‘Jeżisti żbilanċ, b’negozji Maltin iħallsu 35% taxxa u negozji barranin iħallsu taxxa effettiva ta’ 5%’
Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji tinsisti li ż-żmien qed jaħrab għall-implimentazzjoni tat-tnaqqis fit-taxxa korporattiva, li mhux biss jagħti spinta lin-negozji lokali imma jindirizza żbilanċ bejn kumpaniji Maltin u barranin. Il-President tal-Kamra, Paul Abela, jitkellem dwar dan u aktar f’intervista esklussiva mal-gazzetta ILLUM.
minn Marianna Calleja
Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji tinsisti li ż-żmien qed jaħrab għall-implimentazzjoni tat-tnaqqis fit-taxxa korporattiva, li mhux biss jagħti spinta lin-negozji lokali imma jindirizza żbilanċ bejn kumpaniji Maltin u barranin. Il-President tal-Kamra, Paul Abela, jitkellem dwar dan u aktar f’intervista esklussiva mal-gazzetta ILLUM.
Il-Gvern wiegħed li jnaqqas it-taxxa korporattiva matul il-kampanja elettorali tal-2022, iżda dan għadu jrid jimmaterjalizza. Liema temmen li hu l-ostaklu ewlieni li jwaqqaf din il-wegħda milli titwettaq, u kemm hu importanti għan-negozji lokali li dan it-tnaqqis jiġi implimentat kemm jista’ jkun malajr?
Din kienet wegħda li l-Kamra għan-Negozji mill-ewwel appoġġjat anke għaliex kienet diġà għamlet din il-proposta aktar qabel. Tajjeb li wieħed jinnota wkoll li anki l-oppożizzjoni kienu wiegħdu proposta simili. Nemmnu li t-taxxa korporattiva hija waħda għolja u għaldaqstant nemmnu li wasal iż-żmien li din titnaqqas, kif fil-fatt kien imwiegħed, anke għaliex f’dan l-istadju qed jeżisti żbilanċ bejn negozji Maltin u negozji barranin, b’negozji Maltin iħallsu 35% taxxa u negozji barranin iħallsu taxxa effettiva ta’ 5%. F’din il-wegħda nemmnu bis-sħiħ, kemm minħabba li ttaffi l-impatt fuq in-negozji, imma wkoll għaliex kif ġara f’każi preċedenti bħal meta tnaqqset it-taxxa fuq il-kera, meta titnaqqas it-taxxa, il-Gvern jibda jdaħħal aktar f’Taxxa u b’hekk dawn huma ta’ benefiċċju fuq diversi aspetti. Inħeġġu lill-Gvern biex din il-wegħda tiegħu stess iwettaqha mill-aktar fis.
Kif taraw it-tnaqqis tat-taxxa korporattiva bħala stimolu għat-tkabbir ekonomiku u l-konformità tan-negozji, speċjalment għall-SMEs f’Malta?
It-tnaqqis fit-taxxa korporattiva, apparti li tibda tindirizza l-iżbilanċ li jeżisti ma’ negozji barranin preżentement, nemmnu li se tagħti stimolu kbir għat-tkabbir ekonomiku. Kif spjegajna diversi drabi, il-flus li n-negozji jiffrankaw f’każ ta’ tnaqqis fit-taxxa, in-negozji jerġgħu jinvestuhom f’titjib għan-negozji tagħhom jew investimenti oħra. Mill-aspett ta’ konformità, it-tnaqqis fit-taxxa korporattiva jinċentiva n-negozji jkomplu jkunu f’konformità u dawk li bħalissa forsi mhumiex konformi, żgur li t-tnaqqis fit-taxxa korporattiva se tagħmilha diffiċli u mhux vijabbli li wieħed ma jkunx konformi. Tajjeb wieħed jgħid ukoll li l-intrapiżi huma inklinati jkollhom jaraw li jerġgħu jinvestuh biex ikabbru n-negozju tagħhom.
Kif taħseb li l-liġijiet il-ġodda li jirrikjedu l-approvazzjoni tal-kondominju għal rental Airbnb se jaffettwaw lil SMEs? Jew taħseb li mhux se taffettwa tant?
Dak li nafu aħna huwa dak li smajna fil-mezzi tax-xandir u f’dan l-istadju ma saret l-ebda diskussjoni interna fil-Kunsill Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji u lanqas mas-settur konċernat. Nistennew ukoll li l-awtoritajiet jikkonsultaw magħna fuq dan it-tibdil propost. Madankollu l-Kamra dejjem emmnet f’suq ħieles u l-bidliet fir-regoli li ssemmew żgur li se jaffettwaw persuni jew negozji li ddeċidew jinvestu fi proprjetà f’dan is-settur fil-passat. Wieħed irid jara li jekk dawn in-nies li investew, f’daqqa waħda ddaħħlilhom restrizzjonijiet ġodda, dan jista’ jwassal biex ikollok riperkussjonijiet negattivi, kemm għal min investa, kif ukoll għal min jaħdem f’din l-industrija. Huwa importanti li wieħed jara li ma jixxokkjax settur billi jimplimenta tibdil immedjajt jew mingħajr perjodu tajjeb ta’ tranżizzjoni.
Kellek il-Ministru għall-Ekonomija stess jgħid li t-teknoloġija tista’ tkun possibbiltà sabiex innaqqsu l-ħaddiema barranin, billi toħdilhom posthom it-teknoloġija u l-IA. Taraha bħala xi ħaġa possibbli?
It-trasformazzjoni diġitali u l-impatt tagħha fuq id-dinja tax-xogħol hija realtà li r-riċerkaturi ilhom iwissu dwarha f’dawn l-aħħar snin. L-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq l-ekonomija x’aktarx li jibqa’ u jkompli jiżdied, u dan jirrikjedi li dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati jifhmu aħjar il-kumplessitajiet ta’ din il-bidla, li hi “probabbli li tikkawża tfixkil kbir fuq il-post tax-xogħol tal-futur” (De Villiers, 2021), trasformazzjoni rivoluzzjonarja enormi u vasta (Kommunuri, 2022) u “inċertezza kbira għall-futur tax-xogħol” (Singh et al., 2022).
Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji fid-dokument tal-proposti għall-Budget 2025 irreferiet ukoll għal riżultati ta’ riċerka internazzjonali, b’rapport ippubblikat minn Dell Technologies u miktub mill-Institute for the Future (IFTF) jistma li 85% tal-impjiegi li se jeżistu fl-2030, għadhom ma ġewx ivvintati.
Ir-Rapport Future of Jobs tal-Forum Ekonomiku Dinji (2020) iwissi li d-dinja tax-xogħol qiegħda quddiem tfixkil kbir f’perjodu ta’ żmien qasir. Rapporti mill-Università ta’ Oxford jistmaw li 47% tal-impjiegi attwali se jieqfu jeżistu sal-2033.
Singh et al., (2022) jiddiskutu li dan ix-xenarju tan-negozju li qed jinbidel, li ġie aċċellerat ukoll mill-pandemija COVID-19, qed ifassal mod ġdid ta’ kif naħdmu u se jittrasforma t-“tliet W” – ix-xogħol, il-forza tax-xogħol u l-post tax-xogħol. Huwa għalhekk importanti li wieħed jara kif jista’ jsaħħaħ il-proċessi tiegħu, iżid l-automation u possibilment inaqqas il-bżonn li jiddependi fuq riżorsi umani addizzjonali biex isir ix-xogħol.
Fid-diskussjonijiet kontinwi dwar id-diġitalizzazzjoni tan-negozji, liema opportunitajiet u sfidi tara l-akbar għall-SMEs fl-adozzjoni tat-teknoloġiji ġodda?
Fuq l-aspett tad-diġitalizzazzjoni għad fadal xi jsir, mill-aspett ta’ għajnuna biex in-negozji jagħmlu dan il-pass hemm bżonn aktar għajnuna u tkompli tikber l-isfida tal-ħaddiema u ħaddiema li jkollhom il-ħiliet neċessarji fis-settur li qed jaħdmu. Dawn huma sfidi li bir-rieda u l-għajnuna tal-partijiet kollha jistgħu jkunu megħluba għall-ġid tan-negozji Maltin. Nemmnu li hemm bżonn aktar edukazzjoni u għarfien fejn tidħol id-diġitalizzazzjoni u l-IA. Apparti dan, nemmnu wkoll li għandhom jitkomplew jittejbu l-fondi u l-iskemi fis-seħħ biex dejjem inqarrbu aktar it-teknoloġija mal-intrapriżi.
Kif taħseb li l-ħolqien ta’ Ombudsman għall-Procurement Pubbliku jista’ jgħin biex jiġi rranġat il-proċess tat-tenders, u x’implikazzjonijiet ikollu għan-negozji żgħar u medji f’Malta? X’inhuma l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom negozji żgħar u medji meta japplikaw għal tenders?
In-nuqqas ta’ trasparenza fit-tenders tal-Gvern hija kwistjoni li tkun riflessa f’kull riżultat tal-SME Barometer li sar mill-Malta Chamber of SMEs. F’dan l-irwol il-ġdid ta’ Ombudsman għall-Procurement Pubbliku nemmnu li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, imma mhux biżżejjed. Irridu naraw ukoll li x-xogħol jinqasam bejn ħafna negozji u mhux bejn wieħed jew dejjem l-istess kumpaniji. Ħafna drabi niltaqgħu ma’ numru ta’ każijiet li tenders ħabba l-valur tagħhom ma jkunux aċċessibbli għal negozji żgħar u medji u jkunu jistgħu jintlaħqu biss minn min jiflaħ. Għalhekk aħna nipproponu li fejn hu possibbli, it-tenders jinqasmu f’lottijiet separati li jagħmilha iktar aċċessibbli biex in-negozju ż-żgħir jaċċessah.
Kif qed tbassru li jkun ix-xogħol fil-Black Friday?
F’dan l-istadju għadu kmieni, iżda kif anke indikaw riżultati oħra matul din is-sena, jidher li n-negozji qed jesperjenzaw bejgħ sodisfaċenti u għaldaqstant nemmnu li dan se jkompli matul iż-żmien tal-Black Friday u l-festi tal-Milied. Black Friday hija opportunità tajba li kull sena n-negozji Maltin qed ikomplu jipparteċipaw dejjem aktar għaliha. Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji temmen ħafna f’din l-inizjattiva u tħeġġeġ in-negozji jsgħmlu offerti tajbin biex jattiraw in-nies lejhom. Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji fil-fatt torganizza wkoll kampanja ta’ promozzjoni għal din il-ġurnata, kif ukoll toffri l-pjattaforma www.blackfriday.mt fejn in-negozji jkunu jistgħu jippromovu l-offerti tagħhom, filwaqt li l-klijenti jistgħu jirbħu numru ta’ vouchers kuljum.