Intervista | ‘Ma tistax tilgħab bil-ħajja ta’ mijiet ta’ immigranti biex twassal il-punt tiegħek’
Detenzjoni ħabs, distinzjoni bejn ir-refuġjati, Maltin imħassbin u kif ‘għenet’ il-Gwerra tal-Ukrajna fil-perċezzjoni tal-Maltin dwar ir-refuġjati. Dawn huma fost id-diversi affarjiet li staqsiet dwarhom il-gazzetta ILLUM lil Mariosa Caruana, koordinatriċi tal-Outreach fi ħdan is-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati. Dan propju fl-okkażjoni tal-ġimgħa iddedikata għar-refuġjati
minn Anthea Cachia
Għal ħafna l-baħar jirrappreżenta rilassament u trankwillità iżda għal eluf ta’ refuġjati li ta’ sikwiet jitilgħu fuq dgħajes wisq żgħar biex jilfħu għalihom, il-baħar jirrappreżenta xi ħaġa kompletament differenti. Għal ħafna refuġjati, il-baħar ifisser trawma, għax ma jafux hux se jergħu jimxu fuq l-art, għax ma jafux jekk sħabhom hux se jgħixu, għax telqu minn pajjiżhom u fuq kollox għax ma jafux x’se jsibu ma wiċċhom la darba jirnexxielhom jidħlu f’pajjiż.
Għal min ma jafx, din il-ġimgħa kienet il-ġimgħa iddedikata għar-refuġjati li fiha tlaqqa l-komunità ta’ refuġjati f’pajjiżna u li flimkien jaqsmu l-kulturi tagħhom ma’ xulxin. Bit-tema ta’ ‘March for Peace’ il-komunità fakkret għaliex in-nies kellhom jaħarbu minn dak kollu li hu familjari għalihom, mhux biex jgħixu ħajja komda, imma sempliċement biex jgħixu. Dwar dan, l-ILLUM titkellem ma’ Mariosa Caruana l-koordinatriċi tal-Outreach fi ħdan is-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati f’Malta (JRS). Caruana tkellmet ma’ din il-gazzetta fuq il-bżonnijiet tar-refugjati, ir-razziżmu, l-attitudni tal-poplu lejn refuġjati ta’ karnaġġjon skur u taqsam ukoll ir-rabja tagħha meta refuġjati tant fil-bżonn, speċjalment dawk fil-komunità LGBTQI, jiġu rifjutati l-ażil għax pajjiżhom huwa “sigur”.
‘Ma mmorrux fl-iskejjel, nitkellmu u daqshekk. Id-diskussjonijiet ikunu anke fuq dak li jikkonċerna lill-poplu Malti’
Qabel xejn tajjeb illi nsemmu li l-JRS ma nibtitx minn pajjiżna iżda hija għaqda internazzjonali li l-missjoni tagħha hi li takkompanja u sservi d-drittijiet ta’ refuġjati u persuni li qed ifittxu l-ażil. Fil-każ tal-JRS f’Malta, din taħdem fuq assistenza legali fosthom meta jkun hemm persuna li tixtieq tappella meta l-istatus tal-għażil jiġi rifjutat. Lil hinn minn hekk il-JRS Malta toffri wkoll serizzi psiko-soċjali, ta’ social workers u għandhom għad-dispożizzjoni infermiera għal dawk fil-bżonn.
Wieħed mill-aktar servizzi popolari u riċenti tal-JRS huwa dak tal-integrazzjoni, li jinkludi kif tagħlim u assistenza fuq affarjiet bażiċi u li ħafna minnha nieħdu forgranted, bħal pereżempju kif jinfetaħ kont il-bank, kif wieħed japplika għal xogħlijiet u kif issir CV, fost oħrajn.
“Meta imbagħad immorru fl-iskejjel nitkellmu fuq ir-razziżmu, il-hatespeech u ħafna drabi jkollna nispjegaw ukoll min hu refuġjat, xi ħaġa verament bażika,” qalet Caruana. Kompliet tispjega li l-JRS għamlet ukoll proġett ma’ anzjani u adulti permezz ta’ knejjes u proġett ieħor tar-rikonċiljazzjoni fejn l-għan tiegħu hu li jduru l-komunitajiet inkluż il-kunsilli lokali, parroċċi u mexxejja ta’ diversi gruppi ta’ immigranti biex janalizzaw dak li qiegħed jiġri fil-komunità biex tista’ tittieħed l-azzjoni. “Lil Maltin inkellmuhom ukoll biex naraw x’qed idejjaqhom u x’qed jogħoġobhom. Bħalissa qed niffokaw fuq il-Marsa u l-Ħamrun,” qalet Caruana.
Hawn l-ILLUM tistaqsi dwar it-tħassib li jiriċievu u kif jintlaqgħu ċertu laqgħat li jagħmlu. Twieġeb illi hemm ħafna li ma jkunux konxji tar-raġunijiet għaliex refuġjat jitlaq minn pajjiżu. “Meta tisjega lin-nies ir-realtajiet li kienu qed jaffaċjaw ir-refuġjati, jibdew jifhmu u jempatizzaw aktar. Ikun hemm ukoll min jgħid li ma jinteressahx, oħrajn jgħidulna li għandna problema kbira bil-popolazzjoni u nbdew niddiskutu. Iż-żgħażagħ inqas diffiċli tedukahom għax għadhom qed jitgħallmu u l-iskejjel, peress li jkunu mħalltin, ikunu draw aktar. Meta niġu għal etajiet ikbar tkun aktar diffiċli biex tneħħi ċertu mentalità.”
Qalet illi meta jduru l-komunitajiet, li jaraw ta’ spiss huwa l-fatt illi diversi anzjani jbiddlu l-perċezzjonijiet ta’ refuġjat meta jsiru jafuh. “Jgħidulek għandi l-ġar veru bniedem sew għax sirt nafu. Fil-verità dak hu l-bżonn, li nagħmlu sforz li nsiru nafu l-persuna u nwarrbu l-preġudizzju.”
‘Il-gwerra tal-Ukrajna għenet biex in-nies jifhmu aktar is-sitwazzjoni’
L-ILLUM twaqqafha u tistaqsi dwar il-gwerra tal-Ukrajna, partikolarment jekk il-fatt li ħafna pajjiżi Ewropej qed jagħtu l-għajnuna u jilqgħu r-refuġjati fi djarhom hux qiegħed jaffettwa l-attitudni tal-poplu Malti. Dwar dan, irrimarkat fil-pożittiv illi kien hemm bidla fil-mod ta’ kif iħarsu lejn xi ħadd li qed ifittex ażil għaliex ħafna nies setgħu jaraw b’għajnejhom l-effetti tal-gwerra. “Fil-verità, hawn aktar gwerrer madwarna, iżda xi kultant ninsewhom dawn il-pajjiżi.”
Apparti minn hekk temmen li fil-każ tal-Ukrajna, in-nies t’hemm barra kienu aktar lesti li jifhmu minn persuni li, fost oħrajn, ġejjin is-Sudan. “Din hi kwistjoni ta’ karnaġġjon, anke l-fat li l-Ukrajna ngħatat ċertu protezzjoni mal-ewwel. Għal refuġjati oħra li jingħataw protezzjoni mhix daqstant faċli,” qalet Caruana.
‘It-Tuneżija għal Malta hi sigura, imma kemm hi sigura biex persuni omosesswali jiġu ittorturati jew jintbagħtu l-ħabs?’
Din l-intervista issa ddur fuq il-lista’ ta’ pajjiżi li Malta tqis li huma siguri. Hawn Caruana, b’frustrazzjoni tgħid li ħafna refuġjati jkunu għamlu dak il-vjaġġ twil u perikoluż lejn Malta għalxejn, sempliċement għaliex ikunu ġejjin minn pajjiż f’għajnejn Malta huwa sigur, iżda fil-verità għal ċertu individwi ma jkun sigur xejn, sakemm mhux lesti li jgħixu ħajjithom b’ħafna ħabi.
Din il-lista tinkludi fiha l-Alġerija, l-Awstralja, l-Benin, il-Botswana, il-Brazil, ir-Repubblika tal-Kap Verde, iċ-Ċili, il-Kosta Rika, ir-Repubblika tal-Gabon, il-Gana, l-Indja, il-Ġamajka, il-Ġappun, New Zealand, is-Senegal, l-Istati Uniti, l-Urugwaj, il-Membri stati tal-Unjoni Ewropea kollha u Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA).
Dan filwaqt li l-lista tinkludi wkoll il-Bangladexx, l-Eġittu, il-Marokk u t-Tuneżija illi lkoll ma jippermettux l-omosesswalità. “Jekk taqa’ f’dawn il-pajjiżi kważi 99% jgħidulek li għalxejn ġew pajjiżna ifittxu l-ażil u jintbagħatu lura. Hawn postijiet ikkunsidrati siguri imma imbaghad ghal persuni omosesswali mhix
jiena nista’ immur vaganza fihom iżda xi ħadd li huwa omosesswali faċilment jista’ jeħel priġunerija, jiġi ttorturat jew maqtul. Allura kemm huwa sigur?” tistaqsi Caruana.
Issostni li n-narrattiva tal-politiċi hija tal-aħna u huma. “Għadna sa llum naraw kliem li jużaw l-awtoritajiet bħal pereżempju ‘clean-up’ u ‘innaddfu lil Malta’. In-narrattiva tal-Gvern taffettwa ħafna kif il-poplu jirraġuna u l-politika għandha influwenza kbira f’pajjiżna,” saħqet Caruana.
Kompliet tgħid li l-politiċi ma jiddistingwux min hu l-barrani “għax jibbenefika lilhom. Hemm barranin li jixtru ċ-ċittadinanza, oħrajn li jiġu Malta biex jaħdmu fuq il-kostruzzjoni, imbagħad hemm persentaġġ żgħir biss li huwa tar-refuġjati. Apparti minn hekk huwa żball illi nirreferu għar-refuġjati bħala imigrani illegali, li titlob ażil mhux illegali, huwa dritt fundamentali.”
‘Wasalna f’sitwazzjoni li meta ssir xi diżgrazzja, in-nies iwaħħlu fl-immigranti talli għerqu’
L-ILLUM tfakkarha f’diżgrazzja riċenti li ġrat mhux wisq ‘il bogħod minna. Kważi bħal-lum ġimgħa aktar minn 300 persuna mill-Pakistan għerqet qrib il-kosta tal-Greċja wara li ħarbet minn pajjiżha. Din il-ġimgħa smajna l-aħbar ukoll li sottomarin mimli biljunarji għereq fil-vjaġġ lejn it-Titanic. Kienu ħafna li kkritikaw lill-Gvernijiet internazzjonali hekk kif sar sforz tremend biex jinstabu l-ħames vittmi fis-sottomarin iżda li dan l-istess sforz ma kienx reċiprokat mal-Pakistani u ma mijiet oħra li għerqu ħdejn il-Canary Islands fi Spanja nhar l-Erbgħa u dawk li tilfu ħajjithom ħdejn il-kosta tal-Greċja.
“Din l-istess bħal meta kellna l-każ ta’ Crotone, kienu mietu 67 persuna. Dawn id-diżgrazzji jqabbdu dwejjaq kbar speċjalment minħabba li dawn jiġru ferm aktar milli nħasbu. Dik ta’ Crotone stajna naraw b’għajnejna x’impatt ħalliet, b’bajja mimlija krakar tal-adulti, żraben tat-tfal, fliexken tal-ħalib tat-tfal u ħwejjeġ,” qalet Caruana filwaqt li żiedet illi traġedji bħal dawn iseħħu kważi darba fix-xahar.
Qalet li l-ikbar diżgrazzja mhix biss meta jintilu l-ħajjiet iżda meta l-pajjiżi tant joqgħodu jiġġieldu u jilletikaw bejniethom li jaħlu ħafna ħin. Apparti minn hekk tgħid li aktar kemm jgħaddi l-ħin aktar iżid iċ-ċans li jiġri xi ħaġa u jmutu n-nies bejn sema’ u ilma. “Il-Gvernijiet qed jilgħabu bil-ħajja ta’ mijiet ta’ persuni fuq dgħajsa biex jaraw min se joħodhom u jwasslu l-punt tagħhom? U sadanittant dawn ir-refuġjati qishom pupu fin-nofs. Din hija diżgrazzja u diżunur kbir għalina,” sostniet Caruana.
Lejn l-aħħar ta’ din l-intervista hija għamlet aċċenn għaċ-ċentri tad-detenzjoni u li għar-refuġjati dawn huma trawma addizzjonali u mhux neċessarja għal dawn ir-refuġjati. “Is-sistema tad-detenzjoni hi tal-biża’. Hemm min idum hemm 18-il cahar ibagħti s-sħana kiefra tas-sajf u l-kesħa kbira tax-xitwa,” temmet tgħid mal-ILLUM il-koordinatriċi tal-Outreach tal-JRS Mariosa Caruana.