Jgħid li ma’ kull ħsad qed jarmi ammont sostanzjali ta’ prodott

L-ILLUM tkellmet ma’ persuna li jkabbar il-ħaxixa għall-użu personali, dwar ix-xogħol li din tirrikjedi, il-problemi li jaffaċċja u n-nuqqasijiet tal-liġijiet kurrenti 

Ir-riformi li saru fil-liġijiet tal-użu personali tal-kannabis ġew milqugħa tajjeb minn dawk li jagħmlu użu minnha, u ġabet tibdiliet li l-opinjoni dwarhom hija ġeneralment pożittiva fost id-demografika. Madankollu, jidher li dawk li qed ikabbru fi djarhom stess qed ikollhom jarmu ammont ta’ prodott li jkun ħa ħafna xogħol biex kiber, sabiex ikunu konformi mal-liġi. 

Sors li jixtieq jibqa’ anonimu enfassizza mal-ILLUM li, għalkemm il-liġijiet il-ġodda ġabu bidliet “neċessarji” fejn jidħol l-użu personali, xorta waħda hemm aspetti li “ma jagħmlux sens,” u li qed iwasslu għar-rimi ta’ ammont sostanzjali ta’ prodott. Barra minn hekk, iħoss li għad hawn stigma soċjali, kemm fuq min jikkonsmaha, “u aktar u aktar fuq min ikabbarha.” 

Kien għalhekk li għażel li ma jiżvelax l-identità tiegħu, minħabba l-mod ta’ kif iħoss li jħarsu lejh in-nies. “Uħud minn sħabi jafu. Però ma rridx li din tkun xi ħaġa magħrufa pubblikament. Inħoss li ċertu nies għadhom jiġġudikawk meta jsiru jafu li tpejjep il-ħaxixa, u mhux biss nies avvanzati fl-età, anke ċertu żgħażagħ. Aħseb u ara kieku jkunu jafu li tkabbar. Naf li nies oħra huma aktar pubbliċi, anke meta tħares fuq il-midja soċjali, iżda jien ma narahiex hekk.” 

Id-deċiżjoni li jibda jkabbar waslet għal diversi raġunijiet. “Jien kien ilni snin inpejjep, u meta tkabbar inti l-ewwel nett tiġik ħafna irħas. Tkun taf ukoll x’qed tpejjep; kemm rigward il-kwalità tal-prodott kif ukoll it-tip. Hemm diversi varjanti ta’ ħaxixa, li jħallu effetti simili imma differenti fl-istess ħin. Meta kont nixtri mit-triq, il-kwalità tista’ kważi tassiguraha billi dejjem tixtri minn persuna li tavda. Iżda fejn jidħol it-tip, ġieli qas il-bejjiegħ ma kien ikun jaf, u meta jtik risposta ma tkunx taf hux qed jigdiblek lanqas. Hekk, tkun ċert. Barra minn hekk, jien jogħġbuni l-pjanti b’mod ġenerali; inkabbar varjetà kbira, mhux ħaxixa biss.” 

Hu spjega kif dan mhux process faċli; jirrikjedi ċertu attenzjoni u ċertu investiment. L-apparat li xtara fil-bidu sewa aktar minn €1,000, u jinkludi tinda, dwal, tliet fannijiet, dehumidifier, apparat li joqtol l-insetti u numru ta’ strumenti ta’ kejl ta’ temperaturi u umdità. Il-pjanti jieħdu madwar erba’ xhur biex jikbru, ġimgħa biex jinxfu, u xahar ieħor sabiex ikunu tajbin għall-konsum. “Jirrikjedu ħafna attenzjoni tul dawn il-perjodi, sabiex ikollok prodott tajjeb. Malta, għalkemm għandna klima tajba, hemm diversi fatturi li jagħmluha diffiċli wkoll. Fost l-akbar problema li naffaċċja huma l-insetti, li jagħmlu ħsara kbira. Iżda jekk tieħu l-prekawzjonijiet u tuża l-bexx, idealment organiku għax dan se jispiċċa ġo ġismek, kapaċi tikkontrollaha.” 

Minkejja dan ix-xogħol kollu, ma kull ħasda jgħid li jispiċċa jarmi ħafna mill-prodott. “Pjanta waħda, jekk tkun taf x’qed tagħmel, kapaċi tagħtik 100 gramma ta’ ħaxixa meta tnixxifha. Issa l-liġi Maltija tgħidlek li tista’ żżomm biss 50 gramma ġewwa residenza waħda, “li ma tagħmilx sens.” Din ma tista’ tagħmel xejn biha legalment, allura trid jew tissogra u żżomm ammonti akbar id-dar, jew inkella tarmi.” 

Stqarr li qabel ma kienet legali, ġieli żamm ammonti d-dar, iżda din kienet sitwazzjoni differenti. “Qabel, ġieli żammejt ftit grammi d-dar, għall-użu personali ovjament. Iżda jekk kont tinqabad, kont tinqabad b’ammont żgħir, u tkun evidenti li kien għall-użu personali. Imma jekk pjanta tagħtik ammont kbir, diffiċli tagħmel l-istess argument, fil-fehma tiegħi. Allura nipreferi narmi ż-żejjed milli nissogra. Infatti, qas għadni nkabbar aktar minn pjanta waħda f’ċiklu wieħed, għax nispiċċa narmi ammonti kbar.” 

Għalih, il-liġi għandha wkoll element li hu kemmxejn ambigwu. Dan għalhiex il-liġi ma tagħmilx distinzjoni bejn kannabis li għadha kemm tinqata’, u dik imnixxfa. “Meta taqta’ l-fjuri tal-pjanta, dawn ikunu jiżnu ammont. Iżda dawn ovjament ma jkunux tajbin għall-konsum; trid tnixxifhom. L-ewwel tħallihom madwar ġimgħa mdendlin, imbagħad madwar xahar ġo vażett. Tul dan il-perjodu jitilfu aktar minn nofs il-piż. Issa jiena, u kull min nitkellem miegħu, nassumu li l-liġi qed tirreferi għall-piż ta’ meta tkun imnixxfa, jiġifieri meta din tkun tajba għall-konsum, iżda kjarifikazzjoni tkun tajba sabiex wieħed ikun jista’ jserraħ moħħu aktar.” 

Minkejja dan kollu, hu saħaq li l-bqijja tal-liġi kienet maħsuba tajjeb, fir-rigward ta’ dawk li jkabbru d-dar. Għalih, “din ġabet bidliet neċessarji. Meta wieħed jikkonsma l-prodott tiegħu stess, apparti l-vantaġġi li semmejt qabel, hemm element kbir ta’ sodisfazzjoni ukoll. Il-ħsara tkun biss dak li tkun iddedikajt ħafna ħin għalih jinħela għax ikollok tarmi.” 

More in Intervisti