’L-inkwiet tiegħi jibqa’ li refuġjati Sirjani li ma jistgħux jirritornaw lura d-dar, se jaffaċjaw aktar mibgħeda fil-konfront tagħhom’
L-umanitarju Karl Schembri jingħaqad mal-ILLUM b’kollegament mill-Kenja fejn jispjega d-diżappunt, u r-rabja tiegħu lejn il-Gvern Malti u dawk Ewropej meta ħadu deċiżjoni ‘tal-mistħija u bla ruħ’ u waqfu l-applikazzjoni għall-ażil għas-Sirjani fi żmien daqsekk perikoluż u ta’ inċertezza
![marianna_calleja](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/profile_thumbnail/300/300/marianna_calleja_1711537623.jpg)
minn Marianna Calleja
![](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/7_jd_karl_schembri_with_syrian_refugees_in_zaatari_camp_in_jordan.jpg)
Kif tispjega s-sitwazzjoni kurrenti fis-Sirja, kważi aktar minn deċenju wara li bdew il-kunflitti?
Dak li qed naraw illum iffakkarna li l-kapitlu tar-Rebbiegħa Għarbija, li bdiet fl-2011, għadu ma ngħalaqx fil-verità u magħha anke l-kriżi umanitarja li ġabet il-gwerra ċivili fis-Sirja. B’miljuni ta’ Sirjani refuġjati barra minn pajjiżhom, minn tal-inqas ħames miljuni fir-reġjun tal-Lvant Nofsani, imqassmin bejn il-Ġordan, il-Libanu, t-Turkija. Kollha pajjiżi li ħdimt fihom, u ltqajt ma’ refuġjati hemm ukoll.
Il-verità hija li l-ingredjenti kollha li nżergħu fl-2011, ma jistax wieħed jippretendi li qatt ma saru. Id-ditattur Bashar al-Assad ipprova jiknes lin-nies tiegħu stess taħt it-tapit, u in-nies urewh li dawn l-affarijiet tista’ ssikkithom darba, tnejn, tlieta imma xi darba l-pressure cooker se jisplodi. Filwaqt li hija sorpriża r-rata, l-għaġla u ż-żmien i fih u bih seħħ kollox dawn l-aħħar ġimgħatejn, fil-verità m’għandha tkun sorpriża għal ħadd li l-aspirazzjoni tas-Sirjani, li Bashar al-Assad ipprova jikkanċela, dejjem baqgħu hemm.
Dawn huma affarijiet li ma tistax tinjora, jew teliminahom. Dejjem se jiġu lura, u se jiġu lura b’saħħa. U x’ġie lura? L-aspirazzjoni tas-Sirjani għad-demokrazija, għal-libertà u għall-awtodeterminazzjoni ta’ kif jitmexxa pajjiżhom. Aspirazzjonijiet pjuttost umli, imma hemm l-ambizzjoni ta’ miljuni ta’ Sirjani li jkollhom sehem fit-tmexxija ta’ pajjiżhom, u ma jħalluhx ikun immexxi minn familja waħda. Dan huwa pajjiżhom, dan hu n-nazzjon tagħhom.
Ma rridhux ninsew il-bniedem li beda’ dan kollu, lil Mohamed Bouazizi, il-bejjiegħ tal-ħaxix Tuneżin li xegħel il-fjamma tal-ambizzjoni, tal-aspirazzjoni għal-libertà u d-demokrazija fost il-poplu Għarbi.
Mohamed Bouazizi li fl-2011 miet wara ta lilu nnifsu n-nar, wara li kien umiljat mill-pulizija meta waqfuh milli jbigħ il-ħaxix, li kien l-unika mod li bih seta’ jagħmel ftit flus. Ma ninsewx dan l-isem, ma ninsewhx, għax kollox imur lura għal dan it-Tuneżin li ta n-nar mhux biss lilu nnifsu imma lir-reġjun kollu biex illum is-Sirja għalqet kapitlu, u fetħet wieħed ġdid ta’ tama.
Irraportajt ħafna dwar il-kriżi tar-refuġjati Sirjani. Taħseb li d-dinja isiethom maż-żmien? Kellek sitwazzjonijiet eżempju meta bdiet il-gwerra fl-Ukrajna, fejn in-nies tkellmu iktar dwar l-inġustizzji li l-Ukreni ġarrew. Tħoss li r-refuġjati Sirjani kienu qed jintessew?
Assolutament! Il-kriżi Sirjana poġġewha taħt it-tapit mhux biss Bashar al-Assad, imma il-kumplament tad-dinja. Kien hemm anke mexxejja Għarab li rriabilitaw lil Bashar al-Assad u ħallewj jiltaqa’ magħhom anke wara snin boycotted. Id-dinja kienet qatat qalbha li din se tissolva u kif naraha jien stess, kellek miljuni ta’ refuġjati, bil-miljuni fl-istess reġjun, illi ma kellhomx tama li jmorru lura pajjiżhom.
Ma ninsewx li dawn, ħafna minnhom kienu ippersegwitati, ħafna minnhom irġiel, ħafna minnhom mitluba mill-awtoritajiet Sirjani għaliex azzardaw jitolbu għall-libertà tagħhom.
Iva id-dinja kienet insiet din il-kriżi u s-Sirjani urew li huma stess, huma biss jistgħu jsolvuha, u jeħduha f’idejhom.
Filmat li għamilt inti 11-il sena ilu jistieden refuġjati Sirjani jispjegaw ‘x’inhu refuġjat’. Bosta qalu li jħossuhom numru fuq karta. Taħseb li dan is-sentiment inbiddel?
Ir-refuġjati qed jiġu trattati agħar minn numru għaliex fil-verità l-affarijiet qed imorru għall-agħar. 11-il sena ilu rajna lill-Ġermanja tiftaħ il-bibien għal miljun Sirjan u aktar, li kellhom bżonn protezzjoni. Konna rajna mumenti ta’ simpatija lejn il-poplu Sirjan, wara l-mewta traġika ta’ Alan Kurdi, it-tifel li nstab mejjet fuq il-bajja Torka, imma wara dawk il-mumenti li fihom tajna d-dritt lil nies vulnerabbli kienu qed jaħarbu minn persekuzzjoni qalila imbagħad bdejna naraw mewġa wara l-oħra ta’ populozzjoni ta’ egojiżmu, ta’ patrijotiżmu fażul li jimmira lejn l-iktra nies vulnerabbli li ħaqqhom protezzjoni, u bid-dritt, bil-liġi internazzjonali umanitarja, li tagħti d-dritt lil min qed jaħrab minn persekuzzjoni għall-protezzjoni.
Imbagħad rajna din il-mewġa ta’ popoliżmu, politika li tħares lejn ir-refuġjati bħala piż. Qishom kienu s-sors ta’ kull problema li kien pajjiż qed jaffaċja.
L-inkwiet tiegħi illum jibqa’ li għandek ħafna refuġjati li ma jistgħux jirritornaw lura d-dar, għandek eżempju bosta Sirjani madwar id-dinja li ma jistgħux jirritornaw għax ċirkostanzi għadhom perikolużi u b’hekk għadhom jaffaċjaw aktar mibgħeda fil-konfront tagħhom.
Ir-razziżmu ħafna drabi jgħolli rasu fi żminijiet ta’ kriżi. Innutajt dan l-istess effett fil-Maltin, meta l-Ħadd bdew iċ-ċelebrazzjonijiet?
Jien ma ngħix Malta, li nara fuq il-midja soċjali, u dak irrapurtat mill-midja, u rajt anke nies li naf u qraba tiegħi jgħidulek “issa ibgħatuhom lura”. Kien hemm din l-ironija, mhux neċessarjament razzisti, imma jew ikunu misinfurmati, jew jaqbdu ma kwalinkwe ħaġa biex joħorġu l-mibgħeda tagħhom lejn il-barranin. Pero’ bdew jgħidu żewġ affarijiet kontraditorji ta’ xulxin. Jgħidu “issa tara s-Sirja tispiċċa bħal-Libja, ħa tispiċċa bħat-Taliban, u s-Sirja diżastru għax waqgħet f’idejn it-terroristi,” imma fl-istess ħin jgħidu, “ehh mela issa ibagħtuhom lura”.
Fuq naħa tgħidli li s-Sirja se tkun diżastru, għax bħal li kieku ma kinietx taħt id-ditattur krudili Bashar al-Assad, imma fl-istess qed tgħid li trid tibgħathom lura. Allura ddeċċiedi, jekk taħseb li s-sitwazzjoni sejra għall-agħar, mela ma tistax tibgħathom lura, anzi għandhom id-dritt jġeddu l-istatus tagħhom. Jien ningħaqad mal-ħbieb tiegħi Sirjani, nixtieq lilhom kull ġid f’dan il-mument ta’ tama, biex jieħdu l-futur tagħhom f’idejhom, u jibnu pajjiż kif jixraqihom.
Iżda fl-istess ħin infakkar lill-awtoritajiet Maltin, jgħidu x’ jgħidu dawn ir-razzisti jew misinformati, illi ma nistgħux niġru nibgħat lil ħadd għax dan hu mument ta’ inċertezza, hemm mistoqsijiet kbar ta’ x’se jiġri u għalhekk mhux il-mument li tibgħat lura lil ħadd. Anzi jekk hemm min qed japplika għall-ażil bħala refuġjat għandek tipproċessah bħal ma kont qed tagħmel. Nixtiequlhom kull ġid, u kull min jixtieq li jmur lura, imur, bħal ma diġà qed naraw, u xi ħaġa sabiħa, imma r-ritorn tar-refuġjati dejjem dejjem irid ikun ritorn volontarju, informat u dinjituż
X’taħseb dwar is-sospenzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil għas-Sirjani min-naħa tal-Gvern?
Torbot ma’ dak li għidt qabel. Naħseb li hija sospenzjoni opportunista, bla ebda bażi għaliha. Għad hemm inċertezza, għad hemm persuni li għandhom bżonn il-protezzjoni. Hija opportunitsta, deċiżjoni krudili u kattiva li għandek partijiet kbar mis-Sirja, partijiet enormi, li huma totalment distrutti, ma jista’ ħadd jirritorna fihom, bla servizzi, bla skejjel, bla elettriku, bla ilma, bla sptarijiet, partijiet li mhux ospitabbli minħabba l-gwerra li kien hemm fihom. M’hemm l-ebda bażi għall-Gvern Malti u Ewropej biex iwaqqaf l-applikazzjonijiet għall-ażil għas-Sirjani. Jiena ddiżappuntat ħafna, u irrabjat lejn il-gvern Malti li mexa’ u ħa din id-deċiżjoni, flimkien ma’ pajjiżi oħra, tal-mistħija, deċiżjoni bla ruħ. Għal darba oħra, il-Gvern suppost Laburista sożjalista tagħna jarmi l-valuri tiegħu fil-baħar għall-opportuniżmu, u għal popoliżmu irħis, biex jagħmel punt.
![](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/profile_thumbnail/40/40/marianna_calleja_1711537626_zoom.jpg)
![‘Il-Maltin m’għandhomx obbligu jinbidlu, imma għandna noffru għarfien dwar il-kultura tagħna lil min ġej fostna’](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/whatsapp_image_2025-01-22_at_12.52.22.jpeg)
![‘Ħa nibqgħu inkaljati mal-istess sistema, meta l-poplu qed jurina li se jibqa’ d-dar?’](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/jjb00305.jpg)
![’L-inkwiet tiegħi jibqa’ li refuġjati Sirjani li ma jistgħux jirritornaw lura d-dar, se jaffaċjaw aktar mibgħeda fil-konfront tagħhom’](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/7_jd_karl_schembri_with_syrian_refugees_in_zaatari_camp_in_jordan.jpg)