‘Il-KSI qed tinvesti biex tiżgura li tkun f'pożizzjoni li tilqa' għad-domanda hekk kif l-ekonomija tespandi’
F’intervista esklussiva mal-ILLUM, Karl Cilia, CEO tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jitkellem fuq kif l-organizzazzjoni qed tieħu rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-iskarsezza tar-riżorsi tal-ilma, it-togħma tal-ilma, u t-tibdil fil-klima, fost suġġetti oħra
minn Marianna Calleja
F’intervista esklussiva mal-ILLUM, Karl Cilia, CEO tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jitkellem fuq kif l-organizzazzjoni qed tieħu rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-iskarsezza tar-riżorsi tal-ilma u t-tibdil fil-klima. Matul l-intervista, Cilia jesplora l-importanza tal-Green Bonds, l-infrastruttura tal-ilma f’Malta, u l-pjanijiet għall-futur tal-Korporazzjoni biex jindirizzaw l-isfidi li jġibu magħhom żieda fil-popolazzjoni u ekonomija li qed tikber.
Tista’ tispjega aħjar x’inhuma Green Bonds? Kif se tkejjel is-suċċess u l-impatt ambjentali ta’ din l-inizjattiva ta’ Green Bonds ġaladarba hija l-ewwel tat-tip tagħha f’Malta?
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) hija kburija ħafna bil-ħruġ tal-Green Bonds tagħha, kisba li aħna nqisu bħala importanti. Il-ħruġ ta’ €25 miljun f'Green Bonds fl-2023, kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta.
Kien hemm interess qawwi fil-bonds, tant li inħatfu fi ftit siegħat b’1,600 detentur, li l-maġġoranza tagħhom huma investituri fil-livell tal-konsumatur. Il-bonds - li se jimmaturaw fl-2033 b’rata ta’ imgħax ta’ 4.25% - inħarġu minn Clearflowplus p.l.c., sussidjarja ta’ WSC Group, u huma garantiti mill-Korporazzjoni.
Green Bonds huma bonds fejn ammont ekwivalenti tad-dħul nett fuqhom se jintuża biex jiffinanzja diversi proġetti li jirrispettaw l-ambjent. Ir-rikavat ta’ €25 miljun se jintuża biex jiffinanzja jew jiffinanzja mill-ġdid: investiment fl-impjant tar-reverse osmosis (RO) f’Ħondoq ir-Rummien, Għawdex; irziezet solari; arjazzjoni għat-trattament tad-drenaġġ; miżuri biex inkomplu nnaqsu n-Non-Revenue Water (ilma li nipproduċu imma li jibqa mhux fatturat) u ntejbu l-effiċjenzi tal-billing; u infrastruttura għan-netwerk tal-ilma.
Dawn il-proġetti se jkunu qed jgħinu biex jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi importanti għal Malta fil-qasam tal-ilma, bħal l-iskarsezza tal-ilma, l-isfidi li ġġib magħha t-tibdil fil-klima, u t-tniġġis. Aħna statutorjament impenjati li nirrapportaw dwar il-progress f'dan il-qasam, permezz tal-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Impatt (Impact Report) tal-Korporazzjoni. Fuq livell usa', peress li huma l-ewwel ħruġ tat-tip tagħhom, dawn il-bonds ħa jservu bħala best practice fejn jidħol il-finanzjament ekoloġiku.
Għandu jiġi enfasizzat li l-Green Bonds huma konformi mas-Sustainable Development Goals tal-Ġnus Maqgħuda u mall-Green Deal tal-Unjoni Ewropea.
X’inhuma l-passi li se tieħdu biex tassiguraw trasparenza fl-istadji kollha ta’ dawn il-bonds?
Il-ħruġ ta’ Green Bond għadda minn proċess regolatorju rigoruż li sar kemm minn l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta kif ukoll mill-Borża ta’ Malta. Dan il-proċess serva biex isaħħaħ l-istruttura ta’ governanza interna tal-Korporazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-prinċipji ta’ kontabilità u trasparenza jinżammu f’kull ħin.
Barra minn hekk, in-nefqa kollha relatata mal-bonds qed tiġi approvata mill-Bord tad-Diretturi u mill-Kumitat tas-Sostenibbiltà tal-emittent.
Il-proġetti li se jkunu ffinanzjati mill-Green Bonds huma fi ħdan il-qafas tan-National Investment Plan (NIP) 2023-2033 tal-KSI. Dan il-Pjan jinvolvi investiment ta’ €310 miljun. L-NIP jgħati ħarsa ġenerali lejn l-isfidi prevalenti u antiċipati fis-settur tal-ilma f'Malta, u jidentifika nuqqasijiet fejn tidħol il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li jagħti prijorità lill-investimenti meħtieġa biex tiġġedded u titjieb l-infrastruttura eżistenti tal-Korporazzjoni.
Il-Bord tad-Diretturi u l-Kumitat tas-Sostenibbiltà se jkunu qed jużaw dan il-Pjan bħala gwida għall-evalwazzjoni u l-għażla ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Green Bonds.
Minbarra l-pubblikazzjoni annwali tar-Rapport tal-Impatt, li l-għan tiegħu huwa li jelenka d-disclosures kollha relatati mal-proġetti li jirrispettaw l-ambjent, il-Korporazzjoni nediet għodda onlajn għad-detenturi tal-bonds u għall-pubbliku biex jkunu jistgħu jimmonitorjaw il-progress attwali tal-proġetti elenkati. Din l-għodda onlajn ġiet ippubblikata fuq il-websajt tal-emittent.
Bil-kwistjoni tal-water leakage dejjem diskussa, x’se tkun il-prijorita tiegħek biex ittejjeb l-effiċjenza tan-netwerk?
Il-KSI għamlet passi kbar 'il quddiem biex tnaqqas tnixxijiet (leaks) minn netwerk. Fl-2023, irnexxielna niksbu livell bla preċedent ta' effiċjenza operattiva, u l-qofol ta' dan kien is-suċċess tagħna biex innaqqsu t-telf tal-ilma u ntejbu l-kwalità tas-servizzi tagħna. Is-sena l-oħra lħaqna l-aktar livelli baxxi ta’ tnixxijiet fl-istorja tagħna, Infrastructure Leakage Index ta’ 1.8 – riżultat li huwa ta’ standard eċċellenti fuq livell internazzjonali. Dan jikkorrispondi għal 9.5% biss tal-produzzjoni tal-ilma, titjib notevoli mit-13% rreġistrat fl-2013.
Barra minn hekk, żidna wkoll b'mod sinifikanti l-effiċjenza tal-billing tagħna, u b'hekk naqqasna n-Non-Revenue Water. Minn effiċjenza fejn jidħol il-billing ta' 52% fl-2011, għalaqna l-2023 b'medja ta' 72% - rekord ieħor bla preċedent.
Kif se tindirizzaw it-tħassib tal-pubbliku dwar it-togħma tal-ilma tal-vit, u l-kwalità, speċjalment f’lokalitajiet lill-hinn mill-impjanti tar-reverse osmosis?
Għandu jiġi enfasizzat li l-ilma tal-vit ta’ Malta huwa tajjeb għax-xorb u jikkonforma bis-sħiħ mad-Direttiva Ewropea dwar l-Ilma tax-Xorb kif ukoll mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
L-ilma tal-vit f’Malta jiġi primarjament mid-desalinizzazzjoni tal-ilma baħar. L-ilma desalinizzat fl-erba’ impjanti tal-RO tagħna mbagħad jiġi mħallat mal-ilma tal-pjan. L-ilma huwa ttestjat u mmonitorjat b'mod strett ħafna, biex jiġi żgurat li t-taħlita tikkonforma mar-rekwiżiti legali kollha.
Fejn tidħol it-togħma, il-fatturi li għandhom l-akbar effett huma l-klorin, is-salinità u l-ebusija (hardness). Il-klorin jiġi miżjud mal-ilma tal-vit bħala diżinfettant primarju u sekondarju, u dan jiżgura li l-ilma jiġi mwassal għand il-konsumaturi ħieles minn kwalunkwe patoġenu. Il-klorin hu miżjud fl-ammont meħtieġ biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ilma. Jekk jixtiequ, il-konsumaturi jistgħu jużaw filtri tal-karbonju biex ineħħu t-toma tal-klorin mill-ilma.
Fejn tidħol is-salinità, din hija kkawżata minn kloruri tas-sodju/kalċju li jikkontribwixxi għal togħma mielħa Il-biċċa l-kbira tas-salinità ġej mill-porzjon tal-ilma tal-pjan fit-taħlita. Il-livelli ta' salinità fl-ilma tal-pjan ta' Malta huma għoljin minħabba d-dħul ta' ilma baħar ikkawżat minn astrazzjoni żejda. Madankollu, il-livelli ta' salinità fl-ilma tal-vit huma kkontrollati mill-KSI biex jiġi żgurat li jkunu fil-limiti rakkomandati.
Barra minn hekk, l-ebusija fl-ilma tiġi mill-minerali fil-blat li jidħlu fl-ilma tal-pjan hekk kif jipperkola l-isfel, f'proċess naturali li jieħu ħafna snin.
Il-KSI hija impenjata li ttejjeb it-togħma tal-ilma tal-vit, u għalhekk żiedet il-porzjon fit-taħlita tal-ilma tal-vit li ġej mid-desalinizzazzjoni. B'hekk naqset l-ammont ta' melħ fl-ilma. Il-konċentrazzjoni tal-klorin fl-ilma qed tiġi kkontrollata wkoll. Fil-fatt, fl-2023, il-livelli tal-klorin fl-ilma tal-vit tnaqqsu bi 30% matul is-sena kollha, filwaqt li l-kloruri tnaqqsu għal medja ta’ 350 mg/L, minn >500mg/L fl-2021 u fis-snin preċedenti. Barra minn hekk, il-Korporazzjoni qed ittejjeb in-netwerk tad-distribuzzjoni tagħha billi tqiegħed mains u pajpijiet ġodda, biex tiżgura li l-ilma kkunsinnat lill-klijenti jkun tal-ogħla kwalità.
Ladarba jitlesta l-proġett ta' Ta’ Qali, li se jgħaqqad l-impjant tad-desalinizzazzjoni ta’ Pembroke mal-grupp ta’ ġibjuni f'Ta’ Qali, it-toma tal-ilma se tkompli titjieb b’mod sinifikanti. L-għan hu li l-ilma tal-vit ta’ Malta jkun aktar omoġenu fil-lokalitajiet kollha tagħna. Dan se jkun possibbli permezz ta’ sistema ta’ distribuzzjoni ċentralizzata li tiżgura li l-konsumaturi fl-ibliet u l-irħula kollha tal-pajjiż igawdu ilma tal-vit li huwa ta’ salinità u ebusija inqas, u li għandu togħma aħjar.
X’inhuma whud mill-istrateġiji li qed tesploraw, sabiex jiġi indirizzat l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq ir-riżorsi tal-ilma fil-pajjiż?
Il-KSI hija mpenjata li ssir Net Zero-Impact Utility, u, f'konformità ma' dan il-għan, qed tinvesti fl-aħħar teknoloġija tad-desalinizzazzjoni li jużaw inqas enerġija, kif ukoll toħloq aktar solar farms billi tinstalla pannelli solari fuq diversi mis-soqfa tal-ġibjuni tagħha. B'hekk, il-Korporazzjoni żiedet il-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli.
Fl-2023, il-KSI ġġenerat rekord ta' 9.1 miljun unità ta' elettriku – ekwivalenti għall-konsum ta’ 1,300 dar – li 5.21 miljun minnhom ġew mill-erba' sistemi fotovoltajċi eżistenti li għanda, u 3.89 miljun unità li ġew mill-bijogass. Biċ-ċar, l-isforzi tagħna qed iħallu l-frott, u s-sena l-oħra l-KSI ingħatat l-Energy Globe Award għall-impjant tal-RO state-of-the-art li bnejna f’Għawdex. Dan l-RO ġie rikonoxxut għall-approċċ innovattiv tiegħu għad-desalinizzazzjoni tal-ilma baħar.
Il-KSI qed tinvesti wkoll biex tiżgura li Malta jkollha biżżejjed provvista ta’ ilma, billi żżid il-kapaċità tal-impjanti tal-RO.
Barra minn hekk, id-drenaġġ qed jiġi rkuprat biex jiġi proċessat u jinbidel f'ilma ta’ kwalità għolja għal skopijiet ta’ tisqija. Aktar investimenti huma ppjanati biex inżiedu l-produzzjoni ta' dan in-New Water għal 20,000 metru kubu kuljum sal-2028, bl-iskop li nindirizzaw l-isfidi li ġġib maggħa n-nixfa.
Kif qed timmaniġġja d-domanda akbar għall-ilma minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni filwaqt li tiżgura użu sostenibbli?
Il-KSI qed tinvesti b'mod attiv biex tiżgura li tkun f'pożizzjoni li tilqa' għad-domanda attwali u futura, hekk kif l-ekonomija ta' Malta tespandi, il-popolazzjoni tikber u aktar turisti jżuru xtutna.
Il-kapaċità attwali tal-produzzjoni tal-ilma mill-impjanti RO tagħna hija ta' madwar 95,000 metru kubu kuljum, filwaqt li l-kapaċità tal-ilma tal-pjan hija limitata għal madwar 48,000 metru kubu kuljum. Il-kapaċità totali tal-produzzjoni għalhekk hi ta' 143,000 metru kubu kuljum. Fl-2023, aħna fil-fatt ipproduċejna rekord ta' 36.7 miljun metru kubu biex nilħqu d-domanda.
Sabiex niżguraw li l-kapaċità tagħna tlaħħaq mad-domanda futura, in-National Investment Plan tagħna jistabbilixxi li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-impjanti tad-desalinizzazzjoni se tiżdied għal 127,000 metru kubu kuljum. Barra minn hekk, se nkunu qed inżidu wkoll il-kapaċità tar-riżervi tagħna bi 30%.
Peres li d-domanda qieghda dejjem tikber, l-KSI ijja kommessa biex tindirizza din l-isfida u qed ittejjeb in-netwerk tal-ilma tax-xorb. Il-proġett ta' Naxxar-Salini, li tlesta s-sena li għaddiet, huwa wieħed minn dawn il-proġetti ta' titjieb fin-netwerk.
Nagħrfu wkoll kemm hu kruċjali li nissalvagwardjaw ir-riżorsi tal-ilma tal-pjan u li niżguraw li jintużaw b’mod sostenibbli. F’dan ir-rigward, qed inżidu l-produzzjoni ta’ New Water biex nipprovdu provvista ta’ ilma alternattiva għat-tisqija. L-istrateġija tagħna biex nillimitaw l-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan tinvolvi wkoll ir-riattivazzjoni ta’ sorsi li ma kinux għadhom qed jintużaw. Dan qed iwassal għal distribuzzjoni spazjali aħjar tal-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan, u b'hekk ittaffi l-istress fuq sorsi użati żżejjed.
Tista' tagħti dettalji dwar l-impatt mistenni tal-proġetti ta' enerġija rinnovabbli fuq il-carbon footprint globali tal-WSC?
Il-KSI investiet f'solar farms, bl-installazjoni ta' pannelli fotovoltajki fuq l-infrastruttura tagħha. Għandna installat 3.45 MWpeak, li jiġġenera aktar minn 5.5 GWh fis-sena ta' enerġija rinnovabbli li jiġi transportat lejn il-grid tal-elettriku. Il-Green Bonds ser ikunu qed jiffinanzjaw estensjoni ta' dan il-proġett, li ħa żżied il-produzzjoni għal 7,24 MWpeak sa tmiem l-2025, li hu proġettat li jwassal għal ġenerazzjoni ta’ 11 GWh. Din iċ-ċifra tissarraf għal 7% tad-domanda totali attwali għall-enerġija tal-KSI.
X'pjanijiet għandek biex tespandi l-użu tal-ilma reklamat lil hinn mill-agrikoltura?
New Water, li hu ilma reklamat ta’ kwalità għolja, primarjament użat għat-tisqija, huwa bla dubju riżors importanti ħafna li qed jgħin is-settur agrikolu Malti. Is-sena li għaddiet, il-KSI ipproduċiet rekord ta' 1.6 miljun metru kubu ta' New Water, li ġie fornut lill-bdiewa. Taħt in-National Investment Plan, qed ninvestu €46 miljun fl-espansjoni tan-netwerk tan-New Water, biex niżguraw li jsir aktar disponibbli, kif ukoll biex inżidu l-produzzjoni tiegħu u ninstallaw dispensers intelliġenti.
Filwaqt li rridu li aktar bdiewa jkollhom aċċess għan-New Water, nixtiequ wkoll li jkun hemm distribuzzjoni ġusta, u d-dispensers intelliġenti se jintużaw biex jiżguraw li din ir-riżorsa tintuża b’mod ekwu. Huwa importanti ħafna li dak li jkun jifhem li dan il-proġett huwa proċess li għadu għaddej, b’tqiegħed ta’ mains u netwerks ġodda fit-toroq tagħna. Dan il-pjan qed isir b’mod gradwali, b’kollaborazzjoni ma’ l-entitajiet rispettivi u l-partijiet interessati kollha, inkluż il-Kunsilli Lokali.
L-approċċ ta’ Malta għall-immaniġġjar tal-ilma kif jallinja mal-istandards Ewropej u liema huma l-isfidi f’dan ir-rigward li qed jinkwetawk?
Kif iddiskutejna, aħna nagħrfu l-importanza kbira tal-immaniġjar tajjeb tal-produzzjoni tal-ilma tax-xorb f’Malta. Taħt in-National Investment Plan, qed ninvestu €2.5 miljun fir-rinnovament tal-ġibjuni tagħna fil-Fiddien, Naval u Ta’ Ċenċ; €40 miljun f’madwar 100km ta’ titjib tan-netwerk tal-ilma madwar Malta; €1.2 miljun biex ngħaqqdu l-ġibjuni ewlenin ta’ Għawdex sabiex narmonizzaw il-kwalità u nżiedu l-kapaċità; €30 miljun f'titjib tal-impjanti RO, u; €1 miljun fl-immudellar tal-AI biex nimmassimizza l-potenzjal tat-taħlit ta’ ilma desalinizzat ma’ dak tal-pjan.
Fejn jidħol l-ilma tad-drenaġġ, l-impenn tagħna lejn l-immaniġġjar tiegħu bl-aħjar mod possibbli huwa stabbilit b’mod ċar fl-NIP. Se nkunu qed ninvestu €66 miljun f'overhauls tal-Impjanti tat-Trattament tad-Drenaġġ tagħna u €14-il miljun fit-tibdil tat-tagħmir ta' l-istess impjanti. Dan ser isir kemm biex inkunu nistgħu inlaħqu mad-domanda futura kif ukoll biex nallinjaw mad-Direttiva riformulata tal-UE dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi.
Il-proġetti tan-netwerk tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar u Triq Diċembru 13 fil-Marsa – li qed jagħmlu użu mit-teknoloġija ta' microtunnelling – huma fost l-eżempji ewlenin tal-investiment tagħna fl-immaniġġjar tad-drenaġġ.