Baġit 2023 | ‘Il-Gvern għandu ċ-ċans li joħloq pagi ta’ €40,000 liż-żgħażagħ iżda qed jinjorana’

Id-Dokument tal-PN ta’ qabel il-Baġit ftit li xejn fih miżuri konkreti li se jolqtuk direttament u li jagħmlulek differenza fil-but. Iżda min-naħa l-oħra fih ħafna aċċenn fuq niċċeċ ekonomiċi ġodda. Mal-ILLUM il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia jgħid li l-Metaverse, l-eSports u l-industrija vertikali huma s-soluzzjoni tal-futur 

Wasal jum il-Baġit u bħal kull sena diversi nies ipoġġu mal-mejda tal-pranzu jew fuq xi sufan u jsegwu dak li qed jgħid il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana minn fuq it-televiżjoni biex jaraw x’se jiżdidilhom u x’se jonqsilhom mill-but.  

X’se tkun il-viżjoni għas-sena 2023 ta’ dan il-Gvern, sa’ llum għadna ma nafux iżda din il-gazzetta marret fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra u tkellmet mal-Oppożizzjoni fuq il-viżjoni tagħha, jekk wara kollox għandha viżjoni.  

Għaldaqstant l-ILLUM tkellmet mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia u ddiskutiet uħud mill-proposti għall-Baġit 2023, in-nuqqasijiet tal-Gvern u l-Oppożizzjoni u kif hu bħala Deputat ġdid fil-Parlament se jikkonvinċi lill-poplu dwar l-industriji vertikali, il-famuż Metaverse u liż-żgħażagħ biex ma jitilqux minn pajjiżna.  

‘Kieku l-Gvern investa fl-offshore windfarms kieku ma kienx jissussidja mill-Kaxxa ta’ Malta’  

Il-punt tat-tluq ta’ din l-intervista kien propju fuq il-kriżi tal-enerġija, il-pandemija u l-inflazzjoni. Tliet fatturi li mhux biss qed jaffetwaw lid-dinja kollha kemm hi iżda lil Malta wkoll. Tant hu hekk li l-Gvern iddeċieda li jintervjeni u jilqa’ għall-impatt finanzjarju li kienu se jġarrbu diversi Maltin billi jissussidja l-enerġija. Il-Gvern stess qal li din se tiswa lill-pajjiż €600 miljun. 

Allura l-Partit Nazzjonalista ma jirrikonoxxix li dan kien pass tajjeb li jsalva l-impjiegi u jaċċerta stabbilità?  

Caruana Cilia jibda billi jisħaq li fejn hu ġust, kemm min-naħa tiegħu bħala Kelliem għall-Finanzi kif ukoll mill-Oppożizzjoni, huwa rikonoxxut. Fil-fatt saħaq li l-PN kien oġġettiv fl-analiżi tiegħu u għamel aċċenn għall-isfidi li ġarrab il-pajjiż meta nieda sett ta’ proposti, tliet ijiem ilu biss.  

Madankollu Caruana Cilia saħaq li ma jistax ma jikkritikax il-fatt li ċertu nuqqasijiet tal-Gvern ta’ snin ilu, issa qed jinħassu aktar minn qatt qabel. Mistoqsi biex jelabora aktar, Caruana Cilia qal li l-Gvern preżenti għandu t-tendenza li jaħdem bis-sistema ta’ ‘management by crisis’, jiġifieri li filwaqt li jilqa’ għall-kriżi dak il-mument ma’ jaħsibx għall-futur. 

Caruana Cilia stqarr li l-Gvern hekk għamel biex jaffaċċja l-kriżi tal-enerġija. “Naqbel li qiegħed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija, tajjeb. Però li kieku snin ilu investa f’enerġija rinovabbli, partikolarment dik tal-offshore wind farm, kieku llum il-ġurnata dawn qed jiġġeneraw 20% tal-enerġija u l-flus maħruġa mill-kaxxa tal-pajjiż qed jintużaw għal skopijiet oħra.”  

Hawn l-ILLUM waqqfitu u fakkret li sa ftit snin ilu taħt tmexxija Nazzjonalista, il-pajjiż kellu sitwazzjoni simili u dak iż-żmien il-Gvern mhux talli ma investiex f’offshore windfarms, talli għażel li jgħolli l-kontijiet tad-dawl minflok issussidja.  

Caruana Cilia reġa tenna li jaqbel mas-sussidji tal-Gvern u bl-aktar mod sempliċi spjega li jekk il-Gvern ma ssussidjax l-enerġija u ikel mhux proċessat, “kieku aħna effettivament ikollna inflazzjoni ferm aktar miż-żona ewro, jiġifieri dik ta’ 9.1%.”  

Għal darb’oħra tenna li, “iva, naqblu ma’ dik id-deċiżjoni li ttieħdet. Iżda li kieku l-Gvern investa aktar fl-enerġija, kieku żgur mhux forsi kien joħroġ ferm inqas flus.”  

Huwa rrimarka wkoll li hemm nuqqas ta’ ppjanar fuq l-offshore wind farming hekk kif il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli “qed tgħid mod u l-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2030 qed jgħid mod ieħor.” Fakkar li filwaqt li l-Ministru Dalli ħabbret li qed isir qafas u studju għall-implimentazzjoni ta’ offshore wind farm, il-pjan nazzjonali jisħaq - b’kontradizzjoni lejn dak li qiegħed jipproponi hu stess bħala soluzzjoni - li offshore wind farm, “ma jista’ qatt jiġi implimentat fil-kuntest lokali, minħabba numru ta’ restrizzjonijiet.”  

‘Il-Metaverse ġie redikolat minn apoloġisti tal-Gvern… aħna irriduh li jittieħed bis-serjetà’  

L-ILLUM reġgħet għamlet referenza għall-perjodu tal-pandemija u li minkejja l-ħerba li kkawżat lill-ekonomiji globali, ħafna negozji Maltin għadhom hemm, b’uħud reġgħu irreġistraw profitt.  

Dan ma jirrikonoxxihx Caruana Cilia?   

“Aħna qed immorru lil hinn mill-pandemija u l-immaniġġjar bi kriżi. Fil-fatt qed nissuġġerixxu viżjoni ekonomika alternattiva b’niċċeċ ġodda.  Dak hu l-unika mod li permezz tiegħu l-ħaddiema u l-professjonisti f’pajjiżna jistgħu verament ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar,” stqarr Caruana Cilia.  

L-ILLUM tistaqsi kif. X’inhuma dawn il-niċeċ, li qed jgħid li huma daqstant bżonnjużi?  

“Il-Metaverse.” Hekk beda jwieġeb Caruana Cilia f’eku tal-proposta nazzjonalista fil-programm elettorali tal-PN, f’Marzu li għadda. Huwa stqarr mal-ILLUM li xhur ilu meta kienu ipproponew għall-ewwel darba l-Metaverse u n-numru ta’ setturi li joħloq, “apoloġisti tal-Gvern irredikolawh. Aħna rridu li l-Gvern jieħdu bis-serjetà.” 

Id-Deputat saħaq li l-Metaverse huwa l-pass li jmiss li huwa proġettat li sa inqas minn 10 snin oħra kapaċi jiġġenera madwar €10.1 triljun. Spjega li l-mexxejja kummerċjali internazzjonali kollha qed jisħqu dwar l-importanza ta’ dan is-settur, deskritt minnu bħala l-industrija vertikali, li fiha jamalgama l-kummerċ diġitali, it-tagħlim virtwali, r-reklamar diġitali, il-gaming u aktar fost oħrajn.  

Għal darb’oħra l-ILLUM twaqqfu u tistaqsi: “X’garanzija għandha l-Oppożizzjoni li dak li qed tipproponi se jħalli frott? Ma taħsibx li għad hemm negozjanti li għadhom xettiċi? Bħala Oppożizzjoni, kif se tikkonvinċu lill-pubbliku u lill-Gvern li l-Metaverse huwa daqstant kruċjali?” 

“Aħna mhux nivvintaw xi rota ġdida,” qal Caruana Cilia. Fakkar ukoll fis-settur tal-iGaming li Gvern Nazzjonalista, “kien kapaċi, fil-bidu, jaħdem u jistinka biex jattira. Dak iż-żmien kien hemm min ma fehmx x’kontribut kien se jkollu fl-ekonomija ta’ pajjiżna.”  

Żied li kien hemm żmien fejn diversi nies kienu jaraw il-Gaming bħala xi ħaġa remota. “Imma għax konna bilgħaqal - u għax kien hemm viżjoni ekonomika fit-tul - irnexxielna.”  

Qal li Gvern Nazzjonalista ħadem, stinka u ra li jkun hemm il-qafas regolatorju, il-ħiliet kif ukoll ġab esperti minn barra biex iħarrġu lill-Maltin. "Illum kulħadd jirrikonoxxi is-suċċess li qiegħed jagħmel il-Gaming. Fil-fatt għadna ngawdu minnu sal-ġurnata ta' llum."  

Spjega wkoll li anke l-eSports, jiġifieri l-isport diġitali, għandu jingħata l-attenzjoni meħtieġa għax sas-sena 2026, qiegħed jiġi valutat għal aktar minn €300 miljun. Caruana Cilia qal li jemmen bi sħiħ li din hija t-triq li bħala pajjiż għandna bżonn naqbdu, “u Allaħares ma jkunx hekk. L-unika triq ‘il quddiem hi li noħolqu mudell ekonomiku sostenibbli u reżiljenti li jinvesti b’dawn l-industriji vertikali.”  

‘Għaliex mhux nużaw l-kompetenzi li ksibna mill-greylisting?’ 

Caruana Cilia qal li għaddew xhur minn mindu ħriġna mill-greylisting u “l-Gvern għadu ma għamel xejn, biex nużaw il-kompetenzi li kisbu l-professjonisti waqt iż-żmien li għamilna fil-greylisting.”  

Qal li fis-sena li pajjiżna għamel fil-greylist, diversi professjonisti tħarrġu u rnexxielhom jiġġeneraw kompetenzi li lil hinn minn xtutna hemm għatx kbir għalihom. Għaldaqstant kien hawn li Caruana Cilia staqsa: “Għaliex il-Gvern mhux juża dawn il-kompetenzi?” Huwa appella wkoll li l-Gvern, b’sens ta’ djalogu u umiltà, jitkellem mal-mexxejja kummerċjali lokali, għaliex skont hu din hija opportunità oħra li pajjiżna qed jonqos milli jieħu.  

‘M’għandux ikun hemm tibdil ad hoc fil-mekkaniżmu tal-COLA'  

L-ILLUM bil-proposta tal-Kamra tal-Kummerċ dwar il-COLA f’idejha - jiġiferi li jingħata €6 kull sena, għal tliet snin - staqsiet lil Caruana Cilia x’jaħseb dwarha, bħala l-Kelliem tal-PN għall-Finanzi.  

“Jien kont diġà ċar u kategoriku, li aħna bħala Oppożizzjoni ninsistu li għandu jintuża l-mekkaniżmu eżistenti u ma jkunx hemm tibdil ad hoc, mingħajr il-qbil tal-membri kollha tal-MCESD,” qal Caruana Cilia. Fil-fatt huwa minnu li l-Oppożizzjoni kienet insistenti li ma ssirx din il-bidla, tant li fid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit saħqet li għal dawn l-aħħar 30 sena, “il-mekkaniżmu preżenti bid-difetti u l-benefiċċiji tiegħu, ħoloq atmosfera ta’ paċi industrijali, relazzjonijiet industrijali stabbli u ġustizzja soċjali.”  

Madankollu Caruana Cilia stqarr mal-ILLUM li l-Oppożizzjoni temmen li għandu jkun hemm diskussjoni matura u sens ta’ djalogu ġenwin bejn il-partijiet kollha dwar il-mekkaniżmu attwali tal-COLA.  

Apparti minn hekk bħala Oppożizzjoni qed tipproponi li jiġu stabbiliti kriterji ġodda u aktar wiesa’ ta’ x’jiġi kkunsidrat bħala perjodu ta’ ċirkostanzi straordinajri u li fih – bi ftehim mal-membri kollha tal-MCESD, jibda’ jitħaddem mekkaniżmu ġdid f’ċirkostanzi straordinarji.  

Hawn Caruana Cilia mill-ġdid reġa’ insista għall-bżonn li jinħolqu industriji vertikali ġodda “u għaldaqstant joħloq pagi li jrendu.”  

‘Il-mudell ekonomiku tagħna mhuwiex li jintaxxa lin-nies iżda li joħloq pagi tajbin’  

Il-bejgħ taċ-ċittadinanza u l-passaport Malti riesaq lejn id-data ta’ iskandenza tiegħu. Dan għaliex il-Kummissjoni Ewropea se ttella’ lill-Malta fil-Qorti Ewropea proprju għaliex il-bejgħ taċ-ċittadinanza, li qabel kien isir minn Ċipru u l-Bulgarija wkoll, iqajjem diversi mistoqsijiet u dubji dwar l-intenzjonijiet tax-xerrej.  

Tliet xhur ilu l-ILLUM tkellmet proprju fuq dan, fl-editorjal tagħha. Irridu nirrikonoxxu li dan il-bejgħ kien qiegħed idaħħal flejjes kbar fil-kaxxa ta’ Malta, anke jekk editorjalment din il-gazzetta ma tħossx li dan huwa l-aħjar mod kif pajjiżna jagħmel il-flus. Dakinhar l-ILLUM staqsiet; Il-Gvern kif se jkun qiegħed jagħmel tajjeb għal dan it-telf ta’ qligħ? 

Din id-darba l-gazzetta staqsiet lil Caruana Cilia jekk il-Gvern pereżempju għandux jintaxxa lis-sidien ta’ proprjetajiet vojta u ta’ prodotti lussużi - bħal xi jott - biex jagħmel tajjeb għal dawn il-flus li mistenni jitlef. 

F’risposta mhux daqstant konvinċenti, id-Deputat Nazzjonalista wieġeb biss li dawn huma possibilitajiet li l-Gvern jista’ jikkunsidra.  

L-ILLUM reġgħet staqsietu għal darb‘oħra jekk jaqbilx li jittieħdu dawn il-miżuri li jintaxxaw proprejtà u l-lussu. Filwaqt li tenna li għandu jsir djalogu mal-imsieħba soċjali “biex wieħed jikkonsidra li jmur għal dik id-direzzjoni”, saħaq li l-PN ma jridx jintaxxa lin-nies, iżda joffri impjiegi ta’ kwalità.  

Caruana Cilia - għal darba oħra - jerġa’ jelenka l-industriji vertikali u l-metaverse li jgħid li kapaċi joħolqu impjiegi li jħallsu ‘l fuq minn €40,000 fis-sena f’pagi għaż-żgħażagħ iżda jgħid li sa issa, “il-Gvern għażel li jinjora din il-possibilità.”  

Fuq nota kompletament differenti minn dak mistoqsi minn din il-gazzetta, Caruana Cilia irrimarka li llum 70% taż-żgħażagħ iridu jitilqu minn pajjiżna. L-ILLUM tfakkru li l-finanzi mhumiex neċessarjamet l-unika jew l-aktar raġuni għaliex iż-żgħażagħ għandhom din ix-xewqa, għax fosthom hemm il-problemi ambjentali u ċ-ċokon ta’ pajjiżna, li ħafna drabi jfisser opportunitajiet limitati. Allura kieku l-PN ikun fil-Gvern x’se jagħmel biex iħajjar aktar żgħażagħ jibqgħu hawn?  

Huwa qal li l-PN qed jipproponi li jingħataw inċentivi fiskali sostenibbli għal dawk li diġà jgħixu barra minn xtutna, li tħarrġu u kisbu l-għarfien barra, biex jerġgħu jiġu Malta u jaħdmu f’industriji li ripetutament waqt din l-intervista għamel referenza għalihom. 

‘Għaliex il-Gvern ma joqgħodx attent kif qed jonfoq flusu?’ 

Caruana Cilia reġa’ dar fuq il-possibilità ta’ aktar taxxi u rrimarka li l-Gvern għandu jkun ta’ eżempju u minflok jgħid lill-poplu biex jissikka ċ-ċintorin, “joqgħod attent kif jonfoq flusu u nnaqsu l-ħela minflok inżidu l-piżijiet fuq il-familji jew agħar minn hekk inaqqas l-inizjattivi.”  

Hawn għamel referenza għall-ftehim mal-klabb Ingliż Manchester United, “li qed jiġi irraportat li ġie jiswa €20 miljun.” Saħaq, b’ċertu sens ta’ rabja, li l-Gvern qiegħed jirrifjuta milli jindika kemm verament intefaq. “Meta staqsejtu fil-Parlament, taf x’qalli? Li kummerċjalment hemm informazzjoni sensittiva u ma jistax jgħid kemm intefaq b’kollox. Mela l-Gvern ngħidlu: Ejja inkunu bilgħaqal u evita direct orders lill-ħbieb, jew sparpaljar biex taqdi lil dak u lill-ieħor.”  

Il-gazzetta twaqqfu u tfakkru li taħt Gvern Nazzjonalista diretturi jew konsulenti żgur ma kinux jitħallsu bil-paga minima. Kieku jerġa’ jkun fil-Gvern se jħallashom xi €800 fix-xahar il-konsulenti? 

Stqarr li m’għandu l-ebda problema li jinħatar xi ħadd li għandu l-abbiltajiet meħtieġa u l-esperjenza u li b’hekk ikollu ċertu salarju. “Iżda persuna għandha tingħata impjieg għax hi tal-qalba? Jekk il-persuna jkollha l-ħiliet meħtieġa għandha tingħata li ħaqqha. Dan ħadd mhu qed jikkontestah, imma ejja inkunu realistiċi,” sostna Caruana Cilia.  

Jiġifieri qed jgħid li taħt tmexxija ta’ Gvern Nazzjonalista qatt ma kien hemm ħela?  

“Il-ħażin dejjem ħażin. Sar meta sar, għamlu min għamlu.” Hekk wieġeb id-Deputat filwaqt li saħaq li hu jħobb iħares lejn il-futur u mhux lejn il-passat. Saħaq li f’10 snin ta’ Gvern Laburista kien hemm ħela bla rażan, “li mhux talli ma naqsitx maż-żmien, iżda żdiedet.”  

Minkejja dan saħaq li hu Deputat ġdid fl-Oppożizzjoni u filwaqt li sar it-tajjeb mill-partit tiegħu stess, jirrikonoxxi l-iżbalji u n-nuqqasijiet li saru wkoll, “mill-partijiet kollha.”  

Temm l-intervista jgħid li bħala Deputat ġdid tal-PN u bħala Kelliem għall-Finanzi, il-ħidma tiegħu hi li “jkollna politika ġdida, innovattiva, li nħarsu ‘l quddiem b’umiltà u nikkonvinċu lin-nies dwar il-ħidma tagħna.”  

More in Intervisti