'B’edukaturi li jħossuhom stmati... ikollok ambjent edukattiv li jkun wieħed aktar seren' - Clifton Grima
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima tkellem mal-ILLUM dwar is-sussidji reċenti li l-gvern introduċa għal skejjel privati, miżura li diġà qed tqajjem diskussjoni sħiħa
minn Marianna Calleja
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima tkellem mal-ILLUM dwar is-sussidji reċenti li l-gvern introduċa għal skejjel privati, miżura li diġà qed tqajjem diskussjoni sħiħa. Filwaqt li l-Ministru ddefenda din l-inizjattiva bħala pass neċessarju biex jiġu evitati żidiet sproporzjonati fil-miżati skolastiċi, huwa stqarr ukoll li din se tikkontribwixxi għal ambjent edukattiv aktar pożittiv għat-tfal.
Kif se jmorru aħjar l-istudenti u t-tfal b’dan il-ftehim?
Naħseb illi rridu nitilqu mill-punt illi dan il-proċess li qed tagħmel referenza għalih ma jitteħidx inkunsiderazzjoni waħdu, iżda f’ambjent aktar wiesgħa li jinkludi anke l-ftehim settorjali maqbul għall-iskejjel tal-istat ftit tal-ġimgħat ilu. Hemmhekk l-edukaturi kien ħaqqhom ir-rikonoxximent għax-xogħol kbir illi għamlu, u permezz ta’ dan il-ftehim ingħataw propju dak ir-rikonoxximent.
Ovvjament, meta jkollok edukaturi li jħossuhom stmati u illi qegħdin jingħataw dak li ħaqqhom, ħa jkollok ambjent edukattiv li jkun wieħed aktar seren u aktar b’saħħtu, bil-benefiċjarji ewlenija ta’ dan kollu jkunu t-tfal.
Tajjeb wieħed jgħid ukoll li dan kollu jimxi paripassu mal-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni, li hija ċċentrata u mibnija kollha kemm hi fuq il-benesseri tal-persuna. Irridu sistema edukattiva li fiċ-ċentru tagħha jkollha lill-bniedem, u żgur li lkoll naqblu li fiċ-ċentru tas-sistema edukattiva tagħna għandu jkun hemm, kemm l-edukaturi, kif ukoll l-istudenti.
Taħseb li kien ikun għaqli li l-għalliema jkunu kostretti jżidu s-sigħat ta’ kuntatt (contact hours)u jitnaqqsu l-vaganzi tas-sajf biex l-istudenti jagħmlu aktar ħin l-iskola?
Bħala pajjiż, għandna l-għarfien u aħna konsapevoli mill-fatt illi s-sistema edukattiva mhijiex biss il-ħinijiet tradizzjonalment assoċjati mal-klassijiet, iżda hija xi ħaġa ħafna aktar wiesgħa.
Wieħed ma jridx jinsa d-diversi servizzi li jingħataw lill-istudenti, anke fil-ġranet u ħinijiet li mhumiex assoċjati b’mod tradizzjonali mal-ħinijiet akkademiċi, inkluż anke s-servizzi li jingħataw fis-sajf. Min-naħa l-oħra, is-sigħat huma marbutin mas-sillabi u mal-kurrikulu nazzjonali edukattiv. Allura, dik hija r-riga li rridu nużaw biex niddeterminaw x’għandhom jieħdu t-tfal tagħna.
Barra minn hekk, naħseb li wieħed irid iħares lejn dak li rridu nagħtu lit-tfal tagħna. Irridu nassiguraw li t-tfal jieħdu l-aqwa għodda biex jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom, u diġà hemm ħidma għaddejja biex nassiguraw illi l-kurrikulu jirrifletti dan kollu.
Tarah ġust li meta l-għalliema jkollhom Jum il-Ġenituri jew In-House Training, dawn jittieħdu mis-sigħat tal-iskola, mill-istudenti?
Dwar Jum il-Ġenituri, naħseb li m’hemmx dubju li din mhux qed tieħu mill-istudenti, iżda b’mod fattwali tista’ tagħti lill-istudent. Meta għandek il-kuntatt u l-involviment tal-ġenituri, ir-realtà hija li l-istudent jibbenefika minnha.
Irridu nifhmu wkoll li, filwaqt li b’mod tradizzjonali wieħed kien jassumi li l-edukazzjoni tat-tfal tingħata biss fil-klassi, bħala pajjiż irridu nifhmu li l-edukazzjoni tingħata minn firxa aktar wiesgħa ta’ miżuri li jikkumplimentaw dak li jsir fl-iskejjel u l-klassijiet tagħna. Żgur li l-ġenituri huma parti essenzjali minn dan kollu, u fiż-żmien li ġej, ħa nkunu qegħdin inħabbru numru ta’ inizjattivi li jikkonfermaw kemm il-ġenituri għandhom rwol ċentrali fil-perkors edukattiv ta’ wliedhom. Allura, wieħed ma jara xejn ħażin li Jum il-Ġenituri jsir fil-ħinijiet tal-iskola.
F’dak li għandu x’jaqsam mat-taħriġ, dan huwa kruċjali għaliex fl-aħħar tal-ġurnata jibbenefikaw minnu b’mod dirett l-istudenti. Anke jekk wieħed iħares lejn il-ftehim kollettiv li għadu kif ġie maqbul ftit ilu, hemm diversi toroq li jassiguraw li edukaturi jistgħu jieħdu dan it-taħriġ permezz ta’ opportunitajiet differenti, inkluż in-house training.
Huwa minnu li dawn il-kundizzjonijiet ġodda se jattiraw aktar għalliema?
Huwa minn ewl id-dinja li meta wieħed jagħti kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, jattira aktar nies lejn il-professjoni. Naħseb li dan il-ftehim huwa fost l-aktar aspetti li se jkunu ta’ għajnuna biex nattiraw aktar żgħażagħ lejn il-professjoni u karriera fis-settur edukattiv.
Tajjeb wieħed jgħid ukoll li hemm diversi aspetti oħra importanti biex jattiraw nies lejn il-professjoni, fosthom ir-rispett li din il-professjoni jistħoqqilha. Hemm diversi inizjattivi u miżuri oħra li għandhom l-għan li jagħtu aktar għarfien, mhux biss lill-edukaturi u lill-istudenti, imma lis-soċjetà inġenerali, dwar il-fatt li l-edukatur huwa parti ċentrali u integrali fil-perkors edukattiv tat-tfal ta’ dan il-pajjiż.
Naħseb li l-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni u l-enfasi fuq il-benesseri, inkluża dik tal-edukatur, hija xi ħaġa li tikkonferma dan kollu.
Għandu jkun hemm regola ċara li għalliema ma jagħtux privat fil-ħin privat tagħhom, fid-dawl ta' dawn iż-żidiet?
Il-ħin privat hu ismu miegħu, jiġifieri privat. Filwaqt li fuq naħa wieħed jitkellem dwar right to disconnect u dwar il-ħin ta’ kwalità li wieħed jistħoqqlu, naħseb li għandu jkun hemm l-għarfien li kulħadd għandu d-dritt li fil-ħin liberu tiegħu jagħmel dak li jħoss li hu ġust.
Però, mhix kwistjoni tal-edukatur biss; din hija mistoqsija li trid issir ukoll lill-ġenituri li jħossu, minkejja l-kwalità tajba tas-sistema edukattiva, li jridu jagħtu xi ħaġa aktar lil uliedhom fil-perkors edukattiv tagħhom. Dan jista’ jkun ukoll minħabba li bħala poplu aħna kompetittivi, u l-ġenituri dejjem jixtiequ lil uliedhom ikunu pass qabel sħabhom fuq l-istess bank tal-iskola.
NOTI IMPORTANTI:
Lil hinn minn dawn il-mistoqsijiet, li b’mod dirett naħseb huma relatati mal-ftehim settorjali, hemm aspetti oħra li għandhom jiġu enfasizzati.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna li tajna lill-edukaturi u lill-familji li jibagħtu lil uliedhom fi skejjel indipendenti, huwa importanti li nagħmlu enfasi fuq xi punti li qegħdin jiġu sorveljati.
Filwaqt li m’hemm l-ebda liġi li tisħaq li l-ħlasijiet fl-iskejjel privati u indipendenti għandhom ikunu identiċi għal dawk fis-settur pubbliku jew fis-settur tal-Knisja, ir-realtà hija li l-edukaturi f’dan is-settur jistennew li jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol simili għall-kollegi tagħhom fis-settur pubbliku.
L-għajnuna li ngħatat lil dan is-settur tħares lejn l-ammont ta’ tfal li qegħdin jirċievu l-edukazzjoni tagħhom. Qegħdin nuru ruħ soċjali billi assigurajna li numru konsiderevoli ta’ familji jkunu kapaċi jlaħħqu mal-miżati, filwaqt li l-istess edukaturi se jibbenefikaw minn sitwazzjoni ħafna aktar spedita meta l-iskejjel u l-unions jiltaqgħu biex jinnegozjaw il-ftehim kollettiv tal-iskola partikolari.
Punt ieħor li huwa importanti li nsemmu huwa l-fatt li f’dan is-settur għandek aktar minn 8,000 student u fuq 960 edukatur, li huma porzjon importanti ħafna tas-sistema edukattiva tagħna. Dan il-porzjon jistħoqqlu kull għajnuna, anke fid-dawl tal-fatt li ma nistgħux ngħidu li aħna ministeru tal-edukazzjoni għal sezzjoni biss mill-komunità edukattiva jew għall-istudenti ta’ pajjiżna.
Punt ieħor addizzjonali huwa li kellna skejjel li infurmawna li l-miżati kienu se jogħlew b’mod sproporzjonat, li seta’ jwassal għall-instabbiltà fis-settur privat. Din l-instabbiltà kienet se taffettwa wkoll is-settur tal-iskejjel pubbliċi, u kien hemm skejjel fil-periklu li jieqfu jeżistu. Dan huwa punt importanti li rridu nżommu f’konsiderazzjoni, peress li dawn l-iskejjel jagħtu servizz lill-istudenti ta’ pajjiżna u huma parti importanti mill-ekosistema edukattiva.
Barra minn hekk, f’diversi okkażjonijiet, meta investituri barranin jiġu biex jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw ix-xogħol tagħhom lejn pajjiżna, dawn iqisu wkoll is-servizzi edukattivi li jkunu disponibbli għal uliedhom.