‘Il-ħeġġa biex jibdlu l-Pjanijiet Lokali ta’ San Ġiljan m’għandu x’jaqsam xejn mal-interessi tar-residenti'

F'intervista mal-ILLUM, il-President Eżekuttiv tal-NGO 'Din l-Art Ħelwa, Patrick Calleja, jakkuża l-politiċi li qed iwettqu politika egoista mingħajr viżjoni

 

Fl-aħħar ftit snin, Din l-Art Ħelwa, ħadet irwol primarju f’numru ta’ sfidi jew kontroversji li affaċja l-ambjent Malti. Imma dan għaliex? Għax it-theddid lejn l-ambjent, iktar ma jmur, iktar jiżdied? Jew għax għażlu huma li jkunu fuq quddiem? Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-President Eżekuttuv ta’ Din l-Art Ħelwa, Patrick Calleja

X’inhi is-sitwazzjoni fil-postijiet storiċi fil-pajjiż? Hawn interess dwarhom, jew dik problema oħra?

Il-postijiet storiċi huma diversi u jappartjenu għal entitajiet governattivi, privati u NGOs ukoll. Ir-riżorsi tal-gvern huma relattivament kbar ħdejn l-entitajiet l-oħra u din tagħmel differenza kbira. Naturalment interess dwar dawn il-postijiet storiċi hemm iżda l-aktar mit-turisti li jżura pajjiżna. Ħafna drabi, għal attivitajiet kulturali f’Malta u Għawdex dejjem tara l-istess uċuħ li jattendu għalihom. Sfortunatament għandi l-impressjoni li l-maġġoranza taż-żgħażagħ Maltin kif ukoll barranin huma distratti u aljenati mir-realtà u qegħdin jgħixu ħajja virtwali bi ftit interess fil-postijiet storiċi. Nemmen ukoll li l-problema hija waħda ta’ edukazzjoni. Il-kultura u storja, mhux ta’ Malta biss iżda ġeneralment, għandhom jieħdu post ferm aktar prominenti fl-edukazzjoni tagħna u ma jiqfux fl-età ta’ 17-il sena jew anqas.

Għandha Din l-Art Ħelwa biżżejjed riżorsi finanzjarji u kapaċità teknika biex tħares il-postijiet kollha taħt il-kappa tagħha?

Din l-Art Helwa (DLĦ) dejjem għandha bżonn riżorsi finanzjarji. DLĦ qatt ma ħadet responsabbiltà biex tirrestawra xi bini storiku mingħajr ma kompliet ix-xogħol neċessarju. Il-manutenzjoni ta’ dawn il-postijiet li huma taħt il-kappa ta’ DLĦ hija kontinwa. Il-missjoni ta’ DLĦ qatt ma tista’ tkun kompluta sakemm jibqgħu binjiet storiċi abbandunati f’Malta u sakemm tibqa’ t-theddida għall-ambjent naturali tagħna. DLĦ tħallas biex ikollha l-aħjar parir tekniku u xogħol professjonali għal proġetti kollha li jieħdu taħt il-kappa tagħha.

Għandha Din l-Art Ħelwa tbiddel l-enfasi tagħha, minn assoċjazzjoni illi tħares il-monumenti u l-postijiet storiċi, għal għaqda li tqajjem kuxjenza dwar l-ambjent?

Bħalissa f’Malta u Għawdex hemm theddida enormi għall-ambjent mibni, kif ukoll għal dak naturali. Il-missjoni ta’ DLĦ tkopri dawn iż-żewġ fatturi mingħajr distinzjoni. Qegħdin naraw mostrożitajiet ta’ bini proposti madwar l-irħula u UCAs, supermarkets u pixxini fil-kampanja, torrijiet f’San Ġiljan, belt fil-Forti Chambray u f’Manoel Island. L-ambjent Malti jinkorpora kull spazju li hawn, kif ukoll ix-xtut u l-baħar madwar il-gżejjer.

Din l-Art Ħelwa appellat lill-pubbliku biex joġġezzjona għal proposta ta’ politika tal-awtorità tal-ippjanar li tara l-bini ta’ sulari addizzjonali lil hinn minn dawk speċifikati fil-pjanijiet lokali. X’effetti tħalli politika bħal din fuq l-irħula Maltin u Għawdxin?

Sfortunatament il-politiċi jaraw biss il-ħames snin quddiemhom minbarra forsi xi privileġġi oħrajn. Nemmen li bħala nazzjon għadna ma qomniex fuq saqajna. Nista’ ngħid li lanqas m’għandna viżjoni għall-ġejjieni ta’ kif nixtiequ naraw lil Malta u Għawdex. Qegħdin naraw issa l-ħeġġa li għandhom il-politiċi biex jibdlu l-Pjanijiet Lokali ta’ San Ġiljan! Huwa ċar li l-interess tagħhom m’għandu x’jaqsam xejn affattu mal-interessi tar-residenti u kostitwenti tagħhom. L-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet se narawhom fil-futur qrib meta tikkollassa l-infrastruttura f’dawn iż-żoni. Din hija politika egoista mingħajr viżjoni. Ma nafx x’tip ta’ turist ħa jkun irid jiġi f’pajjiżna.

Għal ftit snin sew, Din l-Art Ħelwa espandiet il-missjoni ewlenija tagħha biex tinkludi t-tibdil fil-klima, it-tniġġis u l-bijodiversità. Tikkunsidra li l-pajjiż qed jitlef il-marka tiegħu? Kemm hi importanti d-diskussjoni tat-tibdil tal-klima?

It-tibdil tal-klima mingħajr dubju ta’ xejn se jħalli l-effett tiegħu f’pajjiżna wkoll. L-infrastruttura tagħna mhijiex f’pożizzjoni li tlaħħaq mal-kambjamenti li qed nistennew jekk hux it-tibdil fit-temperatura jew il-maltempati ta’ xita. Diġà qegħdin naraw id-dranaġġ ħiereġ ma’ kullimkien anke fis-sajf. Immaġina x’se jiġri fix-xita qalila. Kemm-il siġra se naqalgħu qabel ma nqumu fuq saqajna u ngħidu le? Fit-triq mir-Rabat Għawdex għal Marsalforn hemm pjan biex jaqalgħu 200 siġra biex iwessgħu triq li qatt ma kellha problemi ta’ traffiku fiha. Triq li twasslek 3.8km f’anqas minn 5 minuti u li tgħaddi minn wied il-ġmiel tagħha li ftit għadek tara bħalha llum. U dan b’telf ta’ bijodiversità fl-istess wied mat-tul tat-triq.

Strength in numbers, imma l-għaqdiet ambjentali sparpaljati jagħmlu li jfettlilhom. Taħseb li hemm bżonn aktar koordinazzjoni bejn l-għaqdiet ambjentali?

Dan l-aħħar rajna diversi azzjonijiet minn gruppi ta’ NGOs differenti li ftiehmu jieħdu azzjoni flimkien. Għandi fiduċja li dawn l-azzjonijiet se jkomplu jikbru.

Meta tqis id-diskussjoni tagħna llum, kieku kellek is-setgħa li tibdel xi ħaġa waħda min-naħa tal-Gvern, xi tkun?

Kieku nibdel id-direzzjoni! Jidher li, kemm il-partit fil-gvern, kif ukoll l-oppożizzjoni, m’għandhomx viżjoni ġusta għal pajjiżna. Naħseb dan huwa l-akbar nuqqas tal-politikanti llum. Għandna bżonn viżjoni li tkopri mhux biss l-ekonomija u l-interessi tal-oligarkija iżda waħda li tinkorpora l-edukazzjoni, saħħa fiżika u mentali, ambjent, klima, infrastruttura u distribuzzjoni għaqlija tal-ġid. Nagħti l-aktar importanza l-qasam tal-edukazzjoni

More in Intervisti