'Dawk li jiddependu mill-benefiċċji naqsu bin-nofs u dawk fuq il-benefiċċju tal-qgħad naqsu b'80%... Xi ħaġa tajba qegħdin nagħmlu!'

Benefiċċji, pensjonijiet, skemi... Kollox joħroġ mill-Ministeru ta' Michael Falzon - l-aktar Ministeru li jiswa' flus lil dan il-pajjiż. Imma sirna wisq dipendenti fuq il-benefiċċji? U mhux aħjar jiżdiedu l-pagi milli ċekk? Falzon iwieġeb... 

Il-Baġit issa tressaq u filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jinsab fl-attenzjoni tal-midja ħafna jinsew li minkejja kollox l-akbar baġit - miljuni fuq miljuni fuq miljuni - imorru għal dak il-Ministeru li jinsab f'Palazzo Ferreria - dak il-bini maestuż faċċata tat-teatru mwaqqa', jiġifieri l-Ministeru għall-Politika  Soċjali u Drittijiet tat-Tfal li huwa reponsabbli għall-pensjonijiet u l-ħemel ta' benefiċċji soċjali li jitħallsu lil eluf kbar ta' nies.  

Kemm hu l-baġit allokat għal dan il-Ministeru din id-darba u kif jikkumpara mas-sena ta' qabel? 

Il-Ministru Michael Falzon jgħid illi s-sena l-oħra dan il-Ministeru kellu bbaġittjat għalih somma totali ta' €1.8 biljun u din is-sena €1.95 biljun - somma rekord li jfakkar illi dejjem qed tiżdied. Falzon fakkar li €1.4 biljun minn dawn il-flus imorru għal benefiċċji soċjali filwaqt li l-bqija jmorru għal entitajiet bħall-FSWS, ftehimiet ma' għaqdiet non governattivi u aktar.  

Allura jkun hemm min jirrimarka jew jistaqsi jekk sirniex wisq dipendenti fuq il-benefiċċji u l-Gvern "Big Daddy" li jqassam iċ-ċejċa, tinnota l-ILLUM.  

Fl-2012 kellna eluf ta' anzjani li lanqas biss setgħu jsaħħnu darhom. Taf kemm naqsu dawn illum? B'65,000. Biżżejjed? Qatt mhu biżżejjed Michael Falzon

Falzon qal illi x-xibka ta' ħarsien soċjali tibqa' importanti u neċessarja għal kull ekonomija, sinjura jew le għax "dejjem se jkollok faxxa għal raġuni jew oħra li ma jipparteċipawx daqstant fl-ekonomija għal raġunijiet diversi, fosthom mard u allura li jkollhom bżonn l-għajnuna." 

Huwa qal li filwaqt illi l-kontribut tal-Gvern vera żdied, in-nies fuq il-benefiċċji naqsu, minn madwar 14,150 fl-2013 għal ftit aktar minn 6,000 persuna issa. 

"U ma ninsewx li l-pensjonijiet biss, biss - u mingħajr ma tqis il-COLA - żdiedu b'€14.17ċ fil-ġimgħa. Issa aħna f'Malta għanda madwar 95,000 persuna li tirċievi pensjoni jiġifieri ara kemm żdiedet in-nefqa," sostna Falzon li fakkar kif fl-aħħar snin, apparti dawn iż-żidiet, inħolqu għotjiet għal dawk li jiffosterjaw, għall-Carers u anke għal min jadotta. 

'Wara 31 sena... Kien dan il-Gvern li laħaq ftehim fuq il-paga minima' 

Il-gazzetta tfakkru illi filwaqt li huwa tajjeb li jiżdiedu l-benefiċċji u jingħataw iċ-ċekkijiet, ma jkunx aħjar li naraw kif tiżdied il-paga minima biex tkun aktar diċenti u tlaħħaq aktar mal-ħajja jew inkella li jiddaħħal il-kunċett tal-Living Wage? U fuq din tal-Living Wage għaliex kliem biss sar?  

Il-Ministru beda billi tkellem fuq il-paga minima li jfakkar li kienet ddaħħlet ħafna snin ilu u li għal 31 sena sħaħ ma ċċaqalqitx. "Kien dan il-Gvern li laħaq ftehim fuq il-paga minima u konna għidna illi din se tkun riveduta kull tmien snin." Huwa qal illi meta l-Gvern kien iffirma dan il-ftehim kien deċiż illi min jidħol jaħdem f'post tax-xogħol b'paga minima, wara sena min jimpjegah irid iżidlu l-paga bi €3 fil-ġimgħa.  

Huwa kompla jgħid li jekk il-Gvern ikollu pjan fit-tul u jiġri xi ħaġa - bħal ma ġara bil-gwerra tal-Ukrajna - ikollu jintervjeni u jieħu azzjoni, anke jekk tmur lilhinn mill-pjan fit-tul.  

"L-Oppożizzjoni l-ewwel qalulna nagħmlu xi ħaġa biex nilqgħu għaż-żieda fil-prezzijiet u biex ma noqgħodux nistennew il-baġit biex inħabbru l-COLA għax in-nies qed ibatu. Imbagħad għax għamilna proprju hekk, qed jikkritikawna għax jgħidu li ma aħniex inħarsu fit-tul." 

Huwa qal li kien għalhekk li l-Gvern ħabbar miżuri li jitrattaw l-immedjattezza tal-problema.  

Dwar il-Living Wage Falzon qal biss li hemm bżonn diskussjoni u jfakkar li fil-fatt hemm direttiva ewropea li bdiet titkellem proprju dwar dan.  

Riċentement studju ippubblikat minn numru ta' esperti u kkummissjonat mill-General Workers Union, Alleanza Kontra l-Faqar u Moviment Graffitti wera illi biex familja ta' żewġt 'itfal tgħix ħajja diċenti, komda u adegwata, bi nfiq annwali ta' madwar €24,161 fis-sena, din għandha bżonn dħul ta' madwar €28,017, jiġifieri bejn €25,300 u €30,734, fis-sena. 

Jaqbel ma' sħubija obbligatorja f'unjin? 

Jemmen li l-isħubija f'unjin għandha tkun obbligatorja kif kien inizzjalment issuġġerixxa l-eks Prim Ministru Joseph Muscat?  

Il-Ministru Michael Falzon ifakkar li wieħed mill-prinċipji fil-Kostituzzjoni hija li persuna jkollha d-dritt ta' assoċjazzjoni biex tħares id-drittijiet tagħha u jfakkar li Direttiva oħra tal-UE li qed tkun diskussa qed tisħaq illi d-dritt tal-assoċjazzjoni għandu jkun inkoraġġit u mhux skoraġġit. 

Minkejja dan wera' ċerti riservi għal kemm sħubija f'unjin għandha tkun obbligatorja, għax fakkar illi daqs kemm hemm dritt li persuna tassoċja lilha nnifisha ma' għaqda, daqshekk ieħor għandha dritt ma tassoċjax. 

'Fi 22 sena l-PN ma tax ċenteżmu wieħed żieda lill-pensjonanti' 

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li r-Retail Price Index - jiġifieri dak il-basket ta' prodotti li jintuża biex tinħadem il-COLA - jkun differenti għall-anzjani. Jaqbel? 

Falzon jisħaq illi hija ftit ironika li l-Partit Nazzjonalista qed jitkellem dwar l-anzjani u ż-żidiet għal dawn, "meta fi 22 sena sħaħ dawn lill-pensjonanti ma tawhomx ċenteżmu li hu ċenteżmu wieħed żieda. Il-COLA biss kienu jieħdu u kien hemm żmien li lanqas din ma kienu jieħdu kollha, għax kienu jingħataw żewġ terzi tal-COLA," fakkar Falzon.  

Kompla billi ammetta li huwa veru illi l-pensjonanti għandhom bżonnijiet differenti għalkemm fakkar ukoll li l-Gvern qed jgħin b'modi differenti billi - fost oħrajn - qed iżid dejjem aktar il-mediċini fil-formularju, filwaqt li jgħid illi llum "ma għadniex nisimgħu bil-pilloli out-of-stock' 

"Fl-2012 kellna eluf ta' anzjani li lanqas biss setgħu jsaħħnu darhom. Taf kemm naqsu dawn illum? B'65,000. Biżżejjed? Qatt mhu biżżejjed fis-soċjal, imma ejja napprezzaw dak li sar u kemm hemm modi differenti li bihom persuna tista' tingħata l-għajnuna."  

Għalhekk huwa temm jgħid li jekk hemmx bżonn bidla jew le fir-Retail Price Index għandu jkun suġġett ta' diskussjoni, bħal ma ġara fil-każ tal-paga minima.  

'Qalbna mal-persuni b'diżabilità' 

Għal mument qasir jitkellem ukoll dwar il-Carers Grant li kien daħħal dan il-Gvern u li sa sentejn ilu - meta saret - kienet €300. Illum il-Gvern ħabbar li din issa se titla' minn €500 (kif tħabbar fil-baġit tas-sena l-oħra) għal €4,500.  

Huwa fakkar li din l-għajnuna se tkun qed tingħata lil dawk il-ġenituri ta' tfal b'diżabilità li ma jistgħux imorru jaħdmu propju biex jieħdu ħsieb lil uliedhom.  

Huwa fakkar li apparti l-persuna li tkun qed tiddedika ħajjitha għal wild tagħha l-Gvern lil wild b'diżabilità wkoll jagħtih il-paga minima sħiħa.  

Filwaqt li qal illi din il-miżura taffetwa mijiet ta' nies, qal ukoll illi din turi kemm il-Gvern għandu għal qalbu s-settur ta' diżabilità.  

COLA: 'Tista' twassal għal aktar inflazzjoni...' 

Imma fis-soċjetà li ngħixu fiha mhux fqar u sinjuri biss jeżistu. Hemm faxxa kbira u maġġoritarja ta' nies li qegħdin ximkien fin-nofs. Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru kif hemm ħafna nies, f'diversi setturi li jaqbdu bejn wieħed u ieħor €1,200 jew €1,300/€1,400 kull xahar. Nies li ħafna drabi ma jibbenefikawx mill-ħafna benefiċċji soċjali tal-Gvern. Allura għal dawn ħaseb il-Baġit, jew dawn biex iħallsu t-taxxi biss tajbin? 

Il-Ministru Falzon wieġeb billi staqsa jekk dawn in-nies li qed insemmu humiex qed igawdu minn benefiċċji oħrajn. "Għandna servizz tas-saħħa - fost l-aqwa fid-dinja - b'xejn. Għandna iċ-Childcare b'xejn, għandna trasport għall-iskejjel b'xejn u issa anke trasport pubbliku b'xejn... Dawn kollha mezzi biex tgħin," saħaq mal-ILLUM.  

Huwa iżda fakkar ukoll illi f'dan il-baġit il-Gvern daħħal mekkaniżmu ta' għajnuna lil dawk kollha li jaqbdu inqas minn €17,700 (Median Income) - liema għajnuna se tkun qed tingħata qabel il-Milied. "Dan qed nagħmluh biex intejbu l-kwalità tal-ħajja u nerġa' nfakkar li naqsu bin-nofs dawk li jiddependu fuq il-benefiċċji filwaqt li rajna tnaqqis ta' 81% f'dawk li qegħdin fuq il-benefiċċju tal-qgħad. Xi ħaġa tajba qed nagħmlu."  

Jibża' imma li ż-żieda fil-COLA - anke jekk hija parti minn mekkaniżmu - tista' twassal għat-tieni mewġa inflazzjonarja? Kumpanija ta' 30 ħaddiem se tara spiża ta' €15,500 aktar b'din il-miżura. Ma jibżax li dawn l-ispejjeż addizzjonali jaf jispiċċaw għand il-konsumatur fi prezzijiet ogħla? Deħlin f'ċirku vizzjuż? 

Huwa qal illi fl-ekonomija din tissejjaħ Spiral of Inflation. Meta tieħu miżuri biex jilqgħu għall-inflazzjoni li jwasslu biex proprju tiżdied l-inflazzjoni.  

"Profeta m'inix imma jista' jkun li jiġri hekk," qal Falzon li saħaq illi dak li wieħed jista' jkun ċert minnu llum huwa li l-idea ta' ċikli ekonomiċi ta' 10 snin ma għadhiex tgħodd. "F'Jannar li għadda ħadd ma kien qed jaħseb jew jimmaġina li se nkunu qed nitkellmu dwar kriżijiet ta' ikel u prezzijiet ħafna ogħla ta' gass. Issa jiena naf li kulħadd jara butu, imma aħna bħala Gvern ilqajna billi ssussidjajna l-enerġija u anke l-qmugħ u ċ-ċereali li minnhom jkollna l-ħobż, l-għaġin u anke l-ġwież tal-annimali u allura l-laħam," kompla jgħid.  

Il-gazzetta tistaqsi imma kemm il-Gvern qed jaħdem biex Mata ssir aktar self sufficient fl-ikel. Huwa jgħid li ħidma qed issir u jagħmel referenza għal-liġi tal-qbiela. Jgħid ukoll li hemm fejn kapaċi l-pajjiż iżid fil-produzzjoni ta' ikel, iżda jgħid ukoll illi hija diffiċli li bħala pajjiż inkunu totalment self sufficient.  

'Is-soċjaliżmu jara li jkunu mgħejjuna dawk li l-aktar għandhom bżonn.. Hekk nemmen jiena' 

U finalment ngħalqu l-intervista bis-soċjaliżmu. Il-Ministru Caruana tkellem ħafna dwar is-soċjaliżmu, imma mbagħad tiftaħ il-gazzetti u tara kif nies tal-qalba jingħataw il-kuntratti tal-eluf ta' ewro, l-istess erba' minn nies jgħaddu minn xogħol ta' eluf għal ieħor ta' eluf, negozjanti ta' ċerta saħħa enormi jingħataw l-arja u allegatament anke commissions. Dan x'soċjaliżmu hu?  

Falzon jibda billi jfakkar li l-ebda sistema ma hi perfetta, lanqas is-soċjaliżmu.  

Ifakkar iżda li dan huwa twemmin ta' struttura li "tara kif tinkludi lil kulħadd u tara li tgħin lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn. U dak huwa li nemmen jiena mija fil-mija. Jiena kull tarġa li tlajt fil-politika iġġilidt għaliha u dan jagħmel differenza għal mod ta' kif persuna taħseb u tara l-politika," itemm din l-intervista l-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.  

More in Intervisti