‘Jekk il-Gvern mhux se jdaħħal inċentivi li jippromovu bini effiċjenti, il-prezz aħħari se jbatih il-konsumatur’ - Leon Chetcuti
Inkonsistenzi fil-liġijiet tal-ippjanar urban f’Malta, il-prezzijiet tal-propjetajiet, it-tħassib tal-NGOs u aktar. Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-CEO tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp, Leon Chetchuti.
minn Marianna Calleja
Aktar ma jmur, iktar qed jikbru l-preokkupazzjonijiet dwar l-inkonsistenzi fil-liġijiet tal-ippjanar urban f’Malta, speċjalment meta l-qrati qed jagħtu prijorità lill-Pjanijiet Lokali skaduti fuq dokumenti ta’ gwida aktar riċenti tal-politika. Dan qed iwassal għal konfużjoni u perċezzjonijiet ta’ diskriminazzjoni fost l-iżviluppaturi, u saħansitra hemm proġetti li qed jiġu imblukkati waqt li oħrajn jiġu approvati taħt ċirkostanzi simili. X’inhu t-tħassib tal-iżviluppaturi dwar dan?
Fl-istess waqt, il-lobby tal-iżviluppatur qed jaffaċċja regolazzjonijiet ġodda, li se jisfurzawhom jieħdu deċiżjonijiet aktar sostenibbli. Iżda dawn kif se jaffettwaw lill-konsumatur?
Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-CEO tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp, Leon Chetchuti.
Bħala mexxej ta’ lobby li jintlaqat sew minn din, kif tara l-qafas legali attwali li jirregola l-iżvilupp urban, partikolarment il-prijorità li tingħata lill-pjanijiet lokali tal-2006 fuq dokumenti ta’ politika aktar ġodda bħal dc15?
Kull inkonsistenza u nuqqas ta’ kjarezza għandha impatt negattiv, mhux biss fuq min irid jagħmel l-investiment, iżda anke fuq il-poplu ġenerali. L-MDA ilha tinsisti li għandu jkun hemm policies ċari li ma jagħtux lok għal interpretazzjonijiet differenti minn entitajiet differenti.
L-MDA tesiġi wkoll illi jeħtieġ li jsiru riformi kbar fil-qafas legali attwali inkluż anke saħansitra reviżjoni tal-Pjanijiet Lokali u anke dokumenti ta’ politiki oħrajn. Il-bżonnijiet u l-esiġenzi tal-pajjiż inbidlu minn meta dawn il-pjanijiet ġew imfasslin kważi għoxrin sena ilu u b’hekk il-pjan għall-iżvilupp f’Malta wkoll għandu jaġġorna ruħu.
X’effett taħseb li qed ikollhom dawn l-inkonsistenzi fuq is-settur tal-iżvilupp, speċjalment f’reġjuni bħal Għawdex?
Inkonsistenzi bħal dawn qed ikollhom għadd ta’ konsegwenzi negattivi, kemm direttament, kif ukoll indirettament.
Qabelxejn, żgur u mhux forsi illi qed ikollu l-effett illi jżid il-prezz aħħari tal-propjetajiet, u dan minħabba illi l-proċess sabiex wieħed jieħu dak li ħaqqu qiegħed idum ħafna aktar u jirrikjedi ħafna aktar spejjeż li naturalment iridu jiżdiedu mal-prezz. Sfortunatament dan qed ibatih min qed jixtri, jiġifieri l-familji Maltin u Għawdxin.
Apparti minn hekk, inkonsistenzi bħal dawn qegħdin ixekklu wkoll il-progress u l-investiment billi investituri jikkunsidrawha darbtejn qabel jinvestu f’pajjiżna meta jaraw ostakli bħal dawn.
Mil-lat tiegħek, x’tip ta’ riforma legali tkun l-aktar effettiva biex tiżgura ċarezza, ġustizzja u konsistenza fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-ippjanar?
Riforma Legali ċara li ma tagħtix lok għal interpretazzjonijiet differenti. L-MDA tressaq għadd ta’ proposti fuq bażi regolari lill-Gvernijiet u l-Awtoritajiet li l-Awtorità tista’ tibda timplimenta bil-mod mil-lum stess. Riforma legali li tistabilixxi żminijiet li jiġu rispettati u li tinibixxi passi żejda burokratiċi li ma jġibu ebda valur. Riforma legali li ma tħarisx aktar lejn min hu l-applikant iżda tevalwa l-iżvilupp propost biss fuq il-konformità tal-liġijiet u l-politiki. Riforma legali li filwaqt li tirrispetta l-konsultazzjoni ma’ kull min għandu interess, tiżgura li ma jkunx hemm abbużi b’motivazzjonijiet ulterjuri.
Kif twieġeb għall-preokkupazzjonijiet minn NGOs ambjentali li jargumentaw li dawn ir-riformi jistgħu jwasslu għal żvilupp mhux ikkontrollat jew erożjoni tal-protezzjonijiet ambjentali?
Nassigura lil kull NGO ambjentali illi mhija fl-interess ta’ ħadd illi jkun hawn żvilupp mhux ikkontrollat jew erożjoni tal-protezzjonijiet ambjentali, wisq anqas tal-membri tal-MDA. Filwaqt illi m’iniex ekonomista, faċilment nasal għall-konklużjoni illi inqas ma jkun hawn supply ta’ propjetajiet, aktar jogħla l-valur tal-istokk tal-iżviluppatur. Inżid ngħid illi membri tal-MDA wettqu investimenti kbar fil-gżejjer tagħna u żgur illi l-erożjoni tal-protezzjoni tal-ambjent iservi biss ta’ detriment għall-investimenti tagħhom.
L-MHRA tenniet kemm-il darba li ma jistax ikun jibqgħu jinbnew lukandi, li hawn iktar lukandi milli hawn domanda, u li l-gżira ma tiflaħx għal iktar. X’tikkummenta?
Huwa evidenti ħafna illi r-rata tal-progress fis-settur privat kienet mgħaġġla ferm tul dawn l-aħħar snin. Fir-rigward ta’ x’jiflaħ jew ma jiflaħx il-pajjiż, ngħid illi għandu jsir l-investiment neċessarju mill-Gvern partikolarment fl-infrastruttura ta’ Malta biex il-progress tal-Gvern jibda jilħaq mal-progress tal-privat u b’hekk nibdew noffru wkoll prodott ta’ aktar kwalità.
Ngħid ukoll illi l-Gvern m’għandux jintervjeni fis-suq billi joħloq limitazzjonijiet fuq il-bini ta’ lukandi ġodda għax dan żgur jillimita l-kompetizzjoni u jillimita wkoll l-innovazzjoni. It-turist dejjem se jagħżel illi jieħu l-aħjar kwalità għall-flus illi lest li jħallas u b’hekk l-unika telliefa b’lukandi ġodda huma l-lukandi li ma jaġġornawx ruħhom maż-żminijiet.
L-MDA wriet tħassib fuq it-technical report f2, rigward il-prestazzjoni minima tal-enerġija fil-binjiet ġodda lokali. X’kien l-aktar li ħassibkom?
It-Technical Document F huwa intiż sabiex jgħolli l-istandards f’Malta fir-rigward tal-effiċjenza tal-bini u b’hekk fil-prinċipju għandu jiġi milqugħ u mfaħħar. Madankollu bidla radikali bħal din, filwaqt illi hija pożittiva, kellha bżonn aktar diskussjoni qabel ma ġiet imfassla u implimentata. Infatti, l-MDA ressqet tħassib fir-rigward tat-Technical Document F u dan anke waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. L-akbar tħassib ta’ bħalissa huwa fuq il-fatt li minkejja dan id-dokument huwa effettiv mill-1 ta’ Lulju ta’ din is-sena, għad m’hawnx kuxjenza biżżejjed fuqu u b’hekk hemm applikazzjonijiet li qed jiġu approvati mill-Awtorità u negozjati li qegħdin jingħalqu fil-privat li se jkollhom diffikultà jilħqu l-miri ta’ dan id-dokument. Tħassib ieħor illi ressqet l-MDA huwa illi l-miri ta’ dan id-dokument huma għoljin wisq u se jibdel il-mod kif jinbnew binjiet ġodda u/jew rinovati binjiet antiki u dan bl-effett illi jkompli jgħolli l-prezz ta’ dawn il-propjetajiet.
Stakeholders prinċipali semmew mal-ILLUM il-fatt li biex binja żżomm magħhom, se jkollha nefqa akbar u b’hekk il-prezzijiet tad-djar fis-suq Malti se jkollu jiżdied. Hu minnu dan?
Kull min iħallas aktar biex jagħmel xi ħaġa jrid jirkupra flusu u jagħmel profitt b’xi mod. Jekk il-Gvern mhux se jdaħħal inċentivi u/jew skemi fiskali illi jippromovu bini effiċjenti, dan ifisser illi l-prezz aħħari se jbatih il-konsumatur u b’hekk, iva, il-prezzijiet tad-djar se jkollhom jiżdiedu.
X’inhi l-ħidma tal-MDA fejn jidħol dan id-dokument?
L-MDA ħejjiet il-punti tagħha mill-bidu tal-konsultazzjoni pubblika bl-għajnuna teknika tal-konsulenti tagħha u għadha f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jinstab metodu realistiku ta’ kif jistgħu jiġu integrati l-għanijiet tal-Gvern mingħajr ma ngħabbu s-settur b’wisq piżijiet bla bżonn. Nirreferi wkoll bħala eżempju għal għadd ta’ proposti li ħejjejna riċentement li jistgħu jiġu implimentati fil-budget annwali ta’ din is-sena.