Kif inhu l-feeling tagħkom f’din il-kampanja?
Naturalment din hija kampanja differenti mis-soltu, anke differenti milli kienet mistennija li tkun sa ftit ġimgħat ilu speċjalment wara li ġiet finalizzata l-Inkjesta Maġisterjali. Naturalment dan kollu ikabbar l-importanza ta’ dawn l-elezzjonijiet u allura jagħmel iktar importanti l-irwol tagħna biex nikkonvinċu iktar nies jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Kampanja ddominata mill-każ Vitals, in-nies fehmu l-argumenti politiċi tagħkom fuq dan l-iskandlu?
Nemmen li l-poplu Malti u Għawdex fehmu l-issues li hawn quddiemhom. Ċertament li l-maġġoranza fehmet li kien qed ikun misruq mill-Gvern Laburista. Naturalment irridu nkomplu naħdmu biex nikkonvinċu u nispjegaw lin-nies x’ġara f’dan il-każ u x’ħa nagħmlu differenti aħna.
Kemm inti inkwetat min-numru ta’ nies li qed jgħidu li mhux se jivvutaw?
Iktar milli inkwetanti, dan jirrikonoxxi li rridu naħdmu iktar biex nikkonvinċu iktar nies joħorġu jivvutaw. Ħaddieħor jipprova jbellagħha lin-nies li ż-żewġ partiti huma l-istess u aħna rridu nkomplu naħdmu biex nuru bil-fatti li dan mhux vera. Irridu nwasslu iktar il-messaġġ ta’ x’għamel u x’ħa jkompli jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
X’inhu riżultat konvinċenti għalikom?
Aħna fil-bidu tal-kampanja għedna li għandna tliet għanijiet, li ntellgħu t-tielet siġġu, nerbħu ammont ta’ Kunsilli Lokali lura, u li nnaqqsu d-distakk bejn il-Partiti b’mod sostanzjali.
Roberta Metsola hija stilla tal-PN. Għalfejn ma kinitx fiċ-ċentru tal-kampanja tagħkom?
Il-Partit Nazzjonalista għandu tmien kandidati validissimi u li jagħmluna kburin. Robert Metsola qed ikollha rwol ċentrali fil-kampanja tal-Partit tant li qed titkellem fil-mass rallies li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista apparti l-involviment tagħha fil-kampanja kemm fid-dehra u kemm fil-kuntatt man-nies.
Kemm hu importanti li wieħed jivvota għall-PN?
Ġimgħa oħra mhux ħa jkollna gvern ġdid, imma għandna opportunità biex nagħtu messaġġ ċar lill-Gvern li hemm bżonn bidla fid-direzzjoni. Hemm opportunità wkoll li l-vot tiegħek isaħħaħ il-Partit Nazzjonalista biex ikompli jaħdem u jkun alternattiva iktar b’saħħitha għal pajjiżna.