'Illum il-bieb imbexxaq, għax illum hemm liġi tal-abort, li kull ma jonqosha gvern jiftħilha'
Il-kandidat Indipendenti Edwin Vassallo jgħid li kienu 'l-attakk' mill-eks prim ministru Joseph Muscat, u l-MPE Cyrus Engerer fuq it-tarbija fil-ġuf li 'ġegħlu' joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlment Ewropew.
minn Marianna Calleja
Jikkumpara t-tarbija fil-ġuf mal-President tal-Parlament Ewropew, il-kandidat indipendenti Edwin Vassallo qal li l-gvern u l-oppożizzjoni mhu jagħmlu xejn biex jiddefendu l-ħajja mill-ġuf.
“Ħadd ma jitkellem. Kulħadd sab il-ħin jiddefendi l-Metsola mill-attakki fuqha, imma għat-tarbija fil-ġuf ħadd ma sab il-ħin. Għidt le, jien mhux se nħalli minn ikasbar, min ikisser, min jirrovina dak li nemmen fih, għax qed nirrovinaw pajjiż.”
“Din il-kampanja, ftit tal-ġimgħat ilu, ma kontx nemmen li nidħol għaliha, imma wara li Joseph Muscat beda' jsemmi l-abbort u d-dritt tal-mara fuq ġisimgħa, u Cyrus Engerer ħareġ ukoll...,” Vassallo qal.
Fl-intervista esklussiva mal-ILLUM, ħareġ biċ-ċar il-weġgħa ta’ Vassallo għat-titli li ngħata matul iż-żmien, flimkien ma’ dik li hu jsejjaħ bħala ċensura.
Bla ebda ċensura minn din il-gazzetta, u bi spazju fejn jispjega l-argumenti tiegħu, Vassallo jimrah fuq l-iktar suġġetti kontroversjali. L-istess suġġetti li ma’ żmien qalgħulu t-titli ta’ omofobiku, sessist, misoġenista u dinosawru.
Aparti l-abort, f’argumenti konservattivi ukoll, Vassallo jitkellem mall-ILLUM dwar iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess, u l-libertà sesswali, li skont hu, qed twassal għall-aktar mard trasmess sesswalment.
Jitkellem dwar kif f’Malta, qatt ma mietet mara waqt twelid, u ġaladarba hemm problemi mediċi, każ ta’ stupru, jew lill hinn, l-abort xorta mhux soluzzjoni.
Ma jonqosx ukoll, li jitkellem fuq għaliex għażel li ma jibqax fil-Partit Nazzjonalista, filwaqt li jiddeskrivvi liż-żewġ partiti bħala stabbilimenti wieħed liberali, popolist.
Dan li ġej huma biċċiet minn intervista li saret mal-kandidat indipendenti Edwin Vassallo, qabel il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Vitals. L-intervista sħiħa tista’ taraha fil-filmat ta' fuq.
GĦALIEX KANDIDAT INDIPENDENTI U MHUX MAL-PARTIT NAZZJONALISTA?
Ir-riżultat tal-elezzjoni li għaddiet kien għeluq ta' kapitlu. Iżda jien kont wegħedt li se nibqa' leali lejn il-partit u qabel kollox lejn it-twemmin tiegħi.
Niftakar, artiklu tal-ġurnalist James Debono, ftit wara l-elezzjoni, kien ikkwotani ngħid dan. Ma kontx naf x'inhu ġej, iżda l-idea tiegħi kienet li nibqa’ ngħin lil-partit. Imma dejjem għidt, li l-fidi tiegħi tiġi l-ewwel. Il-prinċipju jiġi l-ewwel.
Il-partit, importanti minħabba l-valuri tiegħu. Partit tneħħilu l-valuri, jibqa' fih biss l-arma, in-nies, u l-indirizz tad-dar ċentrali tiegħu.
Illum, 26 sena ta' esperjenza politika, insarrafha f'kelma waħda: konsistenza...
Il-prinċipju ma ġie jiswa' xejn? Iġġudikawni kemm tridu. Jekk tkun temmen f'xi ħaġa, illum trid tbaxxi rasek illum? Jiena Nisrani fil-politika, hekk kont ngħid, u hekk għadni. Iċċensurat... għaliex?
FIL-FATT INTI TGĦID LI L-PN U L-PL SARU STABILLIMENT WIEĦED...
Il-PN, bħal l-PL, illum iddeċidew ma jibqgħux ankrati mal-valuri kif nafhom jien, kif nixtieqhom jien u jippruvaw jimirhu jkunu aktar liberali...
Anke l-Partit Laburista, lanqas għadu x-xellug li kien fiż-żmien Mintoff. Għalhekk għandna l-ħniżrijiet li għandna f'dan il-pajjiż... jien hekk nixtiequ, jerġa lura għal dawk il-valuri li kellu. Stajt ma taqbilx ma' Mintoff, bħal ma tista ma taqbilx ma' Eddie Fenech Adami għax ħadd mhu perfett u żbalji jsiru, imma kienu jingħarfu minn xulxin. Kien hemm alternanza politika, mhux bħal-lum.
M'hemm ħadd li jippreżentani fil-parlament bħalissa... It-tnejn ġew liberali. It-tnejn jgħidu li huma xellugin.
Imma kieku l-PL għadu l-istess, jimpurtah miż-żgħir, mill-ħaddiem, min-newtralità, minn Malta l-ewwel u qabel kollox, kieku Malta għandna tmexxija aħjar milli għandna.
Għaliex għandna l-ġid li ngħidu li għandna, u safrattant il-faqar qed jiżdied? Fi żmien Mintoff konna qtajnihom nies li jittalbu, u issa erġajna żdiedna.
U l-istess il-PN. M'għadhux il-partit li jiddefendi b'saħħtu lil familja, id-dritt tal-ħajja.
Spiċċaw partiti, li meta tinqala kwistjoni, l-ewwel jagħmlu ftit ħin f'silenzju, jaraw fejn sejrin in-nies, u fejn tmur il-folla, imorru huma.
Fil-każ ta' Jean Paul Sofia; Robert Abela jgħid lill-sħabu biex jivvottaw kontra, u għax ra l-folla quddiem Kastilja, idawwar it-triq...
Il-Partit Nazzjonalista; il-PL joħroġ il-proposti tal-liġi tal-abort. L-ewwel silenzju, imbagħad iqumu l-esperti tal-Knisja u oħrajn jagħtu l-proposti tagħhom, u l-PN jagħmel dawk il-proposti tiegħu.
Id-dritt tal-ħajja hu iktar mill-abort. Din il-kampanja, ftit tal-ġimgħat ilu, ma kontx nemmen li nidħol għaliha, imma wara li Joseph Muscat beda' jsemmi l-abort u d-dritt tal-mara fuq ġisimha, u Cyrus Engerer ħareġ ukoll.
Ħadd ma jitkellem. kulħadd sab il-ħin jiddefendi lil Roberta Metsola mill-attakki fuqha, imma għat-tarbija fil-ġuf ħadd ma sab il-ħin. Għidt le, jien mhux se nħalli minn ikasbar, min ikisser, dak li nemmen fih, għax qed nirrovinaw pajjiż.
TIRRIKONOXXI LI HEMM ĊIRKOSTANZI FEJN L-ABORT JISTA' JKUN PROĊEDURA MEDIKA?
Qatt ma tlifna omm, qatt f'Malta ma ntilfet omm. Il-mediċina kienet diġà qed tieħu ħsiebha. Illum dħalna f'inkwiet ikbar għax ktibna dak li kien diġà fil-prattika. Illum dħalna bi problema akbar, illum b'dak li ktibna fil-liġi tal-abort, jien insostni ftaħna l-konsentura.
Il-bieb bexxaqnieh. Kemm kien hawn li ma ridx jibexxaq il-bieb? Illum il-bieb imbexxaq, għax illum hemm liġi, li kull ma jonqosha jiġi gvern, dan jew ieħor, għada, pitgħada, jew f'numru ta' snin, u jagħmel emenda, biex il-bieb niftħulu.
Mill-esperjenza kollha tal-ħajja, tal-mediċina, qatt ma ntilfet omm, għax kellha xi problema.
U F'ĊIRKOSTANZI...
F'ċirkostanzi ta' stupru, l-istess ħaġa. Qatt ma kellna problema ta' barra minn hawn. Hemm ċirkostanzi bijoloġiċi, fejn l-istupru ma jirriflettiex fit-tqala.
LANQAS JEKK IT-TQALA TAFFETWA L-OMM? MENTALMENT EŻEMPJU?
Dawk diġà l-mediċina kienet tieħu ħsieb. Aħna daħħalna l-liġi tal-abort, li għandna fil-preżent... din il-liġi, tant kemm fiha inċertezzi li se toħloq ċirkostanzi fejn l-abort jista' jkun prattikat minn tabib, meta “mara tkun fil-periklu,” u ma jirraporta lil ħadd dan, m'hemmx fejn.
Lawrence Gonzi, f'intervista li kellu ma' Andrew Azzopardi fuq Newsbook, kien qal li din hija liġi taċ-chewing gum... imperfetta ħafna. Nispera li issa l-abort ma jidħolx, għax jiġi mitlub mill-qorti biex jidħol.
Robert Abela missu jistħi li jdaħħal din il-ħtieġa għall-amendi, jew il-liġi tal-abort kif kien ried li jagħmel, billi juża l-gidba ta' Andrea Prudente. Dan Prim Ministru ta! Kif jista jersaq quddiem il-poplu u ma jgħidx il-verità? Għax il-każ ta' Prudenti, fil-qorti ħarġet li kienet qegħda tigdeb. It-tobba qalu li ma kinitx fil-periklu tal-mewt.
ALLURA MALTIN. VOTANTI MALTIN, LI DIĠÀ GĦAMLU L-ABORT. DIĠA ORDNAW IL-PIRMLA, U GĦAMLU L-ABORT. SE NARRESTAWHOM?
Le jien m'għidtx hekk, u mhux se ngħid hekk. Jien mhux se niġġudika lil dawk li għamlu hekk. Il-liġi ma tiġġudikahomx, jien mhux se niġġudikahom, għax jien ma rridx nilgħabha t'Alla.
Ejja nuża, il-kelma li qatt ħadd ma uża, il-kelma “responsabbilità.” Libertà mhux libertaġġ. Min se jġorr responsabbilità?
INTI KONT ATTUR PRINĊIPALI FL-ISBUĦIJA TA' MALTA FL-UNJONI EWROPEA. FUQ IL-KARTI, L-UE SERVIET GĦALL-AKTAR DIRETTIVI, GĦAL DRITTIJIET UGWALI, DRITTIJIET GĦAL MARA, U GĦAL AKTAR. JIDDISPJEĊIK LI DĦALNA?
Le. Bħal ma jiddispjaċinhiex li hawn il-PL u l-PN f'pajjizna. Jiddispjaċini li dawn it-tnejn tilfu ruħhom. Jiddispjaċini li dawn it-tnejn tilfu ruħ dan il-pajjiż, għax illum il-flus imexxu kollox. Illum għal-flus dawn jagħmlu kollox. Illum dan il-pajjiż tlifnilhu ruħu.
Anke l-UE tilfet ruħha illum. Meta dħalt jien [fil-politika], niftakar lil Fenech Adami, kont ġdid dak iż-żmien, nitkellmu fuq UE tas-sussidjarjetà, tad-diċentralizazzjoni, għax l-Ewropa trid li d-deċiżjonijiet jittieħdu l-eqreb taċ-ċittadin... Niftakarni, s-segretarju parlamentari għas-self employed, niffirma kontra l-burokrazija. Ilbieraħ kont qed nitkellem ma' sid ta' negozju, qalli illum l-UE tfisser burokrazija.
WAĦDA MILL-PRIJORITAJIET TIEGĦEK HIJA L-FAMILJA. PERO' L-FAMILJA M'GĦADHIEX BISS DIK TRADIZZJONALI, HEMM FAMILJI B'ĠENITURI TAL-ISTESS SESS. KUNĊETT LI MIEGĦU INT MA TAQBILX. X'SE NAGĦMLU BIHOM SKONT INT DAWN IL-FAMILJI?
Jien nemmen li familja hi raġel u mara. Taqbilx miegħi, ma ġara xejn. Imma għaliex nemmen hekk? Il-familja bħala kunċett maż-żmien evolviet kif nafuha illum, bħala raġel u mara, għax fil-familja t-tfal, maskil jew femminil jitwieldu.
Il-familja ġiet imsaħħa maż-żminijiet, għal dak il-kunċett ta' dak li hu, b'kuntratt li suppost ma jinħal qatt, mhux għal ġid tal-adulti, għal ġid tat-tfal.
Imma illum, fir-realtà li nafu llum, it-tfal, li huma l-aktar dagħjfa, dawk m'għadhomx aktar importanti fis-somma.
Nafu aħna li ħerġin minn realtà, fejn it-tfal kellu d-dritt fundamentali tagħhom? U dawn id-drittijiet, id-dinja m'għadhiex titkellem fuqhom.
Għax ladarba kissirt il-familja, kissirt id-dritt fundamentali tat-tfal.
Id-dritt prinċipali tat-tfal huwa li t-tfal jgħarfu l-ġenituri tagħhom. Jgħixu mal-ġenituri tagħhom. Kienet dinja differenti minn tal-lum, imma illum minħabba l-ibusija tar-ras, it-tfal mhux parti mid-deċiżjonijiet.
Konsegwenzi. Min jitkellem fuqhom illum? Nitkellmu fuq il-libertà sesswali. Il-mard trassmess sesswalment. Min hu responsabbli għal dan illum?