‘Il-Prim Ministru jmexxi l-unika forza progressiva u liberali f’dan il-pajjiż’ - Ramona Attard

Ramona Attard, il-President tal-Partit Laburista titkellem mal-ILLUM fl-aħħar ġimgħa qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew

Ramona Attard, President tal-Partit Laburista
Ramona Attard, President tal-Partit Laburista

Il-kampanja qed iddur madwar il-każ tal-Vitals. Kemm intom inkwetati bħala partit? 

Il-Kampanja tal-Partit Laburista ffukata man-nies. Xprunajna l-prijoritajiet fil-manifesti elettorali billi dorna lokalitajiet, pjazez u djar tan-nies li kellmuna fuq x’jixtiequ għall-familji tagħhom u għal pajjiżna. Min-naħa l-oħra, il-kampanja tal-Partit Nazzjonalista bbażata fuq inkjesta maġisterjali u saret mill-kuruturi tal-Qorti. 

Il-kampanja tal-Partit Laburista kienet waħda b’manifesti elettorali, kemm tal-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-Kunsilli Lokali li huma mimlijin proposti sabiex intejbu l-ħajjiet tal-Maltin u nibqgħu nipproteġu l-aħjar interessi tal-Maltin, kemm fuq livell Ewropew, kif ukoll f’Malta u Għawdex.  

Filwaqt li ż-żmien li fiha ħarġet l-inkjesta eżatt kif fetħu n-nomini tal-kandidati tal-Parlament Ewropew u wara sensiela ta’ leaks mill-inkjesta, mhuwiex wieħed li jagħti serħan il-moħħ, issa dan il-proċess jiġi skrutinizzat fil-Qrati tagħna mit-timijiet legali rispettivi. Għalhekk issa nħallu b’mod seren l-istituzzjonijiet jaħdmu filwaqt li nidħlu fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali u nkomplu niffukaw fuq il-prijoritajiet tal-Maltin u l-Għawdxin. 

 

Tħossu li tliftu ħafna bil-fatt li eks Prim Ministru, Deputat Prim Ministru u eks ministri Laburisti tressqu l-qorti? 

Kif għedt fil-mistoqsija ta’ qabel, issa hu l-mument li nħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu. L-interess tagħna bħala Partit fil-Gvern hu li ssir ġustizzja kif xieraq u kif jixirqilhom il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Iva għall-ġustizzja, iżda sodi kontra l-persekuzzjoni politika. 

  

Il-messaġġ tal-Partit Laburista kien dejjem l-istabbiltà u investiment għall-futur. Kemm għadu b’saħħtu dan il-messaġġ? 

Il-Partit Laburista llum huwa garanzija ta’ stabbiltà u investiment. Stabbiltà fit-tmexxija ekonomika tal-pajjiż u investiment kontinwu fin-nies permezz ta’ politika li twieżen lil dawk l-iktar li għandhom bżonn. Jiggwidawna l-prinċipji tagħna li l-ekonomija taħdem għan-nies. Ekonomija soda kienet iċ-ċavetta sabiex għelibna sfidi li setgħu kellhom konsegwenzi serji, bħall-pandemija. Mingħajr ekonomija b’saħħitha ma kienx ikollna vaċċin li għenna noħorġu mill-pandemija u wage supplement biex ma jintilfux eluf ta’ impjiegi. Ekonomija b’saħħitha kienet ukoll essenzjali biex il-Gvern Laburista jniedi l-iskema “Stabbilità”, fejn il-prezzijiet ta’ ’l fuq minn 450 prodott se jibqgħu stabbli sal-budget li ġej, miżura li affettwat b’mod pożittiv l-inflazzjoni.  

Fl-istess ħin pajjiżna għadu jattira investiment barrani b’saħħtu li joħloq impjiegi ta’ kwalità għolja għal uliedna – bħall-investiment tal-Gimas, kumpanija li timmanifattura turbini tal-wind farms u espansjoni ta’ €60 miljun tal-Baxter li timmanifattura apparat mediku. Dan huwa l-mod kif pajjiżna jibqa’ joħloq il-ġid u xogħol ta’ kwalità biex jissaħħu l-pagi tan-nies u noħolqu l-opportunitajiet għal uliedna f’pajjiżna stess.   

 

Hemm ħafna nies li se jivvotaw għal kandidati indipendenti, jew għal ħadd. X’inhu l-messaġġ tiegħek għalihom? 

Il-messaġġ tiegħi hu li elezzjoni tibda xejn b’xejn. Kwalunkwe stħarriġ huwa stampa tal-mument u għalhekk il-mument tal-votazzjoni hu essenzjali u dak ikun ibbażat fuq x’jiddeċiedi persuna fil-kwiet ta’ daru.   

Dawn huma elezzjonijiet diffiċli ħafna għal min ikun fil-Gvern. Niftakar elezzjonijiet meta l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien jirbaħ dawn l-elezzjonijiet u jitlef l-elezzjoni ġenerali. Madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, dawn l-elezzjonijiet dejjem jintużaw minn popli differenti sabiex jagħtu twissija lill-Gvern tal-ġurnata. Għalhekk, l-għan tal-Partit Laburista hu li jikseb il-maġġoranza tal-voti għax nemmnu li aħna l-unika forza politika b’tim ta’ kandidati, kemm fuq livell Ewropew, kif ukoll fuq livell lokali, u dejjem ħdimna għall-aħjar interessi tal-Maltin u l-Għawdxin.  

Fuq kollox, dan il-pajjiż, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, fl-aktar mumenti ibsin tiegħu dejjem għeleb kull sfida. Fuq kollox, il-Prim Ministru jmexxi l-unika forza progressiva u liberali f’dan il-pajjiż li ħadmet biex ikollna d-divorzju u l-liġi reġgħet ġiet emendata biex il-familji jkunu jistgħu jgħixu ħajjithom mingħajr dewmien. Dan il-partit daħħal iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u d-dritt li jaddottaw, filwaqt li jagħti għotja ta’ €10,000 lil min jaddotta. Dan il-partit daħħal il-liġi tal-identità tal-ġeneru, u t-terminazzjoni tat-tqala meta l-ħajja jew is-saħħa tal-mara tkun f’periklu, u dan il-Partit biddel il-liġi tal-IVF sabiex inżidu r-rati ta’ suċċess filwaqt li nagħtu l-mediċini tal-IVF b’xejn. Issa saħansitra sar ftehim mas-settur privat biex innaqqsu l-waiting lists għax f’dan il-qasam il-ħin hu kruċjali biex tiżdied il-possibbiltà li persuna ssir ġenitur. Fl-aħħar disa’ snin mal-400 tarbija twieldet grazzi għal din ir-riforma. 

 

Fuq l-ambjent, il-Partit Laburista baqa’ ma indirizzax l-iktar oġġett importanti, il-local plans, u l-ippjanar. Vera, li kien il-PN li għamel it-tibdiliet, iżda l-PL ilu fil-gvern iktar minn 10 snin, u jekk vera qed jiddejjaq mis-sitwazzjoni, jista’ jbiddilha, le? 

Il-Partit Laburista qed iwettaq riformi ambjentali importanti kbar. Qed jinħolqu spazji miftuħa ġodda, saħansitra minn spazji li qabel kienu miżbliet bħal Wied Fulija u l-Qortin. Qed nagħmlu riformi fil-qasam tal-iskart proprju fejn kien hemm miżbliet jew impjanti ta’ riċiklaġġ. Qed ninvestu wkoll fl-ikbar proġetti ta’ arja nadifa bħax-shore to ship. Dawn huma riformi ambjentali kbar li minnhom se jgawdu wliedna.  

Dwar il-pjanijiet lokali, il-Partit Laburista dejjem kien ċar. Nafu li dak il-pjan ta’ ċerti drittijiet u l-Partit Laburista dejjem qal li mill-Gvern mhux se jieħu xi deċiżjoni li tnaqqas id-drittijiet tan-nies jew toħloq inċertezza kbira, imma fl-istess ħin ma jfissirx li ma nagħmlu xejn. Ħa nsemmilek tliet deċiżjonijiet tal-aħħar ġimgħat; salvajna Ħondoq ir-Rummien, se nibdlu l-pjan lokali għall-Wied il-Għajn biex ma ssirx il-marina, u l-istess f’Bulebel biex insalvaw għelieqi li bil-pjan ta’ Gvern Nazzjonalista kienu sejrin għal żvilupp industrijali.  

Iżda, mhux biss. Fl-aħħar xhur il-gvern qabad artijiet tiegħu li l-Partit Nazzjonalista kien daħħalhom fi skema għall-iżvilupp u minflok se nagħmlu fihom spazji miftuħa biex inkomplu nwettqu l-wegħda li kulħadd ikollu spazju miftuħ għaxar minuti mixi bogħod minn fejn jgħix. 

More in Intervisti