‘Xogħolna jkun verament twettaq meta jkun jista’ jiġi xolt il-Ministeru għall-Inklużjoni’ - Julia Farrugia
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia, tgħid li l-aċċessibilità hi waħda mill-aktar aspetti fundamentali fid-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) intalbet tinvestiga 11-il każ ta’ mwejjed u siġġijiet li jiżgumbraw il-bankini. Aqra aktar fl-intervista esklussiva tal-Ministru mal-gazzetta ILLUM
minn Marianna Calleja
Nafu li għaddej xogħol fuq respite centre ġdid għal persuni b’diżabilità f’Ħal Kirkop. Min se jkun qed jibbenefika minn dan il-proġett?
Dan se jkun servizz ta’ respite kif ukoll servizz ta’ tranżizzjoni fil-komunità biex insaħħu l-kunċett ta’ deistituzzjonalizzazzjoni. Bħala utenti tas-servizz se jkunu persuni b’diżabilità ta’ ’l fuq minn 18-il sena, u huwa maħsub li jibda jopera minn Settembru tas-sena d-dieħla. Persuna tkun tista’ tuża dan is-servizz wara li jsirilha intake multidixxiplinarju. Iktar milli nħarsu lejn profil ta’ utent tipiku, nixtiequ nimxu fuq person-centred approach, fejn kull min iħoss il-bżonn ikun jista’ japplika, u skont il-bżonnijiet ta’ persuna minn żmien għal żmien imbagħad, tkun tista’ tuża dan is-servizz. L-amministrazzjoni tas-servizz se tkun taħt ir-responsabbiltà tal-Inspire, fl-ambitu ta’ public-social partnership, u bl-involviment sħiħ tal-esperti tal-Aġenzija Sapport.
Din is-sena nqalgħu diskussjonijiiet dwar pajsaġġi aktar sikuri fil-Belt Valletta għal persuni b’diżabilità. Imma problemi bħal dawn issibhom fl-irħula u bliet kollha Maltin. X’qed jagħmel il-Ministeru f’dan ir-rigward, sabiex l-ispazji urbani Maltin u Għawdxin ikunu aktar aċċessibbli u inklussivi?
L-aċċessibilità hi waħda mill-aktar aspetti fundamentali fid-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. L-objettiv numru erbgħa tal-Istrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li ħriġna bħala Ministeru, jitkellem fuq l-importanza li rridu naraw li jkollna bħala pajjiż. Dan l-objettiv jibni fuq il-kisbiet attwali, filwaqt li jindirizza dawk l-oqsma li dejjem qed jevolvu u li jeħtieġu aktar attenzjoni.
Forsi qed tirreferi għall-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet li jingumbraw il-bankini. Hawn, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) intalbet tinvestiga 11-il każ dwarhom. Ostakli oħra jistgħu jkunu arbli, kemm tad-dawl, kif ukoll feeder pillars (kaxxi tad-dawl), ħwat u anke l-bankini stess li ma jkunux fi stat tajjeb jew mibnija ħażin. Dawn kollha każijiet li l-Kummissjoni daħlet fihom, fejn tinsisti mal-awtoritajiet kompetenti biex ineħħu l-ingombru, jew l-ostaklu.
Bħala Ministeru, appoġġjajna wkoll lill-għaqdiet volontarji u kunsilli lokali, permezz ta’ skemi, inklużi skemi speċifikament marbutin mat-twettiq tal-Istrateġija, sabiex huma wkoll ikunu parteċipi fit-twettiq ta’ dan il-għan.
Il-koperazzjoni ta’ Ministeri u dipartimenti governattivi oħrajn, inkluż, fost oħrajn, dawk responsabbli mill-infrastruttura u t-transport fl-irħula u l-bliet tagħna, hija kruċjali jekk vera rridu li jkollna l-aċċessibilità u l-inklussività għal kulħadd. Dan qed niffaċilitawh ukoll, fl-ambitu tal-Istrateġija Nazzjonali, permezz ta’ struttura inter-Ministerjali li bdiet topera fi ħdan id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI).
Fil-Parlament tkellimt fuq żagħżugħ li riċentament ma tħalliex jilgħab handball minħabba li jagħmel użu minn wheelchair. Kemm tisimgħu b’każijiet bħal dawn? Huma komuni? Kif qed jaħdem il-ministeru ma’ klabbs sportivi biex din id-diskriminazzjoni tonqos?
Huwa rari ħafna li nirċievu lmenti ta’ dan ix-xorta. Is-CRPD rċeviet tliet ilmenti tali fl-aħħar 10 snin. Il-Kummissjoni però ġieli ġiet ikkuntattjata minn klabbs sportivi dwar kif l-aħjar jimxu sabiex itejbu l-inklussività tagħhom favur persuni b’diżabilità.
Fil-frattemp, għaqdiet volontarji sportivi huma mħeġġa li japplikaw għad-diversi skemi li jkunu disponibbli matul is-sena u li jindirizzaw is-suġġett tal-inklużjoni. Appoġġ mill-Ministeru jingħata permezz ta’ diversi skemi kif imsemmi, kif ukoll permezz ta’ skemi ġenerali mħaddma mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS), bħall-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) u s-Small Initiative Support Scheme (SIS). Fl-2024, tali entitajiet ibbenefikaw minn madwar €140,000 f’fondi.
Il-valutazzjoni l-ġdida tal-assistenza soċjali ġiet aġġustata biex tkopri diżabilitajiet moħbija. Tista’ tiddeskrivi kif din il-valutazzjoni qed tindirizza kundizzjonijiet bħall-fibromyalgia u anke l-kwistjonijiet ta’ saħħa mentali? Liema sistemi ta’ appoġġ jistgħu jibbenefikaw minnhom l-individwi li jikkwalifikaw?
Is-sistema l-ġdida tuża metodu bbażat fuq il-funzjonament. Il-bord mediku preċedenti – li kien jimxi ma’ lista ta’ kundizzjonijiet speċifiċi – ġie sostitwit minn Panel Inter-professjonali, u kull min għandu diżabilità fl-ambitu tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda jista’ japplika, inklużi persuni b’fibromyalgia u diffikultajiet ta’ saħħa mentali.
Il-Panel ikun kompost minn social worker, occupational therapist, professjonist b’għarfien tas-sistema ICF (Klassifikazzjoni Internazzjonali tad-Diżabilità, il-Funzjonament u s-Saħħa) tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), persuna b’diżabilità maħtura mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, tabib u rappreżentant tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Applikant jirċievi punti abbażi tal-funzjonament tiegħu f’oqsma differenti, skont l-imsemmija sistema, u mhux biss abbażi tad-dokumentazzjoni medika tiegħu, li tkun ġiet sottomessa b’mod sigur mit-tabib tiegħu. Fl-interess tal-aċċessibbiltà, l-applikanti jistgħu jiġu intervistati personalment jew online. Ir-riforma bħalissa ġiet introdotta għall-biċċa l-kbira tal-pagamenti ta’ assistenza għad-diżabilità lill-adulti, u eventwalment se tiġi estiża għal pagamenti oħra, notevolment għal dawk fir-rigward tat-tfal.
L-isfidi tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol faċli jkunu injorati, u f’ċerti sitwazzjonijiet toħloq ukoll diskriminazzjoni. Għadna nisimgħu b’każijiet bħal dawn? Hemm xi inizjattivi min-naħa tal-Ministeru, li jassiguraw opportunitajiet ugwali f’dan is-sens?
Filwaqt li ma nistgħux neskludu li jeżistu dawn is-sitwazzjonijiet, is-CRPD irċeviet każ wieħed biss din is-sena f’diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol minħabba saħħa mentali.
Fil-21 ta’ Lulju, il-Kummissjoni organizzat konferenza dwar l-impjieg tal-persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali b’kollaborazzjoni mal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u r-Richmond Foundation. Din kienet immirata għal HR managers kemm fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll fil-privat. Għal din il-konferenza attendew 113-il ruħ.
Wara l-konferenza, ħadna d-diskussjoni quddiem il-Malta Business Disability Forum li tippresjedi l-Kummissjoni u li fiha hemm rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet ewlenin fil-pajjiż li jirrappreżentaw lil min iħaddem u l-komunità tan-negozju. Għad-diskussjoni ġie mistieden ukoll il-Professur Anton Grech sabiex jagħti pariri professjonali tiegħu kif tista’ titjieb is-sitwazzjoni marbuta mal-impjieg ta’ persuni b’kundizzjoni ta’ saħħa mentali.
Il-ftehim biex jitħarrġu klieb tas-servizz huwa pass ’il quddiem. Kif qed jippjana l-ministeru li jespandi dan il-programm biex jinkludi taħriġ għall-annimali ta’ appoġġ emozzjonali?
Mis-sena 2021 sal-lum dan il-Ministeru għamel ftehim finanzarju kull sena mal-Malta Guide Dogs Foundation sabiex din l-għaqda volontarja tibqa’ għaddejja bix-xogħol siewi li qed tagħmel. Din l-għajnuna finanzjarja sservi sabiex il-Fondazzjoni tħarreġ l-annimali, sabiex imbagħad ikun jista’ jsir matching ma’ utenti b’diżabilità.
Il-Ministeru jżomm djalogu miftuħ ma’ stakeholders differenti fis-settur, għaliex konxju illi tali annimali mhumiex biss ta’ appoġġ għal persuni neqsin mid-dawl. Fuq livell Ewropew, kienet Malta li pproponiet b’suċċess li referenzi għal dawn l-annimali jidħlu fid-Direttiva dwar il-Kard Ewropea tad-Diżabilità. Qegħdin ukoll nesploraw leġiżlazzjoni nazzjonali.
Fi sfond ta’ iktar ċarezza, inkunu nistgħu nħarsu b’mod aħjar lejn il-bżonnijiet ta’ persuni oħrajn li jistgħu jibbenefikaw minn klieb tas-servizz, u naraw dwar l-aħjar triq ’il quddiem, bl-involviment tal-istakeholders imsemmija.
Il-Ministeru kif qed jikkollabora ma’ attivisti u NGOs biex joħloq politiki li jirriflettu l-bżonnijiet reali tal-komunità, b’mod partikolari jiffokaw l-ippjanar urban, faċilitajiet pubbliċi, u inklużjoni soċjali?
L-aħjar eżempju ta’ dan huwa l-kumitat ENGAGE, li ġie mfaħħar internazzjonalment bħala prattika tajba, li permezz tiegħu jiġu koprodotti politiki, inizjattivi u leġiżlazzjonijiet flimkien ma’ rappreżentanti b’diżabilità. L-istess isir fil-qasam tal-awtiżmu, permezz tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu. F’dawn iż-żewġ kumitati, hemm ukoll rappreżentanti mill-Università ta’ Malta, biex hekk tkun inkluża wkoll ir-riċerka parteċipatorja.
Tajjeb li hawn insemmu proġetti bħal taħriġ għal tobba dwar newrodiverġenza, li se jitmexxa minn esperti newrodiverġenti, kemm minn Malta, kif ukoll minn barra, inkluż tobba newrodiverġenti, u li se jsir is-sena d-dieħla. Bl-istess mod, se jsir taħriġ għall-front liners u għall-intrapriżi, fir-rigward tal-impjieg ta’ persuni b’diżabilità, ukoll immexxi mill-persuni b’diżabilità u mill-għaqdiet li jaħdmu magħhom, u bis-sostenn tal-AX Foundation, fondazzjoni li taħdem fil-komunità. Ma ninsewx il-proġett Autism Friendly Spaces, li beda minn Malta mill-għaqda PRISMS, flimkien mas-CRPD, sabiex jippromovi l-inklussività fi spazji pubbliċi, kiber u sar proġett Ewropew, u issa l-mudell ġie wkoll esportat internazzjonalment permezz ta’ ftehim li sar mal-Eġittu.
Il-koperazzjoni mal-komunità Deaf hija wkoll xi ħaġa li kburija biha, bl-involviment tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, fejn flimkien mal-Ministeru riċentement bdiet esebizzjoni fl-Arkivji Nazzjonali dwar it-tradizzjoni narrattiva ta’ din il-komunità, filwaqt illi dalwaqt se jibda kors fl-Università ta’ Malta li jwassal għal Diploma fil-Lingwa tas-Sinjali Maltija, bl-appoġġ tagħna.
Fir-rigward tal-ippjanar urban, saru wkoll diskussjonijiet sabiex il-linji gwida nazzjonali dwar aċċessibilità fiżika jiġu mġedda, kif ukoll estiżi sabiex ikopru l-aċċessibilità sensorjali, u mhux biss dik fiżika.
Dawn bdew fil-kumitat parteċipatorju ENGAGE. U f’seminar li ġie organizzat riċentement fuq l-ippjanar urban, dan il-Ministeru ppropona linji gwida għall-periti u żviluppaturi sabiex binjiet ġodda jinbnew b’mod aċċessibbli mill-bidu. Dan sar flimkien mas-CRPD u l-Università ta’ Malta, bħala parti mill-proġett tal-Kummissjoni Ewropea ‘AccessibleEU’, u bil-parteċipazzjoni ta’ stakeholders, inkluż mis-soċjetà ċivili.
Meta tikkunsidra l-għanijiet ambizzjużi ta’ Malta għall-inklużjoni, liema benchmarks qed tuża biex tkejjel il-progress tiegħek? X’inhi dik il-policy speċifika li tixtieq taraha ssir, u meta titwettaq tgħid “dmiri għamiltu”?
Bħala benchmark, fuq il-karta, il-Ministeru għandu l-Istrateġiji Nazzjonali għall-2021-2030, fir-rigward tad-Diżabilità u l-Awtiżmu. Aħna kommessi li dawn l-Istrateġiji mhux jibqgħu fuq l-ixkaffa, imma jitwettqu. Fihom roadmap għas-settur tad-Diżabilità, dwar fejn irridu mmorru, bi skadenzi speċifiċi u indikazzjoni tal-istakeholders involuti fil-proċessi diversi, inklużi, f’kull każ, il-persuni b’diżabilità, u l-għaqdiet li jirrappreżentawhom.
Però, xogħolna jkun verament twettaq meta jkun jista’ jiġi xolt il-Ministeru għall-Inklużjoni. Biex naslu f’dak il-punt, mhux biżżejjed inwettqu politiki u proġetti. L-akbar bidla tiġi jekk ikun hemm bidla fl-atteġġjament mis-soċjetà. Jekk hux aċċessibilità, jekk hux inklużjoni, l-isforzi kollha jkunu kollha għalxejn, qabel ma niddeċiedu li nibdew ilkoll niġbdu ħabel wieħed.