Ivan J. Bartolo: ‘Malta tinsab f’salib it-toroq u ż-żewġ mexxejja jridu jersqu fuq il-mejda’

Ivan J Bartolo jgħid mal-ILLUM li l-Partit Nazzjonalista jrid reviżjoni sħiħa tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex biex dawn jindirizzaw ir-realtajiet tal-lum u jindirizzaw anomaliji li ilhom snin injorati

Bis-suq tax-xogħol jiddependi fuq ħaddiema barranin, partikolarment f’setturi bħall-kostruzzjoni u l-ospitalità, kif qed jippjana l-Partit Nazzjonalista li jindirizza l-popolazzjoni żejda?  

Il-Partit Nazzjonalista jagħraf il-kontribut kruċjali tal-ħaddiema barranin fis-setturi bħall-kostruzzjoni u l-ospitalità, iżda nifhmu wkoll l-isfidi li ġġib magħha din id-dipendenza, inkluż it-tħassib dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni u l-pressjoni fuq l-infrastruttura. M’aħniex se nneħħu l-ħaddiema barranin iżda rridu noħolqu ekonomija bilanċjata u sostenibbli li tibbenefika, kemm lill-ħaddiema Maltin, kif ukoll lil dawk barranin filwaqt li tindirizza t-tħassib dwar iż-żieda fil-popolazzjoni. 

L-għan tagħna hu li nnaqqsu d-dipendenza fuq impjiegi ta’ pagi baxxi billi nsaħħu industriji ta’ valur għoli li joħolqu aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini Maltin. Dan jinkludi investiment fit-teknoloġija u l-innovazzjoni, kif ukoll fl-edukazzjoni u t-tisħiħ tal-ħiliet, sabiex il-ħaddiema Maltin ikunu jistgħu jokkupaw rwoli f’setturi emerġenti bħall-awtomazzjoni intelliġenti, green energy, u industriji bbażati fuq l-għarfien. 

Biex nindirizzaw l-isfidi tat-tkabbir fil-popolazzjoni, qed nipproponu studju nazzjonali komprensiv tal-kapaċità tal-pajjiż biex niżguraw li l-infrastruttura, l-ambjent, u s-servizzi tagħna jkunu jistgħu jappoġġjaw b’mod sostenibbli l-popolazzjoni, kemm residenti kif ukoll ħaddiema barranin. Dan jinkludi t-titjib tal-ippjanar f’oqsma tad-djar, tat-trasport, u tas-servizzi pubbliċi, li bħalissa jinsabu taħt pressjoni minħabba l-mudell ekonomiku attwali. Aħna nemmnu fl-integrazzjoni tal-ħaddiema barranin b’mod li jaqbel mal-viżjoni fit-tul tagħna għal ekonomija ta’ kwalità għolja ċentrata fuq iċ-ċittadini. 

Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jżomm il-benefiċċji tal-ħaddiema barranin filwaqt li nibnu ekonomija reżiljenti li tnaqqas id-dipendenza u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għar-residenti kollha ta’ Malta. 

 

Rajna bosta rapporti ta’ ħaddiema barranin li qed jiġu sfruttati f’termini ta’ kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, dewmien fil-paga, u arranġamenti ta’ għejxien inferjuri. Il-PN kif qed jippjana li jindirizza dawn l-abbużi?  

Il-Partit Nazzjonalista jieħu bis-serjetà ħafna l-isfruttament tal-ħaddiema barranin. Biex jindirizza dawn l-abbużi, il-PN se jinforza regolamenti u sorveljanza aktar stretta biex jassigura li l-ħaddiema kollha, kemm Maltin, kif ukoll barranin, jiġu trattati b’dinjità u rispett. Dan jinkludi l-iżgurar ta’ pagamenti f’waqthom, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri, u arranġamenti ta’ għejxien uman. Barra minn hekk, se nżidu r-riżorsi u l-kapaċità tal-uffiċjali tal-infurzar biex inaqqsu l-isfruttament. Billi nrawmu suq tax-xogħol ġust, nimmiraw li nipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema barranin filwaqt li ntejbu l-kwalità tal-ħajja ġenerali għar-residenti kollha. 

 

Rajna telf ta’ talent, b’ħafna professjonisti żgħażagħ u ta’ talent Maltin jitilqu għal opportunitajiet aħjar barra minn Malta. X’tipproponi biex it-talent Malti jinżamm hawn?  

Din hi r-raġuni eżatta għaliex il-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar Mudell Ekonomiku Soċjali ġdid. Iż-żgħażagħ tagħna, l-eżodu tal-imħuħ tagħna mhux qed iseħħ biss għax iż-żgħażagħ professjonali ma jkunux qed isibu impjiegi bi ħlas tajjeb f’Malta.  

Ir-raġuni konvinċenti għaliex iż-żgħażagħ tagħna qed jinfirdu minn Malta hija derivata minn realtajiet oħra li ħarbtu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. L-ambjent, in-nuqqas ta’ governanza, in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ġusti, il-kwalità tal-arja, in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tagħna u ħafna aktar. Iż-żgħażagħ tagħna saru jirrealizzaw li mhux biżżejjed li taqla’ salarju tajjeb u mbagħad ikollhom jgħixu fi stat daqshekk fqir fejn ir-regħba hija l-uniku ordni tal-ġurnata.  

Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jaħdem biex dan kollu jitreġġa’ lura. Mhux tajjeb biżżejjed li jinħolqu skemi ta’ rilokazzjoni għal dawn iż-żgħażagħ. Mhux tajjeb biżżejjed li jinħolqu impjiegi b’valur miżjud. Il-Partit Nazzjonalista jifhem bis-sħiħ li meta jkun fil-Gvern irid jaħdem ħafna biex joffri l-ambjent it-tajjeb fejn iż-żgħażagħ iħossu li jistgħu jgħixu ħajja normali f’darhom. 

 

Bil-Baġit 2025 fil-kantuniera, tista’ taqsam xi proposti speċifiċi li l-Partit Nazzjonali se jressaq? 

Il-Partit Nazzjonalista ilu joffri portafoll varjat ta’ ideat, proposti biex il-Gvern iħaddanhom. Sfortunatament, ix-xenarju politiku f’Malta huwa wieħed ta’ konfrontazzjoni meta l-pajjiż għandu bżonn serjament pajsaġġ politiku mmexxi mill-kompetizzjoni.  

Malta tinsab f’salib it-toroq u ż-żewġ mexxejja jridu jersqu fuq il-mejda, imexxu diskussjoni u jibnu biss fuq kunsens nazzjonali peress li Malta għandha diversi sfidi li jeħtieġu direzzjoni maqbula meta tiġi biex tindirizza sfidi nazzjonali bħad-daqs tal-popolazzjoni, it-traffiku, l-iżvilupp żejjed, l-edukazzjoni, is-saħħa u ħafna aktar.  

Neħtieġu l-kunsens għax fin-nuqqas tiegħu se nibqgħu ankrati f’politika partiġġjana li tkompli toħnoq is-sens komun u l-ħsieb kreattiv tant meħtieġ. 

 

Wara li ntalab biex tintemm l-investigazzjoni dwar iż-żgħażagħ li kixfu d-difett ta’ cybersecurity fi pjattaforma tal-istudenti, il-PN ippożizzjona lilu nnifsu bħala difensur tal-hackers etiċi. X’garanziji tista’ toffri li taħt amministrazzjoni tal-PN, whistleblowers u hackers etiċi ma jaffaċċjawx investigazzjonijiet simili?  

Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat 100% li jagħmel il-bidliet leġiżlattivi u ta’ politika meħtieġa biex jassiguraw li r-realtajiet diġitali tal-lum u dawk tal-futur ikunu inkorporati fil-qafas leġiżlattiv tagħna.  

Kun ċert li mill-oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista kien involut b’mod attiv jaħdem u jipprovdi lill-Gvern b’linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar x’għandu jsir biex a) dawn l-istudenti żgħażagħ tagħna jkunu ċċelebrati u mhux akkużati u b) biex niżguraw li ’l quddiem xejn bħal dan qatt ma jerġa’ jiġri. 

 

Il-proġett ta’ Villa Rosa se jittrasforma żona importanti iżda se jħallsu l-prezz l-ambjent u l-benessri tal-komunità. Il-PN kif iħares lejn l-irwol tar-responsabbiltà korporattiva fi proġetti bħal dawn? L-iżviluppaturi għandhom jinżammu responsabbli għall-impatt ambjentali u soċjali? 

Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess għall-ambjent, għall-ġid u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha. Fi proġetti kbar bħal dawn, wieħed għandu mhux biss jagħmel valutazzjoni tal-impatt f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent, irid ukoll ikejjel l-impatt li proġetti bħal dawn se jkollhom fuq il-forza tax-xogħol u għalhekk id-daqs tal-popolazzjoni. 

Dwar il-kwalità tat-turisti, qed nippruvaw naħdmu biex niżguraw li investimenti bħal dawn ikunu kummerċjalment sostenibbli u jkollhom l-infrastruttura meħtieġa biex jattiraw tali turist. Huwa inutli li tkun f’akkomodazzjoni ta’ 5 stilel bi nħawi pubbliċi li huma substandard. 

Il-fatt li l-Gvern Laburista, f’dan il-każ, ippropona bidliet fil-Pjan Lokali taż-żona b’sempliċi deċiżjoni mill-Kabinett u mingħajr ma jikkonsulta, la l-Oppożizzjoni u lanqas il-kunsilli lokali, ir-residenti u l-istakeholders, huwa xhieda ta’ governanza ħażina. Il-Gvern irid jikkonsulta u jkun trasparenti dwar il-bidliet li qed jipproponi u kull deċiżjoni dwar dan is-sit trid tittieħed b’konsultazzjoni sħiħa mal-istakeholders. Ninsistu wkoll li huwa inaċċettabbli li tiġi emendata biss parti minn Pjan Lokali. Il-Pjan Lokali kollu jrid jiġi rivedut b’mod ħolistiku wara li jsiru l-istudji meħtieġa. U l-PN itenni wkoll li għandu jkun hemm reviżjoni sħiħa tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex, aktar milli framment, biex dawn jindirizzaw ir-realtajiet tal-lum u jindirizzaw anomaliji li ilhom snin injorati. 

Il-PN talab formalment laqgħa urġenti tal-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent biex jiddiskuti dawn it-tibdiliet u talab biex il-Ministru tal-Ippjanar jidher quddiem il-Kumitat biex jagħti spjegazzjoni dettaljata. Madankollu l-Oppożizzjoni ġiet infurmata li rulings antiki mill-Ispeaker qed ifixklu lill-Kumitat milli jagħmel din id-diskussjoni. Membri Parlamentari tal-Gvern fil-Kumitat irrifjutaw ukoll li jgħidu jekk jaqblux li ssir din il-laqgħa urġenti.  

Minflok ma jkun trasparenti dwar din il-materja, il-Ministru tal-Ippjanar qed ikompli jinħeba wara l-Awtorità tal-Ippjanar biex jevita li jagħti spjegazzjoni. 

Fl-aħħar mill-aħħar, però, din mhix dwar Villa Rosa biss. Dan huwa dwar ATTITUDNI u IMPENN. Dan huwa r-riżultat ta' approċċ bla struttura li huwa mmexxi biss minn mentalità li tidher tgħix fil-kaos.  

Il-PN se jkompli jinsisti li kull tibdil propost fil-Pjanijiet Lokali għandu jipproteġi ġenwinament l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. 

More in Intervisti