Intervista | ‘Biskuttini f’ħalq il-ħmir! Għafsa ta’ qalb nara l-Malti jispiċċa lingwa barranija f’pajjiżu stess’

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-Professur Albert Borg, rebbieħ tal-Premju ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ u titkellem miegħu dwar it-tagħlim tal-Malti u l-futur ta’ din il-lingwa li tagħmilna Maltin 

Il-Malti jagħtina identità. Din ngħiduha ħafna iżda kemm qed napprezzaw verament din il-lingwa li tagħmilna Maltin? Qed nagħtuha l-ġenb? Il-Malti għadu jiżviluppa jew se jmut mewta naturali? Il-gazzetta ILLUM tpoġġi bilqiegħda mal-Professur Albert Borg li fl-aħħar ġimgħat ingħata “Ġieħ l-Akkademija tal-Malti,” għall-ħidma li hu wettaq fil-qasam tal-Malti, partikolarment fil-lingwistika.  

Bilqiegħda fil-ġnien tad-dar tiegħu, l-ILLUM bdiet titkellem mal-Professur Borg dwar il-ħidma kbira li huwa wettaq tul is-snin, b’mod partikolari fil-qasam tal-lingwistika li tiegħu huwa awtorità.  

Borg kien ilu 47 sena jgħallem fl-Università ta’ Malta. Gradwa għall-ewwel darba fil-Malti fl-1972 u għamel sena wieqaf jistenna li jingħata scholarship fl-Italja, kif kien jingħata kulħadd. 

“Jiena qatt ma kont membru tal-ebda partit u dan l-ischolarship ma ridux jagħtuhuli. Biex ma naħlix żmien, kont għamilt sena naħdem mal-Għaqda Biblika Maltija li kienet bdiet tintroduċi l-Bibbja bil-Malti mil-lingwi oriġinali. Jiena waħdi kont diġà studjajt l-Għarbi u l-Ebrajk,” spjega Borg. 

Iżda l-ischolarship riedu akkost ta’ kollox u missieru ħallaslu l-vjaġġ u eventwalment tela’ jistudja l-Italja.  

“Kont nistudja qisni bagħal biex infittex niġi lura biex ikolli xogħol fiss għax kien iż-żmien diffiċli meta riedu jagħlqu l-Università,” qal Borg. “Meta raw id-determinazzjoni tiegħi, it-Taljani kellhom xi flejjes mhux minfuqa u tawni borża ta’ studju żgħira. Kors ta’ tliet snin għamiltu f’sentejn.” 

Lura Malta, ġie impjegat minnufih fid-Dipartiment tal-Malti. Fl-1977 mar Edinburgh biex jagħmel id-Dottorat u l-istess bħall-kors ta’ qabel, irnexxielu jlesti l-kors qabel iż-żmien. 

“Mingħajr dottorat ma kienx ikollok kuntratt fiss u billi kien hemm il-ħin kollu dan il-periklu li se tingħalaq l-Università, kont mgħaġġel. Ħaffift il-kors u fl-1979 ġejt lura u tliet xhur wara, il-Gvern ta’ dak iż-żmien, immexxi minn Mintoff, għalaq il-Fakultà tal-Arti. Kien żmien ta’ inkwiet kbir. Kelli kuntratt ġdid u fi żmien tliet ġimgħat kelli niffirma kuntratt ġdid biex nidħol fil-Fakultà tal-Edukazzjoni,” kompla jirrakkonta l-Professur. 

Dan iż-żmien ma kien faċli xejn tant li Borg sejħilhom bħala “tmien snin kalvarju.” Spjega kif ħafna minn dawk imlaħħqa fil-Fakultà tal-Edukazzjoni kienu inqas ikkwalifikati minnhom u kienu jgħiru għalihom. 

Fl-1987 reġgħet twaqqfet il-Fakultà tal-Arti u anke d-Dipartiment tal-Malti fi ħdanha li l-Professur għamel sentejn imexxi. Fl-istess żmien kien qed iwaqqaf l-Istitut tal-Lingwistika. 

X’inhi l-lingwistika? Għaliex iffoka fuqha? 

Fil-fatt, kif spjegat qabel, il-Professur Borg jispeċjalizza fil-lingwistika li hija dik ix-xjenza li tistudja l-lingwa. Bosta huma aktar familjari ma’ dik li tissejjaħ il-lingwistika storika, jiġifieri minn fejn ġej il-Malti. 

“Imma dik hija nofs l-istorja biss. Jekk nistaqsu xi trid tkun taf it-tarbija biex tkun taf titkellem il-Malti, it-tweġiba hija li din la trid tkun taf l-Għarbi u lanqas it-Taljan, imma eluf u eluf ta’ regoli li jagħmlu l-Malti dak li hu. Din tissejjaħ il-lingwa sinkronika, jiġifieri tistudja l-Malti kif inhu artikolat fih innifsu, indipendentament minn fejn ġej,” spjega l-Professur. 

Għalhekk, waqt li l-istorja tal-lingwa hija interessanti mmens, fl-istess żmien ma tistax titraskura l-aspett l-ieħor u l-Professur Borg iddedika l-ħajja akkademika tiegħu biex jistudja dan it-tieni aspett li ftit qablu kienu ħarsu lejh. 

“Dan l-aspett ukoll huwa vast ħafna għax fih għandek il-fonoloġija, il-morfoloġija, is-sintassi u oħrajn. Jiena għażilt l-aktar qasam li dak iż-żmien ma kienx studjat, jiġifieri s-sintassi tal-Malti, jiġifieri l-mod kif il-Malti jartikola l-kliem flimkien biex jibni sentenzi u jkun jista’ jesprimi x-xewqat u l-emozzjonijiet tiegħu etċ,” kompla jispjegalna fid-dettall il-Professur. 

‘Donnu ma għandnix fiduċja li t-tfal kapaċi jitgħallmu lingwi kemm iridu’ 

Il-gazzetta tistaqsi lill-Professur jekk jinkwetahx il-fatt li llum il-ġurnata, anke fid-djar, il-Malti sar kważi t-tieni lingwa, bil-ġenituri jkellmu lil uliedhom bl-Ingliż u dan apparti li t-tfal kontinwament qed ikunu esposti għall-materjal bl-Ingliż, inkluż fuq il-midja soċjali. 

“Għafsa ta’ qalb,” beda jwieġeb il-Professur Borg waqt li saħaq li l-problema hija ħafna aktar wiesgħa mil-lingwa. 

 “Illum jiena għandi 72 sena u nħares madwari u nara l-isfreġju ekoloġiku li għamilna minn gżiritina. Illum kuntenti ngħixu ġo gabubi l-aqwa li għandna l-flus. Dan juri x’valuri għandna,” insista l-Professur. 

Lura għal-lingwa, l-espressjoni li uża l-Professur Borg biex jispjega din is-sitwazzjoni hija “biskuttini f’ħalq il-ħmir.” Fi kliemu, sa ftit snin ilu, il-barranin kienu jgħiru għall-Maltin minħabba l-lingwi li jitkellmu. Fakkar kif fil-ġenerazzjoni tiegħu, għax kienu esposti għat-televiżjoni Taljan, kienu jitgħallmu t-Taljan qabel imorru l-iskola, apparti l-Malti u l-Ingliż. 

“Illum it-Taljan huwa kompletament lingwa barranija u anke l-Malti qed jispiċċa lingwa barranija f’pajjiżu stess. Donnu l-Maltin ma għandhomx fiduċja biżżejjed fil-fatt li t-tfal tagħhom, bażikament sal-pubertà, għandhom il-kapaċità li jitgħallmu lingwi kemm iridu. Jiena naf nies li bla ebda sforz ta’ xejn jitkellmu sitt lingwi sempliċiment għax kienu esposti għalihom,” qal Borg. 

‘Il-Malti kelb miegħu nnifsu ... dak li hu tiegħu jarmih’ 

Kien hawn li saħaq li ma tagħmilx sens din “il-biżgħa” li bħal donnu għandhom ċertu ġenituri li jekk lil uliedhom ma jagħlmuhomx l-Ingliż qabel il-Malti, dawn mhux se jikbru jafu jitkellmu Ingliż sew. 

“Ħadd mhu qed jgħid li l-Ingliż mhuwiex importanti. Dan huwa ġid nazzjonali u rigal li tatna l-istorja imma anke l-Malti huwa importanti. Ikun hemm min jistaqsini għaliex huwa importanti. Il-Malti jagħtina identità! Ħares lejn il-festivals tal-kanzunetti li nagħmlu. X’nagħmlu differenti minn festival simili li qed isir f’Kalifornja. Għandna xi ħaġa li hija tagħna u li qed nagħtuha l-ġenb,” kompla l-Professur Borg. 

Hawn reġa’ tenna li dan huwa sintomu mifrux ħafna fis-soċjetà Maltija u biex ikompli jenfasizza dan, uża l-metafora ta’ meta fis-snin sittin ġew ħafna antikwarji Taljani u bdew jixtru l-gradenzi Maltin li llum jiswew eluf kbar. 

“Kienet daħlet il-moda tal-għamara tal-plywood li l-Ħamrun kien miżgħud biha. It-Taljani kienu jixtru lill-Maltin gradenza tal-plywood li tiswa ċuċata biex jieħdu magħhom u jirrestawraw dawn il-gradenzi li jiswew l-eluf. Dawn huma l-gradenzi ffortunati għax oħrajn spiċċaw għand tal-forn. Ara ftit il-Malti kemm hu kelb miegħu nnifsu. Dak li hu tiegħu, jarmih,” kompla l-Professur. “Għandna l-irħula li huma ġojjell ta’ arkitettura rurali u qed neqirdu kollox. L-istess qed nagħmlu bil-lingwa. Tlifna ħafna valuri.” 

‘Nippreferi ortografija ftit batuta imma nsalva l-lingwa’ 

Iżda l-ILLUM tistaqsih jekk jistax ikun li anke l-akkademiċi għandhom ftit tat-tort. Tagħtihom tort lill-istudenti li jaqtgħu qalbhom u jwarrbu l-Malti meta flok qed nagħlmuhom dak li hu sabiħ fil-Malti spiċċajna ffissati wisq fir-regoli, fl-ortografija u f’poeżiji ta’ għexieren jekk mhux ukoll mijiet ta’ snin ilu? 

Il-Professur qal li din hija xabla taqta’ miż-żewġ naħat. Fi kliemu, ma jistax ikollok lingwa li l-ortografija tagħha mhijiex standardizzata.  

“Ħadd ma jgorr kemm hu diffiċli l-Ingliż biex jinkiteb għax tant jintuża, li r-regoli li jiġġeneraw ortografija korretta bl-Ingliż nidrawhom u kelma niktbuha tajjeb mill-ewwel,” insista l-Professur. 

Mill-banda l-oħra, peress li l-Malti ma tantx jintuża (lanqas għall-qari), dawn ir-regoli tal-Malti ma tantx huma familjari u kull darba trid toqgħod taħseb kelma kif tinkiteb. 

“Iżda kieku kelli niżen, nippreferi jkolli ortografija ftit batuta imma nsalva l-lingwa. Sfortunatament hawn min jaħseb li l-Malti jibda u jispiċċa mal-ortografija u ma nagħtux kas li qed nitilfu ħafna kliem, espressjonijiet, qwiel u idjomi,” insista Borg. “L-għerf tal-Malti li hemm miġbur fil-qwiel huwa impressjonanti. Uħud minnhom kapolavur.” 

‘Jekk se niffissaw fuq Malti tajjeb fil-midja soċjali, anke minn hemm se nitilfuh’ 

Tkellimna wkoll dwar l-użu tal-Malti fuq il-midja soċjali u l-iżbalji ortografiċi li ħafna drabi tara, inkluż mill-awtoritajiet u nies prominenti. Hawn il-Professur ma tantx deher inkwetat għax fi kliemu “iż-żejjed huwa ħu n-nieqes.” 

Fi kliemu, il-midja soċjali hija magħmula biex persuna tikkomunika malajr b’mod immedjat u allura hawn ma jinkwetahx il-fatt li ġieli tinqabeż xi “għ” jew xi “ie.” 

“Jekk se noqogħdu nikkritikaw għax il-Malti mhux jintuża tajjeb fuq il-midja soċjali, lanqas hemm mhu se jibqa’ jintuża,” kompla Borg. “Irridu nkunu ftit realistiċi. Irridu nsalvaw dak li għadna nistgħu nsalvaw. Illum qed isiru sforzi kbar anke minn edukaturi biex itellgħu materjal edukattiv fuq il-midja soċjali.” 

‘Meta studjajt l-Italja kelli nagħmel eżami tat-Taljan bażiku ... aħna din lanqas nikkunsidrawha’ 

L-ILLUM tistaqsih dwar l-iskejjel, speċjalment dawk primarji u jekk jaħsibx li dawn ukoll qed jagħtu l-ġenb il-Malti. Jista’ jkun li dawn huma kostretti jagħmlu dan, anke għax il-klassijiet ikunu mħallta u għalliem ġieli jkollu quddiemu aktar studenti barranin milli Maltin? 

Il-Professur Borg mill-ewwel wieġeb li ma jaqbilx ma’ min jgħid li l-iskejjel qed ikunu “kostretti” jagħmlu dan għax il-klassijiet huma mħallta. 

“Meta mort nistudja l-Italja biex nidħol l-Università l-ewwel ridt nagħmel eżami tat-Taljan bażiku. X’nippretendi jien? Immur l-Italja u għall-ħelu wiċċi jgħallmu kollox bl-Ingliż? Aħna diġà battalja mitlufa. Lanqas nipprovaw niddiskutu din il-possibbilità.” 

Irrefera għall-kunċerti li l-iskejjel jorganizzaw għall-Milied. Spjega kif mar fi skola ta’ waħda min-neputijiet u l-ispettaklu kien kollu bl-Ingliż. Mill-banda l-oħra faħħar l-iskola tan-neputija l-oħra għax l-ispettaklu kien bil-Malti u l-istudenti barranin ġew mgħejjuna jitgħallmu l-parti tagħhom bil-Malti. 

“Qed tara kif dan nistgħu nagħmluh. Jekk ikollok ċorma tfal jilagħbu u f’nofshom titfa tifel li qatt ma tkellem il-Malti, fi żmien siegħa, il-vokabularju li hemm bżonn biex jikkomunika magħhom, ikun diġà ħakkmu. Mhux qed ikollna biżżejjed fiduċja fir-riżorsi intelletwali tagħna. Ħabib tiegħi miżżewweġ Sqallija. Binhom, ta’ sitt snin, mingħajr l-ebda sforz żgħir jitkellem tliet lingwi. Il-problema aħna qed noħolquha,” insista. 

Il-Malti għandu futur? Se jispiċċa? 

Fid-dawl ta’ dan kollu l-ILLUM tistaqsi lill-Professur Borg jekk il-Malti għandux futur jew inkella hux se jispiċċa jmut mewta naturali. Biex jispjega dan, il-Professur uża metafora oħra. 

Qalilna nimmaġinaw li fid-dinja tisplodi bomba nukleari u jsalva biss grupp żgħir ta’ Amerikani li kellhom aċċess għall-bunkers. Jgħaddu s-snin u dawn joħorġu mill-bunkers u d-dinja terġa’ tibda tiġi ppopolata bis-saħħa ta’ dawn l-Amerikani. Fi ftit snin jerġa’ jkollna lingwi differenti għax il-bniedem, fin-natura tiegħu, jiddiversifika. 

“Anke kieku stess kellu jispiċċa l-Malti u nitkellmu l-Ingliż biss, l-Ingliż tagħna jkun differenti minn dak ta’ ħaddieħor,” kompla jgħidilna l-lingwista.  

Fil-fatt, ftit tas-snin ilu, l-Istitut tal-Lingwistika kellu kuntatt ma’ dipartiment Ġermaniż li jismu ‘Department of World Englishes.’ 

“Kienu interessanti fina għax stajna nagħtuhom eluf ta’ kliem li huwa meqjus bħala ‘Maltese English.’ L-Ingliż f’Malta huwa differenti mill-Ingliż fil-Pakistan jew postijiet oħra u dan huwa riżultat ta’ taħlit bejn il-lingwa nattiva, bħalma hu l-Malti u l-lingwa l-oħra. L-Ingliż li nitkellmu f’Malta huwa sa ċertu punt uniku u diġà huwa l-bidu ta’ lingwa differenti,” kompla jispjega l-Professur. 

Kien hawn li qal li anke jekk ma jistax jgħid x’se jiġri bil-Malti, jinsab ċert li se jinbidel kif rah jinbidel hu stess f’ħajtu. Biex jispjega dan, il-Professur qasam eżempju wieħed bil-kelma “raha,” jiġifieri ‘ra lilha.’ Illum, bosta huma dawk li l-“h” li hija silenzjuża, saru jlissnuha daqslikieku kienet “ħ.” 

“Anke fi żmien ta’ ħajja waħda tinbidel il-lingwa,” insista Borg. 

Taħseb li l-Malti waqaf jiżviluppa? 

Iżda l-ILLUM tistaqsi lil Borg jekk jaħsibx li l-Malti tgħażżen u waqaf jiżviluppa. Fejn il-Malti kien jieħu kliem minn lingwi oħra, ilibbishom il-libsa morfoloġika tiegħu u jkompli jiżviluppahom, anke fejn tidħol it-tifsira, issa donnu ma għadux jagħmel hekk. Mal-Professur semmejna kliem bħal ‘fridge,’ ‘cooker,’ jew oħrajn. Dawn daħlu fil-Malti u baqgħu kif kienu iżda t-Taljani, biex nieħdu eżempju wieħed, ħolqu kliem ieħor għalihom. 

Il-Professur Borg beda jfakkar li t-Taljani u popli oħra ma għandhomx kulturi bilingwi bħal Malta. Fakkar kif fis-sittinijiet, kien hawn moviment biex il-Malti jdaħħal kliem bħal ‘mitjar’ minflok ‘ajruport’ jew ‘mirmed’ għal ‘ash-tray.’ Iżda dawn ma qabdux u mietu mewta naturali. 

“Dejjem jiddependi l-kuntest. Aħna mdorrija b’kultura bilingwi, aħna mdorrija bl-Ingliż magħna. Imma, jekk toqgħod attent, tinduna li dan il-kliem tajnih timbru. Kelma bl-Ingliż, faċli nagħtuha l-plural Malti. Anke l-fonoloġija Maltija daħlet fil-kelma Ingliża. Il-mod kif inlissnu kliem Ingliż huwa differenti. Dak huwa Ingliż ta’ Malta. Vera użajna l-kelma bl-Ingliż imma xorta naddattawha,” spjega l-Professur Borg waqt li fakkar li l-istess fejn jidħlu l-verbi. Verb bl-Ingliż xorta waħda jintgħaġen bil-Malti. 

Lejn l-aħħar tal-intervista, l-ILLUM tkellmet mal-Professur Borg dwar “Ġieħ l-Akkademja tal-Malti” u dan xi jfisser għalih. Beda jispjega kif anke jekk hu dejjem ħadem bla daqq ta’ trombi, dejjem ħass li kellu “missjoni” biex jaħdem u jkompli jistudja l-Malti, anke fi żmien diffiċli li semmejna qabel, meta ħafna mill-kollegi tiegħu telqu ‘l barra mill-pajjiż. 

‘Kont inħares f’għajnejn l-istudenti u ninduna meta jkunu fehmu ... dak rigal’ 

Insista li bl-appoġġ ta’ martu baqa’ hawn u dejjem ħadem mingħajr qatt ma stenna l-proset.  

“Jiena dejjem ridt inkun paċi miegħi nnifsi billi nagħmel dak li dejjem ħassejt li kelli nagħmel. Meta qaluli li jridu jagħtuni dan il-ġieħ, għall-ewwel tlabthom jagħtuh lil ħaddieħor imma kienu se jieħdu għalihom,” qalilna bid-daħqa. “Aċċettajtu u apprezzajt ħafna.” 

Illum il-Professur Borg huwa rtirat u l-ILLUM tistaqsih jekk jimmisjax l-ambjent tal-klassi.  

“Fis-snin kollha li kont ngħallem dejjem ipprovajt li nħares f’għajnejn l-istudent. Xi drabi tgħid xi ħaġa u tara għajnejn student jixgħelu. Tinduna li fehem. Dak il-kuntatt huwa rigal kbir. Il-klassi nimmisjaha,” kompla jgħidilna. 

‘Ejja nservu lill-pajjiżna ... il-Malti huwa biss parti żgħira minn dak li aħna’ 

Fl-aħħar nett, tlabna lill-Professur Borg jgħaddi messaġġ dwar il-Malti, iżda hu talabna jgħaddi messaġġ aktar wiesgħa. 

“Jiena pprovajt nagħti servizz lill-pajjiżi. L-appell tiegħi huwa biex inħobbu lill-pajjiżna u l-valuri ta’ pajjiżna. Importanti li nkunu nafu minn aħna. Fl-iskejjel spiċċa t-tagħlim tal-istorja u din hija ħasra,” qalilna l-Professur. 

Fi kliemu, il-Malti tilef ir-rabta tiegħu mal-art u għalhekk ma għandux sens ta’ sħuħija.  

“Ejja nservu lil dan il-pajjiż li qed iżommna. Il-Malti huwa biss parti żgħira minn dak li jagħmilna dak li aħna. Għandna teżor. Ejja napprezzaw u ma nkunux bħall-biskuttini f’ħalq il-ħmir,” temm jappella Borg. 

More in Intervisti