‘Ħa nibqgħu inkaljati mal-istess sistema, meta l-poplu qed jurina li se jibqa’ d-dar?’

Il-President Myriam Spiteri Debono targumenta li wasal iż-żmien li s-sistema elettorali tagħna tinbidel, u fil-parlament naraw aktar formazzjonijiet politiċi, għax il-poplu qed jinbidel u qed isib li mhux jirrelata mal-ħsibijiet taż-żewġ partiti politiċi li ilhom imexxu Malta għal deċennji sħaħ

Il-President Myriam Spiteri Debono targumenta li wasal iż-żmien li s-sistema elettorali tagħna tinbidel, u fil-parlament naraw aktar formazzjonijiet politiċi, għax il-poplu qed jinbidel u qed isib li mhux jirrelata mal-ħsibijiet taż-żewġ partiti politiċi li ilhom imexxu Malta għal deċennji sħaħ. 

X’kienu l-affarijiet li spikkaw f’dawn it-tmien xhur li ilek f’din il-kariga? 

Min-nies t’hemm barra, din l-istennija, aktar bdejt inħossha. Kelli nissettja moħħi għal ħafna affarijiet. L-ewwel nett, kelli nissettja moħħi li hawnhekk kelli nagħmel dari. Ovvjament ridt nidra l-istaff t’hawnhekk. Kelli nidra wkoll l-attitudni tagħhom, waqt li tinbidel tiegħi wkoll. Fil-bidu kważi kważi kont naħtafhom għaliex dawn kienu l-ħin kollu jaraw kif se jfissduni, u jien il-fsied, la trabbejt bih, u wisq aktar sibtu meta kbirt. Allura dik kienet, u tiskanta, qed insemmiha għax kien ġustament li kien jirrikjedi anke xi ftit ta’ analiżi min-naħa tiegħi, fuq għaliex qed jiġri hekk, għaliex qed ninnervja kważi mix-xejn.  

Min-naħa l-oħra, kien hemm ukoll xi affarijiet li kellhom x’jaqsmu mar-residenza. Kont għedt li nixtieq li din tkun il-presidenza tan-nies, u n-nies ġew. Kull min kien jitlob anke biex jiltaqa’, assoċjazzjonijiet, NGOs, bl-iskop soċjali, jiena għamilt ħilti kollha biex ma ngħid le lil ħadd. Minnhom kelli esperjenzi, ta’ x’qed jaħsbu n-nies, ta’ x’jixtiequ. Sew f’oqsma partikolari, u wkoll b’mod ġenerali.  

Fil-fatt, inħoss li għalkemm illum għandna l-midja aktar mifruxa, in-nies jixtiequ jkunu aktar u aktar qrib lejn min qiegħed fit-tmexxija. Għalija huwa ta’ sodisfazzjoni illi nara li l-mexxejja, jew min jipprospetta li jkun mexxej, idur man-nies. Biss, naħseb li hemm bżonn ninżlu fosthom, niftħulhom aktar il-bibien, u nħallu lilhom jitkellmu. 

Jista’ jkun li minħabba li l-president mhux figura eletta, jaraw fiha persuna li jistgħu jafdaw aktar, għax fiha jsibu aktar onestà u integrità? 

Jista’ jkun, imma jien naħseb illi l-poplu, dak li jħoss, ma’ kulħadd jgħidu, u ma kulħadd jgħidu l-istess. Jien li qed ngħid huwa li kien hemm ċertu għatx biex jiftħu qalbhom u jitkellmu. Naħseb vallapena għal kull min irid, kull ċertu żmien, ipoġġi lilu nnifsu quddiem l-elettorat, li jiltaqa’ aktar fil-qrib man-nies, u jħallu lilhom jitkellmu. Din nenfasizzaha ta! Iridu jħallu lilhom jitkellmu. 

Hemm ir-realtà li l-president u l-presidenza mhux eżekuttivi. Jiġifieri jistgħu jifhmu l-problema, imma s-soluzzjoni mhux f’idejhom. Dik ma tiffrustrakx? 

Mhux kwistjoni ta’ frustrazzjoni, għaliex l-irwol ta’ president, kif inhu fl-ambitu tal-kostituzzjoni, nifhmu. Ma tantx jien tal-opinjoni, imma se noqgħod attenta kif nitkellem biex ma nkunx interpretata fuq ċerti affarijiet li jistgħu jiżviluppaw ’il quddiem, jew ikun hemm xi diskussjoni. Imma l-irwol tal-President, fis-sitwazzjoni kostituzzjonali tagħna, huwa rwol li jimxi wara l-kwinti. Jista’ jeżerċita influwenza, minn wara l-kwinti, imma naħseb, u din nenfasizzaha meta jkun hemm ċerta stennija min-naħa tan-nies, li s-soluzzjonijiet mhumiex f’idejn il-President. Imma iva, jista’ minn wara l-kwinti jagħti ħjiel, ta’ x’qed jinħass hemm barra. Imma le mhux f’idejn il-President. Meta tifhem x’inhu l-irwol tiegħek, m’għandek tħoss l-ebda frustrazzjoni. Jista’ jkun xorta influwenti, u naħseb li hemm iktar lok, illi meta aħna, ċerti nies li qegħdin fuq quddiem ta’ dan il-pajjiż, nifhmu u nidraw aktar lil xulxin.  

Fid-diskors tiegħek, tal-Milied, inti waqaft u indirizzajt lill-barranin fil-pajjiż bl-Ingliż. Bħala president, kif tħares lejn l-argumenti dwar il-popolazzjoni żejda jew lejn il-barranin? 

Ma tistax tara l-argument waħdu. L-ewwel trid tara għaliex wasalna f’din is-sitwazzjoni, u għaliex wasalna f’din is-sitwazzjoni li f’pajjiżna, anke bil-ftuħ tal-edukazzjoni, m’aħniex insibu tfal minn tagħna, li lesti jagħmlu ċerti xogħlijiet, u l-mod kif żviluppajna l-ekonomija. Ilhom żmien jgħidu illi din trid tkun  indirizzata b’paripassu ma’ mudell ekonomiku, li l-preżenti li għandna, jista’ jkun, apposta se nkun kawta, irid jiġi modifikat. 

Din ma tistax taraha weħidha. Trid tara minn fejn ġiet, u għaliex, u jekk ma nagħtux kasha, u skont il-bżonn naġġusta, fiex se nispiċċaw. 

Anke pereżempju l-arċisqof, naħseb li kellu preokkupazzjoni minn taħt, meta semma t-twelid. Naħseb li kien hemm under tone illi anke l-etniċità tinżamm, meta tkellem. 

Għaliex ħassejt il-bżonn li ssemmi l-liġi elettorali bħala punt importanti? 

Bir-rispett kollu, mhux issa ħassejt il-bżonn. Għalkemm din il-kelma ‘bżonn’ tinftiehem li “issa wasal iż-żmien”, imma mhux il-każ. Dan meta tkellimt fuqha l-ewwel darba fl-apert kien, jew fis-Sette Gunio tal-1996 jew tal-1998, u kienet ilha f’moħħi qabel ... 

Imbagħad għandna dik il-biċċa xogħol, li fil-kostituzzjoni, pruvajna dejjem naslu għal rabta eqreb bejn il-voti mitfugħa u r-rappreżentanza f’siġġijiet, illi sa ċertu punt, diġà qiegħda ħafna aħjar minn ta’ pajjiżi oħra, jekk mhux waħda mill-aħjar, biex ma jintilfux voti. Imma qed ikollna voti li jintilfu. 

Din il-biċċa xogħol, nemmen li għandna nagħtuha spazju u nkunu aktar demokratiċi, jekk ikollna rabta aktar mill-qrib. Jekk naslu ngħidu li wasal iż-żmien, huwa għax il-poplu qed jurina, il-poplu wriena f’Ġunju, li l-poplu lest jastjeni. Għaliex lest jastjeni? Għandna nies qed iħossuhom bla knisja? Mhux iħossuhom li jistgħu jidentifikaw mal-ebda partit politiku? 

Ħafna drabi min ikollok min jirraġuna kontra illi nagħmlu aktar ftuħ, jirraġuna minħabba l-governanza. Allura dik titfgħek fuq ħaġa oħra. Jekk qed ngħidu minħabba governanza, jekk aħna jkollna sistema elettorali b’tali mod li pereżempju fil-parlament ikun hemm it-tielet formazzjoni, jew anke r-raba’, jiġifieri m’għandniex fiduċja li jkollna governanza, u jkunu kapaċi jiftiehmu fuq tmexxija? 

Dawn huma affarijiet li trid tarahom. Mela aħna ħa nibqgħu inkaljati mal-istess sistema, meta l-poplu qed jurina li se jibqa’ d-dar? U baqa’ d-dar! Ma rridux naraw li l-poplu jkollu għażla ta’ anke ħsibijiet?  

Is-sistema elettorali li għandna, anke fil-prattika, hija kważi impossibbli biex tara li jkollna t-tielet formazzjoni fil-parlament, speċjalment bil-mod ta’ kif qegħdin u kif żviluppaw l-affarijiet f’pajjiżna. 

Inutli nsemmu s-sittinijiet, kif meta b’dik is-sistema, kien hemm formazzjonijiet differenti, dik kienet storja oħra, sistema oħra. Is-soċjetà tagħna żviluppat, u din missejnieha b’idejna f’Ġunju. 

Din hija silta mill-intervista li l-preżentatur Saviour Balzan kellu mal-Eċċellenza Tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono. Segwi l-intervista kollha hawn.

More in Intervisti