Minn xibka mormija fil-baħar għal libsa f’Malta Fashion Week... Il-moħħ wara Tolo

Rachael Bartolo tagħmel id-debutt tagħha f’Malta Fashion week tal-2023... Iżda min hi din id-disinjatriċi żagħżugħa? Għaliex għażlet materjal miġbur mill-NGO Żibel? Kif irnexxielha taqbel ħafna ħajt irqiq u titrasformahom f’libsa? L-ILLUM tistaqsi...  

Ħafna drabi meta naħsbu f’affarjiet riċiklati moħħna jmur għal xi karta jew plastic li jiġu trasformati f’oġġetti oħra, iżda ir-riċiklaġġ għal Rachael Bartolo ħa tifsira oħra. F’din l-edizzjoni ta’ Malta Fashion Week li saret proprju din il-ġimgħa, id-disinjatriċi u ħajjata żagħżugħa Rachael Bartolo, għamlet id-debutt tagħha wara snin taħdem minn wara l-kwinti.  

L-ILLUM tiltaqa ma’ Rachael Bartolo, il-moħħ wara Tolo, fl-istudjo tagħha. Filwaqt li tistaqsi dwar l-esperjenza tagħha bħala disinjatriċi fl-aktar sfilata tal-moda prominenti f’pajjiżna, tara b’għajnejha u tmiss idejha l-ħidma mimlija dettall ta’ Bartolo li għamlet b’kollaborazzjoni mal-għaqda mhux Governattiva ‘Żibel’.  

Rachael Bartolo
Rachael Bartolo

Min hi Rachael?  

Bartolo qalet li l-arti dejjem kienet il-passjoni tagħha bid-differenza li darba, waqt ġurnata skolastika, l-għalliema tal-arti talbithom biex jesperimentaw b’ilbiesi magħmula mill-karti. Il-prodott finali kellu jiġi eżebit f’attività skolastika stess. Minkejja li hi mdorrija fid-dinja tal-ħjata, għaliex kemm ommha kif ukoll nannitha minn dejjem kienet tarahom iħitu, din l-attività nibtet kurżità ġewwa fiha li eventwalment wasslitha biex taħdem fid-dinja tal-moda u toħloq arti sostenibbli.   

Eventwalment hija baqgħet tistudja u din wasslitha għal opportunitajiet li taħdem ma diżinjaturi prominenti fil-gżejjer Maltin, li rawmuha u esponewha għal Malta Fashion Week minn wara l-kwinti. Bartolo ħadmet ma’ Carla Grima u Rosemarie Abela.  

“Meta kont assistejt lil Carla Grima għall-ewwel Fashion Week kienet esperjenza eċċezzjonali. Dak iż-żmien niftakar li kelli eżami l-għada iżda xorta kont mort għaliex żgur li ma kontx se nitlef din l-esperjenza. Eventwalment bqajt naħdem ma’ Carla u fil-fatt kont erġajt ħdimt f’Fashion Week,” spjegat Bartolo.  

Irrakkontat li wara l-esperjenza tagħha fl-MCAST, ħadmet fuq il-midja soċjali u bdiet tiġi afdatha b’numru ta’ ħwejjeġ ta’ klijenti, sakemm darba fetħet Tiktok u ġietha l-ispirazzjoni, li wasslitha biex tagħmel id-debutt tagħha bħala diżinjattriċi f’din l-isfilata tal-moda.  

‘Mort inżur is-sit tagħhom u qbadt nagħżel il-materjal... ftit xhur wara rniexxieli noħloq kollezzjoni’  

L-ispirazzjoni mhux dejjem tiġi meta wieħed jaqbad karta u lapes, iżda l-ispirazzjoni ta’ Bartolo mhix tas-soltu. Minn fejn ġiet l-idea?  

“Kont qed nuża Tiktok u rajt filmat tal-NGO Żibel, fejn inġabret xibka mormijja fil-baħar. Dak il-ħin lanqas indunajt li din kienet inġabret minn pajjiżna. Meta irrealizzajt ikkuntattjajthom mal-ewwel, għidtilhom li kont interessata li nirriċikla x-xibka u the rest is history,” qalet Bartolo.  

Minn hemm bdiet il-kollaborazzjoni, marret fuq is-sit u qabdet tpinġi disinji ġodda. Mit-tħażżiż tad-disinn għal fuq l-isfilata tal-moda, kien hemm żmien mhux ħażin, għaliex dan il-proċess ma kienx wieħed faċli. Dawn il-materjali kienu jirrikjedu li jiġu mnaddfa, separati u eventwalment meħjuta. Bejn ċajta u oħra qaltlilna li l-istudjo tagħha kien qisu suq tal-ħut, bir-riħa ta’ baħar u ħut li kellha!  

L-ewwel kampjun li ħadmet Bartolo, waqt li bdiet tesperimenta bit-teknika
L-ewwel kampjun li ħadmet Bartolo, waqt li bdiet tesperimenta bit-teknika

‘Din kienet kollha ħajt ta’ xbieki, irnexxieli noħloq teknikna biex nużahom xorta waħda’  

Bartolo irnexxielha tagħmel użu minn materjali differenti u dan jinkludi wkoll ħajt irqiq minn xbieki. Normalment il-ħajt nużawh biex tħit il-materjali flimkien u mhux ikun ikun il-materjal innifsu u għalhekk mhux xi sorpriża jekk wieħed jitħasseb dwar kif irnexxielha toħloq ilbiesi sħaħ bihom. Iżda irnexxielha! 

“Ħloqt teknika li fiha bdejt inħit fuq il-ħajt innifsu. Il-linji l-bojod għamilthom bil-magna jiena fuq il-ħajt tal-ixbieki,” spjegat Bartolo. L-isforz tal-ħajjata ma kinitx li ssib riżorsi sostenibbli biss iżda li tuża l-aktar materjal sostenibbli possibli u dan ifisser li ma wżatx żip, li normalment ikollu l-plastik fih. Fil-fatt għażlet li tagħmel il-buttuni hi b’idejha b’uħud minnhom b’materjal riċiklat ukoll.  

Ħaġa tal-iskantament kienet libsa partikolari mimlija qxur tal-arzelli. Filwaqt li uħud minn dawn l-arzelli kellhom jiġu meħjuta mal-libsa nnifisha, kien hemm oħrajn li kienu diġà mwaħħlin magħha b’mod organiku hekk kif kibru madwar il-ħajt tax-xibka. Ċarament din il-libsa mhix biss prestazzjoni tal-kreattività u l-kapaċità tad-disinjatriċi iżda wkoll fenomenu impressjonanti tan-natura.  

Qalet li din ix-xibka tant impressjonatha li meta ratha fis-sit ta’ Żibel, staqsiet jekk tistax toħodha mal-ewwel. “Dak il-ħin kont diġà qed nimmaġina kif stajt nagħmilha. Kont diġà bdejt naraha kompluta.”  

Mistoqsija liema hija l-aktar ħaġa għal qalbha mill-kollezzjoni tagħha hija qalet li kull ħaġa li għamlet hi għal qalbha għaliex lkoll għandha konnessjoni magħhom. Bla dubju tgħid li waħda mill-aktar favoriti tagħha hija dik ta’ ħafna ħajt għaliex issoprendiet lilha nnifisha meta rnexxielha tagħmilha. Apparti minn hekk tgħid li t-tibdila finali kienet waħda mill-aktar favorita, deskritta minnha bħala “show stopper”.  

Rachael mal-mudelli
Rachael mal-mudelli

‘Dakinhar kelli mudella li qaltli li kienet ma tiflaħx sagħtejn qabel l-isfilata’  

Bartolo irrakkontat lill-ILLUM dwar dak kollu li għaddiet minnu dakinhar tal-isfilata. Qalet li l-lejl ta’ qabel ma setgħetx torqod bl-eċitament iżda li kollox kien sejjer tajjeb sakemm sagħtejn qabel l-isfilata, meta mudella infurmata li kienet ma tiflaħx u li kellha bżonn issib lil xi ħadd ieħor. Fortunatament irnexxielha ssib lil xi ħadd biex joħdilha postha u kollox mexa ħarir.  

Tirrakkonta wkoll il-mument li hi kellha timxi mal-mudelli tagħha fl-aħħar tal-isfilata u qalet li kienet eċitata għaliex riedet tkun ċerta li qed tidher tajba u timxi dritt, fost oħrajn. Affarjiet li normalment id-disinjattriċi ma tantx ikollha ċans taħseb dwarhom.  

Malli kienet lesta l-isfilata qalet lil din il-gazzetta li filwaqt li normalment id-disinjaturi jmorru wara l-kwinti, hi marret direttament fuq il-familja tagħha, li bħal dejjem kienu hemm biex jagħtuha l-appoġġ.  

Intant hi qalet li kellha rispons veru tajjeb. Qalet li fl-aħħar minn l-aħħar din mhix oppportunità biss biex turi xogħolha iżda wkoll li timxi l-kelma biex nibżgħu għall-ambjent, ma narmux u nirriċilkaw kemm nifilħu.  

Hija irrakontat ukoll illi kellha l-opportunità li taħdem ma’ influencers li jħobbu l-moda Abigail Vick u Lexi Rose May. “Lil hinn mill-ħwejjeġ magħmulin minn materjal riċiklat, jiena nagħmel ħafna ħwejjeġ oħra wkoll u anke dawn intlaqgħu tajjeb mill-pubbliku,” kompliet Bartolo.  

Dwar dan l-ILLUM ħadet l-opportunità li tistaqsiha dwar xogħol ieħor li tagħmel u spjegat li jkollha ħafna lbiesi tat-tieġ. “Kelli l-privileġġ li nagħmel tliet lbiesi tal-għarusa. Għalijja dik tfisser ħafna li raw ix-xogħol li nagħmel u għażlu li jafdawni f’waħda mill-isbaħ jiem ta’ ħajjithom,” stqarret Bartolo.  

Il-libsa finali
Il-libsa finali

‘Naħseb li f’Malta l-industrija tal-moda għamlet qabża kbira, fadal xi jsir, imma mixjin fid-direzzjoni t-tajba’  

Din il-gazzetta issa tistaqsi dwar l-industrija innfisha u dwar jekk ratx kambjament fiż-żmien li kienet tassisti aktar minn wara l-kwinti meta mqabbel mal-irwol tagħha ta’ din is-sena bħala disinjattriċi.  

Hija qalet li bħal kull industrija oħra hemm in-nuqqasijiet u spazju fejn isir titjib iżda temmen li fl-aħħar snin Malta rat qabża kbira. Qalet li pjattaformi bħal fashion week huma opportunità tajba biex tlaqqa’ d-disinjaturi kollha flimkien, juru l-kreattività tagħhom u fl-istess waqt tgħin biex disinjaturi li għadhom qed jibdew fid-dinja tal-moda jesponu l-ħidma tagħhom.  

“Jiena għadni żgħira u allura d-dinja tal-moda kibret miegħi. Kuntenta ħafna bix-xena lokali,” kompliet Bartolo.  

Issa xi jmiss?  

L-ILLUM tistaqsi wkoll dwar il-pass li jmiss għad-diżinjattriċi żagħżugħa. Bartolo fl-aħħar ta’ din l-intervista tgħid illi bħalissa qed titkellem ma’ Żibel biex tagħmel użu minn materjal ieħor li nġabar u qalet ukoll li dakinhar tal-isfilata ġiet avviċinata biex tagħmel parti minn sfilata oħra, organizzata speċifikament biex tippromwovi s-sostenibilità.  

Apparti minn hekk tgħid li għandha numru ta’ proġetti oħra ma’ klijenti inkluż li taħdem xi xogħol għal persuni biex jirriklamawhom waqt avvenimenti oħra. “Mill-bqija, se nħallikom bil-kurżità fuq proġetti oħra!” temmet tgħid mal-ILLUM Rachael Bartolo. 

More in Intervisti