Roderick Galdes: 'L-istatistika turi wkoll li nofs il-first time buyers għandhom qliegħ wieħed'
Il-Ministru Roderick Galdes huwa sinonimu mal-akkomodazzjoni soċjali. Il-ġurnalist Luigi Sghendo ltaqa’ miegħu u tkellmu dwar l-akkomodazzjoni, il-faqar, u għalfejn fl-2024 għad hemm bżonn li l-Istat jipprovdi akkomodazzjoni soċjali
minn Luigi Sghendo
Għaliex f’suq ħieles huwa importanti li Gvern jibqa’ jipprovdi akkomodazzjoni soċjali?
Is-suq ħieles huwa kruċjali li jibqa’ hekk għax jagħti kontribuzzjoni sinifikanti lill-ekonomija Maltija, però s-suq għandu dejjem ikun regolat. L-istat għandu l-obbligu li jipprovdi akkomodazzjoni soċjali għal dawk li jsibuha diffiċli biex jidħlu u jikkompetu fis-suq. Hemm numru ta’ familji li jgħaddu minn problemi ta’ mard, diżabilità, vizzji u trawma fost oħrajn. Hemmhekk jidħol l-istat biex jassisti fl-akkomodazzjoni soċjali.
X’inhi d-definizzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali fid-dinja tal-lum?
Dak li għamilna aħna ma kienx biss dwar l-għoti tal-akkomodazzjoni soċjali. Aħna wessajna l-funzjoni tagħna marbuta mal-akkomodazzjoni u qed ngħid hekk għaliex il-perċezzjoni hija li l-akkomodazzjoni soċjali tiġi biss forma ta’ appartament li l-Gvern itik, meta fil-verità għadna kemm ħriġna skemi u inċentivi biex dawk li ma jikkwalifikawx ikunu xorta jistgħu jgawdu minn għajnuna sabiex isiru sidien ta’ djarhom jew jikru propjetà, jirranġaw id-dar, eċċ.
Aħna frixna l-għajnuna li noffru mal-akkomodazzjoni. Jien insejħilha bħala mrewħa li fiha tiġbor l-elementi kollha. Qed jingħataw €10,000 fuq medda ta’ 10 snin. Is-sena li għaddiet kellna l-ewwel ċekkijiet. Dan kollu bl-għan li jixtru l-propjetà tagħhom u jsiru sidien ta’ djarhom.
Fl-isfond tal-inflazzjoni qawwija li laqtet lil pajjiżna, huma biżżejjed €10,000 fuq medda ta’ 10 snin?
Jien nara l-qafas ta’ dak kollu li għamilna; tajna mgħaxx ta’ 10% lill-istudenti żgħażagħ li qegħdin jixtru l-ewwel propjetà, għamilna l-iskema tat-tnaqqis tat-taxxa tal-bolla għal min jixtri l-ewwel propjetà, l-iskema tal-UCA li saħansitra tingħata 15,000-30,000 donazzjoni jekk tixtri f’Għawdex, hemm l-iskema l-oħra li tingħata rifużjoni tal-VAT fuq ix-xogħlijiet li tagħmel fid-dar tiegħek ... Naħseb aħna wieħed mill-aktar pajjiżi li nsostnu, ngħinu u ninċentivaw sistemi bħal dawn. Nemmen bl-empowerment. Aħna ma noffrux il-ħuta imma l-qasba biex imorru jistadu.
X’testijiet tal-mezzi jintuża biex nassiguraw li min ħaqqu għajnuna jirċiviha?
Meta jiġi stabbilit li dan għandu dħul minimu u ma jistax jixtri jew jikri, jikkwalifika għal akkomodazzjoni soċjali. Meta nitkellmu fuq means testing, ħafna drabi n-nies ma jifhmux minħabba l-kultura tas-sens of entitlement; bħallikieku ‘ħa nakkwista xi ħaġa’. Illum qed indawwar dan l-argument għax ma nemminx li ‘takkwista’ post tal-Gvern, imma li jkollok servizz temporanju, sakemm għandek bżonnu bl-għan li jitgħadda għand ħaddieħor li jkollu bżonnu aktar minnek. Kien dan il-Gvern li daħħal is-sistema li jispiċċa l-wirt marbut mal-propjetajiet, li ma jkollokx nies li jitħallew jabbużaw, imma jkun hemm spezzjonijiet regolari u passi li jittieħdu kontra persuni li jmorru kontra r-regolamenti.
Illum il-ġurnata hawn diversi persuni li jikkwalifikaw għall-akkomodazzjoni soċjali, speċjalment fl-isfond ta’ paga minima li mhix biżżejjed biex tgħix fuqha. Allura x’inhu l-proċess ta’ deċiżjoni?
Rigward il-proċess, is-sistema taħdem bis-social workers li jagħmlu l-istħarriġ tagħhom, bi prijorità lejn min għandu l-mard, diżabilità, persuni li għandhom id-diffikultà tal-abbandun, separazzjoni, eċċ.
Hemmhekk ngħinu u nagħmlu l-istudji neċessarji. Skont l-istatistika, f’dawn l-aħħar snin irnexxielna nallokaw 1,500 propjetà.
Aħna rnexxielna nallokaw persentaġġ qawwi tal-istock kollu tal-Gvern. Il-waiting list fil-fatt tnaqqset sew. Minn ’il fuq minn 3,000 qabel l-2013, għal bejn wieħed u ieħor 1,500 persuna li qed jistennew l-akkomodazzjoni soċjali fil-preżent.
Għamilna żewġ skemi; tal-housing benefit, fejn tingħata l-għajnuna biex individwu jerġa’ jaqbad it-triq permezz ta’ akkomodazzjoni temporanja, u l-iskema tal-equity sharing, li hija bbażata fuq l-esperjenza tan-nies li sseparaw. Persuni li jkollhom diffikultà wara li jbigħu l-assi tagħhom minħabba proċeduri tal-Qorti fost oħrajn, u ma jkollhomx biżżejjed biex jixtru weħidhom, għalhekk jidħol l-istat u joffri l-għajnuna li jkollu bżonn l-individwu. Tingħata prijorità lil dawk il-persuni li jkunu għaddejjin minn każijiet ta’ separazzjoni.
Hemm ħafna konsiderazzjonijiet fil-kostruzzjoni u fid-disinn ta’ akkomodazzjoni soċjali. X’inhuma?
Qed noqogħdu attenti fl-ippjanar marbut mal-akkomodazzjoni soċjali.
Fejn qabel kont tagħraf li binja hija tal-akkomodazzjoni soċjali u l-persuni li jgħixu fihom fosthom minħabba nuqqas ta’ sinerġija mal-komunità nnifisha, ħafna drabi kienu jinbnew fil-quċċata tal-irħula tagħna, allura kien ikollok problema minn dawn in-nies li jiġu jgħixu f’raħal li ma jkunux jafu, maqtugħin mill-komunità.
Illum il-kunċett tagħna nbidel totalment. Id-djar qed jinbnew ġol-komunità. Barra minn hekk isiru rakkomandazzjonijiet fi rħula kemm jista’ jkun viċin tal-applikanti.
Jekk tara l-binja tal-Imsida, pereżempju, tinnota li estetikament tara d-differenza fil-kwalità minn dawk li saru 40-50 sena ilu. Kull propjetà hija aċċessibbli bil-lifts, bil-wifi, bl-intercom, bil-ħażna tal-ilma li tintuża fil-blokka u qed naraw li jsir ukoll proġett ta’ pannelli fotovoltajiċi fuq dawn il-binjiet.
Kemm hawn persuni li qed jibbenefikaw mill-akkomodazzjoni soċjali u x’qed isir biex dawn il-persuni jaqilgħu paga ta’ għejxien li tkun tista’ tkopri kirja ta’ appartament?
Inti għandek il-maġġoranza tan-nies li għandhom id-dar tagħhom. Dak vantaġġ. Fil-fatt, fl-Ewropa għandna fost l-ogħla rata ta’ home ownership li hija ta’ 82.6%.
Jien nemmen li fil-kultura tagħna, instigata mill-kolonjaliżmu, il-Malti dejjem ħaseb biex jinvesti fl-affarijiet tiegħu. Fil-fatt, anke grazzi għall-miżuri fis-sebgħinijiet, ridna li kulħadd ikollu l-għażla li jixtri. Mill-2013 sal-lum kellek 44,000 familja li xtraw l-ewwel dar tagħhom għall-ewwel darba.
Flimkien mal-Università ta’ Malta, hemm programm biex persuni li għandhom diffikultajiet soċjali jiġu megħjuna b’mod professjonali. Mhux sempliċement tingħata ċavetta, iżda li jsir kambjament. Nieħu pjaċir nara nies li kienu fuq il-waiting list jew fl-akkomodazzjoni soċjali li jirnexxilhom jixtru minn jeddhom grazzi għall-akkomodazzjoni.
Allura, kemm kien hemm familji li applikaw għall-akkomodazzjoni soċjali li rnexxielhom jixtru propjetà?
Ngħidlek il-verità m’għandix l-istatistika iżda huma fl-għexieren ta’ mijiet ta’ nies li kienu jgħixu fl-akkomodazzjoni soċjali u li issa għamlu bidla f’ħajjithom għall-pożittiv.
Il-proġett tal-Imsida tal-akkomodazzjoni soċjali ilu jissemma għal diversi snin. Fiex wasal dan il-proġett?
Il-proġett wasal fl-istadji finali. L-Imsida huwa sit diffiċli għax huwa viċin il-livell tal-baħar. Kien hemm kuntratturi li nbidlu minħabba li ma laħqux il-livell li xtaqna. Barra minn hekk nista’ ngħid li fil-ġimgħat li ġejjin se titħabbar id-data. Issa fadal l-aħħar biċċa ta’ slum area. Diġà waqqajna fejn hemm il-proġett tal-lum iżda għad fadal biċċa oħra li għadha trid titwaqqa’ wkoll.
Minn żmien għal żmien nisimgħu dwar il-faqar. X’inhi l-verità dwar il-faqar?
Aħna qatt ma għedna li l-faqar huwa perċezzjoni.
Importanti li niftakru li s-soċjetà qed tinbidel. Il-faqar li naraw fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali qed jiġri parzjalment minħabba l-ammont għoli ta’ persuni li qed jisseparaw. Jien kont tajt statistika inkwetanti li wriet li l-problema ġejja primarjament mill-isfaxxar ta’ żwiġijiet jew relazzjonijiet.
Rigward l-età għolja ta’ żgħażagħ li qed idumu jgħixu mal-ġenituri tagħhom, fost l-ogħla fl-Ewropa, taħseb li din hija minħabba diffikultà biex isibu u jixtru propjetà?
Mhux neċessarjament. Nemmen li l-età titla’ mhux tinżel. Qabel, iż-żgħażagħ ta’ 22 kienu jiżżewġu, mentri llum l-istatistika turi li r-relazzjonijiet jibdew viċin it-30 sena, u allura din qed iċċaħħad il-persuna milli jissellef u jixtri post.
L-istatistika turi wkoll li nofs il-first time buyers għandhom qliegħ wieħed. Ħafna nies jgħidulek li jridu jixtru post għalihom f’każ li jisseparaw. II-mira tagħna għalhekk hija li nadattaw għas-soċjetà li qed tinbidel u flok noffru biss akkomodazzjoni soċjali, nestendu l-għajnuna bil-benefiċċji u skemi.
Fuq nota personali, dalwaqt ikun hemm il-post liberu ta’ Deputat Mexxej. Inti tikkunsidra tikkontesta?
Illum il-post huwa okkupat minn Chris Fearne. Sintendi, il-Partit Laburista dejjem ħaddantu. Issa ’l quddiem naraw meta l-post ikun vakanti. Għalissa nippreferi li nikkonċentra fuq il-pożizzjoni tiegħi.