaddiema tagħhom, li wkoll jinkoraġġixxi li jinżammu dawn il-ħaddiema.



