‘L-istorja tiegħi fil-PL saret sinonima mal-firxa wiesgħa tan-nies li jiffurmaw parti mill-organu ewlieni tal-Partit'
Wara r-riżenja ta' Chris Fearne, żewġt membri maħbuba mill-Partit Laburista tefgħu n-nomina għall-kariga ta’ deputat mexxej Laburista għall-affarijiet parlamentari u tal-partit. L-ILLUM tpoġġi ma' Ian Borg, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin
minn Marianna Calleja
Għalfejn aċċettajt li tkun kandidat Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista?
Matul diskussjonijiet li kelli mad-delegati f’dawn l-aħħar jiem, kienu ħafna li inkoraġġewni biex nikkunsidra u ma nibqax lura sabiex nilqa’ s-sejħa taghhom. Kienu ħafna mid-delegati li semmewli l-ħidma tiegħi fl-istrutturi tal-Partit u l-Gvern Laburista sa minn żgħożiti – fil-Kumitat Lokali, fil-Fergħat taż-Żgħażagħ, fil-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli fl-irwol ta’ Sindku, Rappreżentant tal-Kunsilli Lokali fl-Amministrazzjoni tal-Partit, Segretarju Parlamentari għall-Presidenza u l-Fondi Ewropej, Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u issa Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.
Intbaħt li tarġa tarġa l-istorja tiegħi fil-Partit Laburista saret sinonima mal-firxa wiesgħa tan-nies li jiffurmaw parti mill-organu ewlieni tal-Partit Laburista – il-Konferenza Ġenerali. Kemm ma’ dak iż-żagħżugħ li għadu jibda l-ħidma tiegħu bħala delegat tal-Partit Laburista, kif ukoll ma’ dawk il-ħafna delegati li l-Partit Laburista llum il-ġurnata tista’ tgħid li hija t-tieni dar tagħhom.
Dawn id-diskussjonijiet mad-delegati kif ukoll ma’ kull kollega fil-grupp parlamentari kienu strumentali sabiex niddeċiedi li nagħti sehem akbar fit-tisħiħ u t-tiġdid tal-Partit u l-Gvern Laburista.
X’inhuma l-bżonnijiet immedjati tal-Partit Laburista?
Il-Partit Laburista huma n-nies li jiffurmaw u jżommu ħajjin l-istrutturi li huma kruċjali kull darba li partit imur għal test elettorali irrispettivament jekk ikunx fil-gvern jew le.
Il-bżonn immedjat tal-Partit Laburista, anke mil-laqgħat li kelli mad-delegati f’dawn il-jiem, huwa li jara li jerġa’ jqajjem l-istess ambjent ta’ tama u entużjażmu f’dawn l-istrutturi li wasslu biex fl-aħħar ħmistax-il sena l-poplu ra fil-Partit Laburista l-għażla li tista’ tagħti futur aħjar lil pajjiż.
Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qed jiġi deskritt bħala “post mejjet u bla attività”. Kif se tbiddel dan kollu?
L-ambjent fl-istrutturi kollha tal-Partit li semmejt fil-mistoqsija ta’ qabel huwa kruċjali biex iċ-CNL ikun ħaj bl-attività. Fl-irwol il-ġdid tiegħi bhala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, inwiegħed li se nikkontribwixxi u nagħmel l-almu kollu tiegħi biex jinħoloq ambjent li jwassal għal Centru li jkun deskritt bħala ħaj u mimli bl-attività.
Meta tħares lura lejn l-elezzjonijiet Ewropej u tal-Kunsilli Lokali, x’kienet il-problema fil-kampanja?
Kull kampanja hija bbażata fuq messaġġi li partit iwassal lin-nies. Il-Partit Laburista kellu messaġġ li wasslu għal rebħa fl-aħħar elezzjonijiet imma ma kienx ibbażat u msejjes fuq ambjent adegwat fl-istrutturi tal-Partit li jassigura li l-messaġġ qed jolqot il-ħsibijiet u l-qlub tan-nies biex ikun żgurat li jintlaħaq ir-riżultat mistenni u mixtieq.
Hemm suġġett fil-Partit Laburista li kulħadd jipprova jevita. Il-kwistjoni Joseph Muscat. F’għajnejn ċerti nies il-PL għandu jiddistakka ruħu minn Joseph Muscat. X’taħseb?
Kull organizzazzjoni għandha l-istorja tagħha li tkun bbażata fuq fażijiet b’mexxejja differenti. L-istorja, tiddistakka jew ma tiddistakkax minn fażijiet partikolari, xorta mhux ħa titħassar jew fażijiet minnha jerġgħu jinkitbu. Allura naħseb li l-istrutturi tal-partit m’għandhomx jinħlew fuq hekk imma għandhom ikunu ffukati fuq kif ikompli jinħoloq dak l-ambjent fl-istrutturi kollha biex ikun żgurat li l-poplu jkompli jħares lejn il-Partit Laburista bħala l-għażla li għandha l-aħjar ideat għall-futur tal-pajjiż.
Il-Partit Laburista hu kkritikat kemm fuq l-ambjent u anke fuq nuqqas ta’ kontabiltà. Xi jrid isir?
Bħalma l-Partit Laburista fehem l-aspettattivi tan-nies f’dan l-aħħar deċennju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, libertajiet ċivili, childcare b’xejn, eċċ. għax kellu ambjent fl-istrutturi tiegħu li wassal għal dan, nemmen li b’ħidma biex jerġa’ jkun hemm l-ambjent adwegat fl-istrutturi tal-Partit l-istrutturi jerġgħu jkun ta’ xprun biex il-Partit jifhem u jiggwida lill-Gvern biex jimplimenta l-aspettattivi tal-poplu fil-qasam tal-ambjent u l-kontabilità politika.
Il-grupp parlamentari Laburista jidher li mhux qed juża t-talenti kollha. X’tikkmumenta?
Kif għedt fl-ewwel mistoqsija biex wasalt għad-deċiżjoni li nikkontesta għal Deputat Mexxej tal-Affarijiet tal-Parlament tkellimt ma’ kull wieħed u waħda fil-grupp parlamentari sabiex nifhem jekk hemmx l-appoġġ neċessarju mill-grupp. Wara li assigurajt li hemm l-appoġ neċessarju mill-grupp għall-kandidatura tiegħi poġġejt ismi ’l quddiem. Bħalma jien kommess li naħdem biex fl-istrutturi tal-Partit jerġa’ jkun hemm l-ambjent adwegat li jwassal biex nifhmu aħjar l-aspirazzjonijiet tal-poplu bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament kommess li naħdem biex it-talenti kollha fil-grupp parlamentari jiġu utilizzati sabiex anke l-Gvern ikun aktar effettiv fil-ħidma tiegħu parlamentari.