Marija Bellia: 'Qbadt il-messaġġ fuq bini, li prattikament tiela’ bla rażan'
Smajnieha fuq is-sett tat-televiżjoni, għal darba darbtejn. Ħabbejnieha mal-ewwel iżda kompliet tisirqilna qlubna meta kantat dwar il-ħsibijiet li nibżgħu nitkellmu fuqhom. Il-ġurnalist Luigi Sghendo jitkellem ma’ Marija Bellia.
minn Luigi Sghendo
X’messaġġ ridt twassal bl-interpretazzjoni oriġinali tal-‘Aħħar Bidwi’?
Hija diska popolari u xtaqt inżid l-element ta’ oriġinalità billi qbadt il-messaġġ fuq bini li prattikament tiela’ bla rażan, is-soffokazzjoni u l-inċidenti marbuta mas-siti tal-kostruzzjoni, fosthom ta’ Miriam Pace u Jean Paul Sofia, imbagħad żewwiġt dawk it-temi mad-diska.
Ma ħassejtekx skomda tikteb diska b’messaġġ politiku? Ikkunsidrajt ir-reazzjonijiet negattivi li stajt kellek mill-udjenza?
Għaraft ir-riskju li diska bħal din iġġorr magħha, però nemmen li kelli bżonn nesprimi l-opinjoni tal-poplu permezz tad-diska li ħloqt. Kont konxja mir-riskju u fil-fatt irċivejt messaġġ jew tnejn li ma qablux miegħi.
Attwalment nemmen li ħadmet favorija għax ġiet apprezzata minn ħafna nies.
Minn fejn ksibt l-ispirazzjoni biex żewwiġt l-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel ma’ Viva Malta?
Il-parti ta’ Viva Malta hija ironika u nittama li nftiehmet hekk. Minkejja li Malta u l-Maltin huma għal qalbi, nemmen li għandna nuqqasijiet u għandna nistaqsu fuqhom. Fil-fatt għalhekk għedt “viva Malta u l-Maltin, hi din l-art tal-qalbenin?” Ridt inniggeż il-kuxjenza tas-semmiegħa u jirriflettu fuq l-azzjonijiet tagħhom marbuta mat-tema tal-kanzunetta.
Ħaġa oħra li ispiratni kienet il-produzzjoni tal-kanzunetta. Jien, flimkien ma’ Iona – it-tfajla ta’ Marija u l-producer tal-mużika – innutajna li kien hemm similarità bejn xi kordi ta’ Viva Malta u tal-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel u għalhekk ħadna l-opportunità u għaqqadniehom.
Gianluca Bezzina qallek li jemmen li se tirnexxi mingħajr il-bżonn tal-X factor. Taħseb li kien kumpliment jew ġiegħlek tħossok li applikajt darbtejn għalxejn?
Ma nemminx li applikajt għalxejn għax miż-żewġ esperjenzi tgħallimt, kbirt, rabbejt il-kunfidenza u skoprejt iktar xi rrid inwassal, b’mod speċjali l-identità artistika tiegħi.
Bezzina, li kien qed imexxi l-kategorija tan-nisa, fis-six chair challenge qalli “ikun xi jkun ir-riżultat, int se tirnexxi”. Apprezzajtha ħafna għax fl-aħħar mill-aħħar mhuwiex biss il-preżent li juri s-suċċess ta’ artista imma l-perseveranza li nibqa’ nuri l-ħiliet tiegħi wara l-kompetizzjoni.
Fid-dawl ta’ dan, temmen li għandek tkompli bħala artista lokali jew hemm xi sfidi li qed iżommuk minn din il-ħolma?
Sfidi bla ma trid tiltaqa’ magħhom, bħal kull persuna insomma. Importanti taffaċċjahom b’lenti pożittiva u tara x’tista’ tagħmel f’dak il-mument biex tegħlibhom.
Nemmen li bħalissa qed naħdem biex inkompli bħala artista lokali u nixtieq niffoka fuq id-diski oriġinali tiegħi u nesperimenta b’diski oħrajn.
“Hawnhekk għandna artista li se tirnexxi fl-industrija”. Dan kien kliem Howard. Tħossok traduta mill-ġurija meta kienu huma stess li eliminawk?
Nammetti kien daqsxejn ta’ xokk meta qaluli li mhux se nkompli għaddejja għal-live shows.
Fit-tieni staġun tal-X factor dħalt l-iktar għall-esperjenza iżda fir-raba’ staġun dħalt għax kont naf li lesta ma niħux biss l-esperjenza imma nipprova nasal sal-finali. Is-sapport tal-poplu rċivejtu. Il-kummenti tal-ġurija kienu pjuttost pożittivi. Minn dakinhar stess għedt li se nieħu kemm nista’ minn din l-esperjenza u nibni fuq dak li tgħallimt, speċjalment meta smajt il-kummenti tal-poplu.
Din id-deċiżjoni tatek il-ħeġġa li tkompli tissaħħaħ bħala artista lokali?
Nemmen li l-eliminazzjoni tiegħi tatni ħafna kuraġġ għax rajt poplu li apprezza x’għamilt bħala artista u poplu li riedni nkompli.
Barra minn hekk tatni imbuttatura tajba fl-ispirazzjoni tiegħi biex inkompli bħala artista. Fl-aħħar mill-aħħar mhuwiex is-sapport tal-mument imma s-sapport kontinwu tal-poplu li huwa importanti.
Nemmen li l-eliminazzjoni tiegħi ġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku u hekk xtaqt għaliex dik turi li ksibt is-simpatija u l-apprezament tal-poplu, xi ħaġa li kull artist jittama li jikseb.
Taħseb li kien ħaqqek li tirbaħ inti jew almenu tavvanza aktar fil-kompetizzjoni?
Sa mil-bidu dejjem bqajt nemmen li kien ħaqqni navvanza. Dan il-ħsieb huwa wkoll ta’ eluf ta’ persuni li kkummentaw u bagħtuli li kien ħaqqni navvanza u nirbaħ.
Min-naħa tiegħi rrispettajt id-deċiżjoni u awgurajt lil dawk kollha li avvanzaw għax fl-aħħar mill-aħħar aħna komunità waħda.
Int kont għedt li tittama illi min jirbaħ l-X factor ikun ħaqqu. Richard kien ħaqqu r-rebħa tiegħek?
Richard kiseb is-sapport tal-poplu. Kellu ħafna nies warajh. B’dak il-ħsieb: bħalma għedt li jkollok in-nies warajk hija xi ħaġa fundamentali, nemmen li iva, kien ħaqqu r-rebħa għax fl-aħħar mill-aħħar il-poplu vvutalu.
Liema kien l-isbaħ mument waqt il-kompetizzjoni?
Il-judges houses. Kienet esperjenza differenti mit-tieni staġun. Ħaduni Sqallija għal erbat ijiem. Dan tana ċ-ċans insiru nafu aħjar lil xulxin.
Minbarra dik l-esperjenza, is-six chair challenge wkoll kien mument memorabbli imma jġiegħlek tħossok ħażin, speċjalment meta jkollok daqshekk adrenalina, tidħol fil-kompetizzjoni, b’mod partikolari minħabba l-possibilità li taqla’ lil xi ħadd minn postu jew li tispiċċa tinqala’ int. Kieku kelli niġbru f’żewġ kelmiet ngħid li kien memorabbli u stressanti.
Innotajna li darbtejn poġġejt fuq siġġu numru tlieta fis-six chair challenge. Temmen li għandek xorti ħażina man-numru tlieta?
Le ma naħsibx. Ironikament nikkunsidrah bħala numru ta’ fortuna għax kelli ħafna esperjenzi li fihom kelli n-numru tlieta, fosthom is-six chair challenge.
Min kien l-iktar kontestant/a viċin tiegħek matul il-kompetizzjoni?
Matul il-kompetizzjoni ma tantx kelli l-opportunità nsir naf lil kulħadd, però fil-judges houses, fejn kellna nqattgħu erbat ijiem ma’ xulxin, sirt l-iktar close ma’ Aiden Cohen li kien fil-kategorija tal-irġiel, u li inċidentalment kienet ukoll l-iktar kategorija li ħassejtni qrib magħha.
Liema kienet l-iktar kritika li bqajt tiftakar?
Il-kumment ta’ Amber qabel ma tawni l-aħbar tar-riżultat. Hi qalet, “Marija Bellia dejjem għamilt l-istess ħaġa, ma nafx jekk dan hux biżżejjed għal Gianluca”. Għal kuntrarju, nemmen li mhux dejjem għamilt l-istess ħaġa, anzi nemmen li dejjem għamilt prestazzjonijiet versatili. Lil hinn minn dan kollu nżomm ir-rispett lejn il-kritika u l-persuna.
L-iktar ħaġa li apprezzajt kien meta Roberta Metsola qalet li d-diska li għamilt tal-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel u Viva Malta kienet l-iktar diska favorita tagħha tal-2023.